Stampa it-test ⇨

SINODU TA’ L-ISQFIJIET

IT-III ASSEMBLEA ĠENERALI STRAORDINARJA

 L-ISFIDI PASTORALI DWAR IL-FAMILJA

FIL-KUNTEST TA’ L-EVANĠELIZZAZZJONI

 Dokument preparatorju

Il-Belt tal-Vatikan - 2013

 

I – Is-Sinodu: familja u evanġelizzazzjoni

 

Il-missjoni tax-xandir tal-Vanġelu lil kull ħlejqa ġie fdat direttament mill-Mulej lid-dixxipli tiegħu u l-Knisja hi dik li tkompli twettaqha fl-istorja.  Fiż-żmien li qegħdin ngħixu fih, il-kriżi evidenti soċjali u spiritwali saret sfida pastorali, li tinterpella l-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni tal-Knisja għall-familja, nikleu ħaj tas-soċjetà u tal-komunità ekkleżjali.

 

Il-lum iżjed minn qatt qabel, f’dan il-kuntest, hu urġenti u meħtieġ li nipproponu l-Vanġelu tal-familja.  L-importanza ta’ din it-tema toħroġ mill-fatt li l-Qdusija Tiegħu l-Papa ddeċieda li jitlob lis-Sinodu ta’ l-Isqfijiet jiffoka fuq ħidma maqsuma f’żewġ tappi: l-ewwel, l-Assemblea Ġenerali Straordinarja ta’ l-2014, maħsuba biex tiddefinixxi l-i“status quæstionis” u tiġbor ix-xhieda u l-proposti ta’ l-Isqfijiet għat-tħabbir u l-għixien kredibbli tal-Vanġelu tal-familja; it-tieni, l-Assemblea Ġenerali Ordinarja ta’ l-2015, biex tfittex tfassal linji ta’ ħidma għall-pastorali mal-persuna umana u mal-familja.

 

Il-lum qed jitfaċċaw problematiċi li sa ftit tas-snin ilu ma konniex noħolmu bihom, miż-żieda fl-għadd ta’ koppji de facto (koabitazzjoni), li ma jersqux għaż-żwieġ u xi kultant anki jeskludu l-idea tiegħu, għall-unjonijiet bejn persuni ta’ l-istess sess, li mhux darba jew tnejn jiġu fdati wkoll bl-adozzjoni ta’ l-ulied.  Fost l-għadd ta’ sitwazzjonijiet ġodda li jitolbu l-attenzjoni u l-impenn pastorali tal-Knisja, biżżejjed infakkru f’dawn: żwiġijiet imħallta jew inter-reliġjużi; familja b’ġenitur wieħed; poligamija; żwiġijiet bil-problema konsegwenzjali tad-dota, spiss maħsuba bħala prezz biex tinxtara l-mara; is-sistema tal-kasti; kultura li ma tridx tidħol għal impenn fit-tul u li tħares lejn ir-rabta taż-żwieġ bħala ħaġa temporanja; forom ta’ femminiżmu ostili għall-Knisja; fenomeni migratorji u riformulazzjoni ta’ l-istess idea ta’ x’inhi familja; pluraliżmu relattivista fil-kunċett ta’ x’inhu żwieġ; l-influwenza tal-medja fuq x’tifhem il-kultura popolari bi żwieġ u b’ħajja tal-familja; tendenzi ta’ ħsieb li jwasslu għal proposti leġislattivi li jiżvalutaw il-permanenza u l-fedeltà tal-patt taż-żwieġ; it-tixrid tal-fenomenu ta’ l-ommijiet sostituti (il-kiri ta’ l-utru); interpretazzjonijiet ġodda tad-drittijiet tal-bniedem.  Imma fuq kollox, f’kuntest iżjed strettament ekkleżjali, qed tiddgħajjef jew anki tiġi mwarrba l-fidi fis-sagramentalità taż-żwieġ u fil-qawwa terapewtika tal-penitenza sagramentali.

 

Minn dan kollu wieħed jifhem kemm hi ħaġa urġenti li l-attenzjoni ta’ l-episkopat tad-dinja “cum et sub Petro” jindirizza dawn l-isfidi.  Jekk, ngħidu aħna, naħsbu fuq is-sempliċi fatt li fil-kuntest attwali ħafna tfal u żgħażagħ, li jkunu twieldu minn żwiġijiet irregolari, għandhom mnejn ma jaraw qatt lill-ġenituri tagħhom jersqu lejn is-sagramenti, nifhmu kemm huma urġenti l-isfidi li għandha quddiemha l-evanġelizzazzjoni frott tas-sitwazzjoni attwali, li tidher f’kull rokna tal-“villaġġ globali”.  Ma’ din ir-realtà attwali jikkorrispondi b’mod partikulari l-livell wiesa’ ta’ kif fi żmienna qed jiġi milqugħ it-tagħlim fuq il-ħniena divina u fuq l-għożża li biha għandna nimxu mal-persuni muġugħa, fil-periferiji ġeografiċi u eżistenzjali: bosta huma t-tamiet li joħorġu minn hawn dwar liema għandhom ikunu l-għażliet pastorali dwar il-familja.  Għalhekk tidher wisq meħtieġa u urġenti riflessjoni tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet fuq dawn it-temi, u hi wkoll doveruża bħala espressjoni ta’ mħabba tar-Rgħajja fil-konfront ta’ dawk fdati f’idejhom u tal-familja kollha tal-bnedmin.

 

II – Il-Knisja u l-Vanġelu tal-familja

 

L-aħbar it-tajba ta’ l-imħabba divina għandha tiġi mxandra lil dawk kollha li qed jgħixu din l-esperjenza fundamentali umana personali, ta’ koppja u ta’ komunjoni miftuħa għad-don ta’ l-ulied, li hi l-komunità tal-familja.  Id-duttrina tal-fidi dwar iż-żwieġ għandha tiġi ppreżentata b’mod artikulat u effikaċi, biex tkun tista’ tilħaq il-qlub u tibdilhom skond ir-rieda ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu.

 

Dwar dak li nsibu fl-għejun Bibliċi dwar iż-żwieġ u l-familja, hawn qed jidhru biss ir-riferimenti essenzjali.  L-istess jingħad għad-dokumenti tal-Maġisteru: hawn rajna li aħjar nillimitaw ruħna għad-dokumenti tal-Maġisteru universali tal-Knisja, fejn inkludejna wkoll xi testi tal-Kunsill Pontifiċju tal-Familja, waqt li nħallu f’idejn l-Isqfijiet li sa jieħdu sehem fis-Sinodu biex isemmgħu l-vuċi tad-dokumenti ta’ l-organiżmi episkopali rispettivi tagħhom.

 

F’kull żmien u f’kulturi differenti sew minn xulxin qatt ma naqsu la t-tagħlim ċar tar-rgħajja u lanqas ix-xhieda konkreta ta’ dawk l-irġiel u nisa ta’ fidi li f’ċirkustanzi differenti ħafna għexu l-Vanġelu tal-familja bħala don bla qies għall-ħajja tagħhom u ta’ wliedhom.  L-impenn tas-Sinodu Staordinarju li jmiss hu mqanqal u mwieżen mix-xewqa li nwasslu lil kulħadd, b’ċarezza ikbar, dan il-messaġġ, bit-tama li hekk “it-teżor tar-Rivelazzjoni, fdat lill-Knisja, jimla dejjem aktar il-qalb tal-bnedmin” (Dei Verbum, 26).

 

Il-pjan ta’ Alla Ħallieq u Feddej

 

Il-ġmiel tal-messaġġ Bibliku dwar il-familja għandu għeruqu fil-ħolqien tar-raġel u tal-mara t-tnejn fuq ix-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:24-31; 2:4b-25).  Marbuta b’rabta sagramentali indissolubbli, l-għarajjes jgħixu l-ġmiel ta’ l-imħabba, tal-paternità, tal-maternità u tad-dinjità suprema li b’dan il-mod jieħdu sehem fl-opra ħallieqa ta’ Alla.

 

Fid-don tal-frott ta’ l-għaqda ta’ bejniethom jassumu r-responsabbiltà li jrabbu u jedukaw persuni oħra għall-ġejjieni tal-ġeneru uman.  Permezz tal-prokreazzjoni r-raġel u l-mara jwettqu fil-fidi l-vokazzjoni tagħhom li jkunu kollaboraturi ta’ Alla fil-ħarsien tal-ħolqien u fit-trobbija tal-familja tal-bnedmin.

 

Il-Beatu Ġwanni Pawlu II ikkummenta dwar dan l-aspett fil-Familiaris Consortio: “Alla ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu (ara Ġen 1:26s): tah il-ħajja għax ħabbu u, fl-istess ħin, ħalqu biex iħobb.  Alla hu mħabba (1 Ġw 4:8) u jgħix fih innifsu fil-misteru ta’ l-għaqda fl-imħabba tat-Tliet Persuni.  Alla ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu u jibqa’ jżommu ħaj, u jnissel fih is-sejħa u, għalhekk, il-ħila u d-dmir fil-kuxjenza ta’ l-imħabba u ta’ l-għaqda (ara Gaudium et Spes, 12).  L-imħabba hi għalhekk is-sejħa ewlenija u naturali ta’ kull bniedem” (FC, 11).

 

Dan il-pjan ta’ Alla ħallieq, li ġie mxekkel mid-dnub oriġinali (ara Ġen 3:1-24), deher tul l-istorja fil-ġrajjiet tal-poplu l-magħżul sal-milja taż-żminijiet, meta, bl-inkarnazzjoni tiegħu l-Iben ta’ Alla mhux biss ikkonferma r-rieda divina ta’ salvazzjoni, imma bil-fidwa li ġab offra l-grazzja ta’ l-ubbidjenza għal din ir-rieda.

 

L-Iben ta’ Alla, Verb magħmul bniedem (ara Ġw 1:14) fil-ġuf ta’ l-Omm Verġni, għex u kiber fil-familja ta’ Nazareth, u ħa sehem fit-tieġ ta’ Kana, festa li stagħniet bl-ewwel fost is-“sinjali” tiegħu (ara Ġw 2:1-11).  Hu laqa’ bil-ferħ il-merħba familjari ta’ l-ewwel dixxipli tiegħu (ara Mk 1:29-31; 2:13-17) u offra faraġ fil-viżtu tal-familja ta’ ħbiebu f’Betanja (ara Lq 10:38-42; Ġw 11:1-44).

 

Ġesù Kristu reġa’ waqqaf il-ġmiel taż-żwieġ meta ppropona mill-ġdid lill-bniedem il-pjan waħdieni ta’ Alla, li minħabba fil-qalb iebsa tal-bniedem kien ġie mwarrab għall-ġenb saħanistra fi ħdan l-istess tradizzjoni tal-poplu ta’ Israel (ara Mt 5:31-32; 19:3-12; Mk 10:1-12; Lq 16:18).  Ġesù reġa’ lura għall-bidu ta’ kollox meta għallem dwar l-għaqda u l-fedeltà ta’ bejn il-miżżewġin, u rrifjuta l-prattika tar-rifjut tal-mara u ta’ l-adulterju.

 

Propju permezz tal-ġmiel staordinarju ta’ l-imħabba umana – diġà ċċelebrat b’enfasi ispirata fl-Għanja ta’ l-Għanjiet, u tar-rabta bejn il-miżżewġin mitluba u mħarsa minn Profeti bħal Ħosegħa (ara Ħos 1:2-3:3) u Malakija (ara Mal 2:13-16) –, Ġesù afferma d-dinjità oriġinarja ta’ l-imħabba tar-raġel u tal-mara.

 

It-tagħlim tal-Knisja dwar il-familja

 

Anki fil-komunità Nisranija tal-bidu l-familja tidher bħala l-“Knisja tad-dar” (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1655): fl-hekk imsejħa “kodiċi familjari” ta’ l-Ittri Appostoliċi Neotestamentarji, il-familja kbira tad-dinja antika hi identifikata bħala l-post tas-solidarjetà l-iżjed profonda bejn l-irġiel u n-nisa miżżewġa, bejn ġenituri u wlied, bejn għonja u foqra (ara Efes 5:21-6,9; Kol 3:18-4,1; 1 Tim 2:8-15; Tit 2:1-10; 1 Piet 2:13-3,7; ara wkoll l-Ittra lil Filemon).  B’mod partikulari, l-Ittra lill-Efesin tara fl-imħabba taż-żwieġ bejn ir-raġel u l-mara “il-misteru kbir”, li jagħmel preżenti fid-dinja l-imħabba ta’ Kristu u tal-Knisja (ara Efes 5:31-32).

 

Matul is-sekli, fuq kollox fl-epoka moderna sa żmienna, il-Knisja ma waqfitx twassal b’mod kostanti u dejjem iżjed it-tagħlim tagħha dwar il-familja u fuq iż-żwieġ li bih hi mwaqqfa.  Fost l-ogħla espressjonijiet hemm dik li ppropona l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, li meta tittratta xi wħud mill-problemi l-iżjed urġenti, tiddedika kapitlu sħiħ lill-promozzjoni tad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja, kif naraw meta tfisser il-valur tagħha għall-bini tas-soċjetà: “Il-familja, li fiha diversi ġenerazzjonijiet jiltaqgħu u jgħinu lil xulxin biex jiksbu għerf uman aktar sħiħ u biex iqabblu kif jixraq il-jeddijiet tal-persuni mal-ħtiġijiet l-oħra tal-ħajja soċjali, tkun tifforma l-pedament tas-soċjetà” (GS, 52).  Ta’ intensità speċjali hu l-appell għal spiritwalità Kristoċentrika għall-miżżewġin li jemmnu: “L-istess miżżewġin, magħmulin xbieha ta Alla ħaj u mqegħdin fdinjità vera ta persuni, għandhom ikunu magħqudin fi mħabba ugwali, fi ħsieb wieħed, fi sforz wieħed li jqaddsu lil xulxin.  B’hekk, fil-waqt li jimxu wara Kristu, il-bidu tal-ħajja, fil-ferħ u fis-sagrifiċċji tas-sejħa tagħhom, permezz ta l-imħabba tagħhom fidila jistgħu jsiru xiehda ta dak il-misteru ta mħabba li l-Mulej wera lid-dinja bil-mewt u l-qawmien tiegħu” (GS, 52).

 

Anki s-Suċċessuri ta’ Pietru wara l-Konċilju Vatikan II bil-Maġisteru tagħhom għanew id-duttrina dwar iż-żwieġ u l-familja, b’mod partikulari Pawlu VI bl-Enċiklika Humanæ Vitæ, li toffri tagħlim speċifiku ta’ prinċipju u prassi.  Warajh, il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio ippropona b’insistenza l-pjan divin dwar il-verità oriġinarja ta’ l-imħabba fiż-żwieġ u fil-familja: “Il-‘post’ waħdieni fejn dan l-għoti sħiħ iseħħ fil-verità kollha tiegħu hu ż-żwieġ, sew jekk hu l-patt ta’ mħabba fiż-żwieġ, sew jekk hu l-għażla magħmula bil-libertà kollha u b’għarfien sħiħ, mir-raġel u l-mara li jaċċettaw dik l-għaqda fil-qalb, ta’ ħajja u ta’ mħabba li Alla stess irid (ara Gaudium et Spes, 48), u li biss b’dan il-mod turi l-veru tifsir tagħha.  L-istituzzjoni taż-żwieġ m’hix indħil bla raġuni tas-soċjetà jew ta’ l-awtorità u lanqas impożizzjoni minn barra ta’ sura ta’ għaqda, imma hi ħaġa mitluba mill-istess natura tal-patt ta’ mħabba bejn il-miżżewġin, patt li quddiem kulħadd jitħabbar bħala patt waħdieni u għal kollox speċjali li l-miżżewġin iridu jgħixuh b’fedeltà sħiħa għall-pjan ta’ Alla li ħalaq kollox.  Il-libertà tal-bniedem mhux biss ma tiġix imxekkla minn din il-fedeltà, imma minnha tiġi mħarsa minn kull sura ta’ suġġettiviżmu u ta’ relattiviżmu, u msieħba ma’ l-Għerf li joħloq” (FC, 11).

 

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jiġbor dan it-tagħlim fundamentali: “Ir-rabta taż-żwieġ, li biha r-raġel u l-mara jwaqqfu komunità intima ta’ ħajja u ta’ mħabba, twaqqfet u ġiet mogħtija l-liġijiet propji tagħha mill-Ħallieq.  Min-natura tagħha trid ukoll iġġib il-ġid tal-miżżewġin u t-tnissil u t-trobbija ta’ l-ulied.  Ir-rabta taż-żwieġ bejn tnejn mgħammdin ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ sagrament minn Kristu l-Mulej (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Gaudium et Spes, 48; Kodiċi tad-Drittu Kanoniku, 1005, 1)” (KKK, 1660).

 

Id-duttrina esposta fil-Katekiżmu tmiss kemm il-prinċipji teoloġiċi u kemm l-imġibiet morali, ittrattati taħt żewġ titli differenti: Is-sagrament taż-żwieġ (nri 1601-1658) u Is-sitt kmandament (nri 2331-2391).  Jekk naqraw sew dawn il-partijiet tal-Katekiżmu naslu għal għarfien aġġornat tad-duttrina tal-fidi li tgħin lill-Knisja tieħu azzjoni quddiem l-isfidi tal-lum.  Il-pastorali tagħha ssib l-ispirazzjoni tagħha fil-verità taż-żwieġ bħala parti mill-pjan ta’ Alla li ħalaq raġel u mara u fil-milja taż-żmien wera f’Ġesù anki l-milja ta’ l-imħabba taż-żwieġ mgħollija għall-ġieħ ta’ sagrament.  Iż-żwieġ Nisrani mwaqqaf fuq il-kunsens hu mogħni wkoll bl-effetti tiegħu li huma l-ġid u d-dmirijiet tal-miżżewġin, madankollu m’hux meħlus mill-ħakma tad-dnub (ara Ġen 3:1-24) li jista’ joħloq ġrieħi kbar u anki offiżi kontra l-istess dinjità tas-sagrament.

 

L-Enċiklika riċenti tal-Papa Franġisku, Lumen Fidei, titkellem dwar il-familja fir-rabta tagħha mal-fidi li turi “kemm jistgħu jkunu sodi r-rabtiet bejn il-bnedmin, meta Alla jkun preżenti f’nofshom” (LF, 50).  “L-ewwel ambjent li fih il-fidi ddawwal il-belt tal-bnedmin jinsab fil-familja.  Naħseb qabel xejn fl-għaqda stabbli tar-raġel u l-mara fiż-żwieġ. Hi titwieled minn imħabbithom, sinjal u preżenza ta l-imħabba ta’ Alla, mill-għarfien u l-aċċettazzjoni tal-ġmiel tad-differenza sesswali, li biha l-miżżewġin jistgħu jingħaqdu f’ġisem wieħed (ara Ġen 2:24) u għandhom ħila jnisslu ħajja ġdida, wirja tat-tjieba tal-Ħallieq, ta l-għerf tiegħu u tal-pjan tiegħu ta’ mħabba.  Imwaqqfin fuq din l-imħabba, raġel u mara jistgħu jwiegħdu ’l xulxin l-imħabba reċiproka b’ġest li jħaddan il-ħajja kollha u jfakkar f’ħafna aspetti tal-fidi.  Il-wegħda ta’ mħabba li tkun għal dejjem hi possibbli meta wieħed jikxef pjan akbar mill-proġetti tiegħu, li jsostnina u jħallina nagħtu l-ġejjieni kollu lill-persuna maħbuba (LF, 52).  “Il-fidi mhijiex kenn għal nies bla kuraġġ, iżda ġġib ’il quddiem il-ħajja tagħna.  Hi tikxef sejħa kbira, il-vokazzjoni għall-imħabba, u tiżgura li din l-imħabba hi affidabbli, li wieħed jaqbillu jingħata lilha, għaliex is-sies tagħha jinsab fil-fedeltà ta’ Alla, li hi aqwa minn kull dgħufija tagħna” (LF, 53).

 

III – Kwestjonarju

 

Il-mistoqsijiet li ġejjin jippermettu lill-Knejjes partikulari li jieħdu sehem attiv fit-tħejjija għas-Sinodu Staordinarju, li għandu l-għan li jħabbar il-Vanġelu qalb l-isfidi pastorali tal-lum dwar il-familja.

 

1 – Dwar it-tixrid ta’ l-Iskrittura Mqaddsa u tal-Maġisteru tal-Knisja dwar il-familja

 

a) Kemm jeżisti tabilħaqq għarfien dwar it-tagħlim tal-Bibbja, tal-Gaudium et Spes, tal-Familiaris Consortio u ta’ dokumenti oħra tal-Maġisteru post-konċiljari dwar il-valuri tal-familja skond il-Knisja Kattolika?  Il-fidili tagħna kif qed jiġu ffurmati għall-ħajja tal-familja skond it-tagħlim tal-Knisja?

 

b) Fejn it-tagħlim tal-Knisja hu magħruf, hu aċċettat kollu?  Jeżistu diffikultajiet biex jitqiegħed fil-prattika?  Liema huma?

 

ċ) Kif it-tagħlim tal-Knisja qed jiġi mxerred fil-kuntest ta’ programmi pastorali fuq livell nazzjonali, djoċesan u parrokkjali?  X’katekeżi qed issir fuq il-familja?

 

d) Kemm – u b’mod partikulari fuq liema aspetti – dan it-tagħlim qed jiġi tabilħaqq magħruf, aċċettat, miċħud u/jew ikkritikat f’ambjenti barra mill-Knisja?  Liema huma l-fatturi kulturali li qed iżommu t-tagħlim tal-Knisja fuq il-familja milli jiġi milqugħ b’mod sħiħ?

 

2 – Dwar iż-żwieġ skond il-liġi naturali

 

a) X’post għandu l-kunċett ta’ liġi naturali fil-kultura ċivili, kemm fuq livell istituzzjonali, edukattiv u akkademiku, kemm fuq livell popolari?  X’viżjoni antropoloġika qed tiġi implikata f’dan id-dibattitu dwar il-bażi naturali tal-familja?

 

b) Il-kunċett ta’ liġi naturali f’rabta ma’ l-għaqda bejn raġel u mara hu komunement aċċettat bħala tali min-naħa ta’ l-imgħammdin b’mod ġenerali?

 

ċ) Kif qed tiġi kkontestata fil-prassi u fit-teorija l-liġi naturali dwar l-għaqda bejn raġel u mara fid-dawl tal-bini ta’ familja?  Kif qed tiġi proposta u approfondita fl-organiżmi ċivili u ekkleżjali?

 

d) Jekk mgħammdin mhux prattikanti jew li jiddikjaraw ruħhom ma jemmnux jersqu jitolbu ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, kif naffrontaw l-isfidi pastorali li joħorġu minn dan?

 

3 – Il-pastorali tal-familja fil-kuntest ta’ l-evanġelizzazzjoni

 

a) Liema huma l-esperjenzi li twieldu f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin fil-proċess tat-tħejjija għaż-żwieġ?  Kif fittixna li ninkuraġġixxu l-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni li għandhom il-miżżewġin u għandha l-familja?  Kif nagħmlu biex nippromovu l-kuxjenza tal-familja bħala “Knisja tad-dar”?

 

b) Irnexxielna nipproponu stili ta’ talb fil-familja li kapaċi jżommu wieqfa quddiem il-kumplessità tal-ħajja u tal-kultura tal-lum?

 

ċ) Fis-sitwazzjoni ta’ kriżi li għandna bejn il-ġenerazzjonijiet, il-familji Nsara kif għarfu jwettqu l-vokazzjoni tagħhom ta’ trasmissjoni tal-fidi?

 

d) B’liema mod il-Knejjes lokali u l-movimenti ta’ spiritwalità familjari għarfu joħolqu mixjiet li jservu ta’ mudelli?

 

e) X’inhu l-kontribut speċifiku li l-koppji u l-familji rnexxielhom jagħtu biex tixtered viżjoni integrali tal-koppja u tal-familja Nisranija li tkun kredibbli fil-ġurnata tal-lum?

 

f) X’attenzjoni pastorali wriet il-Knisja biex twieżen il-mixja tal-koppji li għadhom qed jiffurmaw u tal-koppji fi kriżi?

 

4 – Dwar il-pastorali li taffronta xi sitwazzonijiet ta’ żwiġijiet diffiċli

 

a) Il-konvivenza ad experimentum hi realtà pastorali rilevanti fil-Knisja partikulari?  X’persentaġġ numeriku tirrappreżenta?

 

b) Jeżistu rabtiet ħielsa de facto, li la għandhom rikonoxximent reliġjuż u lanqas ċivili?  Hemm statistika li tista’ toqgħod fuqha?

 

ċ) Is-separati u d-divorzjati li reġgħu żżewġu huma realtà pastorali rilevanti fil-Knisja partikulari?  X’persentaġġ numeriku jiffurmaw?  Kif qed naffrontaw din ir-realtà permezz ta’ programmi pastorali addattati?

 

d) F’dawn il-każi kollha: L-imgħammdin kif qed jgħixu l-irregolaritajiet tagħhom?  Konxji li qed jagħmlu hekk?  Jew sempliċement juru indifferenza?  Iħossuhom imwarrba u jgħixu bi tbatija l-fatt li ma jistgħux jirċievu s-sagramenti?

 

e) Liema huma t-talbiet li l-persuni divorzjati u miżżewġa mill-ġdid qed iressqu lill-Knisja f’rabta mas-sagramenti ta’ l-Ewkaristija u tar-Rikonċiljazzjoni?  Kemm minn dawn il-persuni li jinsabu f’dawn is-sitwazzjonijiet jitolbu dawn is-sagramenti?

 

f) Jekk titħaffef iżjed il-prassi kanonika dwar l-għarfien tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tar-rabta taż-żwieġ, dan jista’ joffri kontribut pożittiv veru għas-soluzzjoni tal-problemi tal-persuni involuti?  Jekk iva, b’liema modi?

 

ġ) Teżisti pastorali li tittratta dawn il-każijiet?  Kif qed issir ħidma pastorali bħal din?  Jeżistu programmi dwar hekk fuq livell nazzjonali u djoċesan?  Lis-separati u d-divorzjati li reġgħu żżewġu, kif qed titħabbrilhom il-ħniena ta’ Alla u l-Knisja kif qed issostnihom fil-mixja ta’ fidi tagħhom?

 

5 – Fuq l-unjonijiet bejn persuni ta’ l-istess sess

 

a) Fil-pajjiż tagħkom teżisti liġi ċivili li tagħraf l-unjoni bejn persuni ta’ l-istess sess ekwiparata b’xi mod maż-żwieġ?

 

b) X’atteġġjament qed jieħdu l-Knejjes partikulari u lokali kemm quddiem l-Istat ċivili li jippromovi l-unjonijiet ċivili bejn persuni ta’ l-istess sess, u kemm quddiem il-persuni mdaħħla f’din it-tip ta’ unjoni?

 

ċ) X’attenzjoni pastorali jista’ wieħed juri lejn persuni li għażlu li jgħixu skond din it-tip ta’ unjoni?

 

d) Fil-każ ta’ unjonijiet ta’ persuni ta’ l-istess stess li addottaw it-tfal, kif inġibu ruħna pastoralment fid-dawl tat-trasmissjoni tal-fidi?

 

6 – Dwar l-edukazzjoni ta’ l-ulied fil-ġuf f’sitwazzjonijiet ta’ żwiġijiet irregolari

 

a) F’dawn il-każi, x’proporzjoni ta’ tfal u adolexxenti jeżisti meta mqabbel mat-tfal imwielda u mrobbija f’familji mwaqqfa regolarment?

 

b) B’liema atteġġjament il-ġenituri jersqu għand il-Knisja?  X’qed jitolbu?  Is-sagramenti biss, jew anki l-katekeżi u t-tagħlim ġenerali tar-reliġjon?

 

ċ) Il-Knejjes partikulari kif qed jaffrontaw il-ħtieġa tal-ġenituri ta’ dawn it-tfal li joffru edukazzjoni Nisranija lil uliedhom?

 

d) Kif qed tiżvolġi l-prattika sagramentali f’każijiet bħal dawn: it-tħejjija, l-amministrazzjoni tas-sagrament u l-akkumpanjament?

 

7 – Fuq il-ftuħ tal-miżżewġin għall-ħajja

 

a) L-Insara kemm tabilħaqq jafu x’tgħallem l-Humanæ Vitæ dwar il-paternità responsabbli?  Kemm jafu dwar il-valutazzjoni morali tal-metodi differenti ta’ kontroll tat-twelid?  X’approfondimenti nistgħu nissuġġerixxu f’din il-materja mill-aspett pastorali?

 

b) Hi aċċettata din id-duttrina morali?  Liema huma l-aspetti l-iżjed problematiċi li joħolqu diffikultà fost il-parti l-kbira tal-koppji biex jaċċettawha?

 

ċ) Liema metodi naturali qed jippromovu l-Knejjes partikulari biex jgħinu lill-koppji miżżewġa jpoġġu fil-prattika d-duttrina ta’ l-Humanæ Vitæ?

 

d) X’inhi l-esperjenza li għandna dwar din it-tema fil-prassi tas-sagrament tal-penitenza u fil-partiċipazzjoni fl-Ewkaristija?

 

e) X’kuntrasti jidhru bejn id-duttrina tal-Knisja u l-edukazzjoni ċivili dwar dan is-suġġett?

 

f) Kif nippromovu mentalità li fil-parti l-kbira tagħha tkun miftuħa għat-tnissil ta’ l-ulied?  Kif niffavorixxu t-tkabbir tar-rata tat-twelid?

 

8 – Dwar ir-relazzjoni bejn il-familja u l-persuna

 

a) Ġesù Kristu jirrivela l-misteru u l-vokazzjoni tal-bniedem: il-familja qed tkun il-post ipprivileġġjat fejn dan jista’ jseħħ?

 

b) Liema sitwazzjonijiet kritiċi tal-familja tal-lum jistgħu jxekklu l-laqgħa tal-persuna ma’ Kristu?

 

ċ) Kemm kapaċi jinfluwenzaw il-ħajja tal-familja l-kriżijiet tal-fidi li l-persuni jistgħu jgħaddu minnhom?

 

9 – Sfidi u proposti oħrajn

 

Hemm sfidi u proposti oħra dwar it-temi ttrattati f’dan il-kwestjonarju li għalik jidhru bħala urġenti jew utli?

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard