IL-KTIEB TAS-SALMI

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

[S:1:1] Hieni l-bniedem

li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

[S:1:2] imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.

[S:1:3] Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat ta' l-ilma

li tagħmel  il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f'kull ma jagħmel.

 

[S:1:4] Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

[S:1:5] Għalhekk il-ħżiena ma jifilħux għall-ħaqq,

ma joqogħdux il-ħatja  fil-ġemgħat tat-tajbin.

[S:1:6] Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn.

 

2. Is-saltna universali tal-Messija

 

[S:2:1] Għaliex jixxewwxu l-ġnus,

u l-popli jreddnu għal xejn?

[S:2:2] Is-slaten ta' l-art iqumu,

u l-kbarat jiftiehmu bejniethom

kontra  l-Mulej u l-Midluk tiegħu:

[S:2:3] "Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom,

u ntajjru minn fuqna l-irbit tagħhom!"

 

[S:2:4] Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom,

il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom.

[S:2:5] Mbagħad ikellimhom bil-herra,

bil-qilla tiegħu jkexkixhom:

[S:2:6] "Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi,

fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!"

 

[S:2:7] Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej;

hu qalli: "Ibni int, jien illum nissiltek.

[S:2:8] Itlobni, u l-ġnus nagħtik b'wirtek,

u truf l-art bi priża tiegħek.

[S:2:9] B'virġa tal-ħadid int tkissirhom,

bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom. "

[S:2:10] U issa, slaten, ifhmu sewwa;

twiddbu, intom li taħkmu l-art.

[S:2:11] Aqdu lill-Mulej bil-biża',

u bir-rogħda riġlejh busu,

[S:2:12] li ma jagħdabx u intom tinqerdu,

għax malajr tixgħel il-qilla tiegħu.

Hienja dawk kollha li jistkennu fih!

 

3. Tama fit-tiġrib

 

[S:3:1] Salm ta' David, meta ħarab minn quddiem

ibnu Absalom.

[S:3:2] Kemm kotru, Mulej, l-għedewwa tiegħi!

Ħafna huma dawk li qamu għalija;

[S:3:3] ħafna huma dawk li jgħidu fuqi:

"M'hemmx salvazzjoni għalih f'Alla!"

[S:3:4] Imm'int, Mulej, tarka madwari,

inti l-ġieħ tiegħi, int terfagħli rasi.

[S:3:5] Jien b'leħen għoli l-Mulej insejjaħ;

hu jweġibni mill-għolja mqaddsa tiegħu.

[S:3:6] Immur nimtedd u norqod,

u nqum, għax il-Mulej iżommni.

[S:3:7] Ma nibżax minn poplu sħiħ

li jinġema' madwari kontrija.

[S:3:8] Qum, Mulej, salvani, Alla tiegħi!

Int tajt bil-ħarta lill-għedewwa tiegħi kollha,

lill-ħżiena kissirtilhom snienhom.

[S:3:9] Tiegħek, Mulej, ir-rebħa;

il-barka tiegħek fuq il-poplu tiegħek.

 

4. L-hena tat-tama f'Alla

 

[S:4:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti

tal-korda. Salm ta' David.

 

[S:4:2] Weġibni, meta nsejjaħlek,

Alla tal-ġustizzja tiegħi;

oħroġni fil-wisa' meta nkun imdejjaq,

ħenn għalija u isma' talbi.

[S:4:3] Intom, bnedmin, kemm se ddumu twebbsu

                                                                    qalbkom?

Għax tħobbu l-frugħa u tfittxu l-gideb?

[S:4:4] Kunu afu li l-Mulej wera tjieba kbira miegħi;

jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu.

[S:4:5] Triegħdu bil-biża', u la tidinbux;

aħsbu f'qalbkom billejl, u isktu!

 

[S:4:6] Offru s-sagrifiċċji li għandkom tagħmlu,

u ittamaw fil-Mulej.

[S:4:7] Ħafna jgħidu: "Min jurina r-riżq?"

Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta' wiċċek.

[S:4:8] Int nissilt l-hena f'qalbi,

aktar mill-kotra tal-qamħ u l-inbid tagħhom.

[S:4:9] Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem,

għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni.

 

5. Talba għall-għajnuna kontra l-ħażen

 

[S:5:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq il-flawti.

Salm ta' David.

 

[S:5:2] Mulej, agħti widen għal kliemi;

agħti kas tat-tnehid tiegħi.

[S:5:3] Isma' l-għajat tat-talb tiegħi,

Sultan tiegħi u Alla tiegħi,

għax lilek jiena nitlob.

[S:5:4] Mulej, fil-għodu int tisma' leħni,

fil-għodu nressaqlek talbi, u nistenna.

[S:5:5] Għax int m'intix Alla li tħobb il-ħażen;

il-ħażin ma jsibx postu għandek.

[S:5:6] Ma jiqfux il-kburin quddiem għajnejk;

int tobgħod kull min jagħmel id-deni.

[S:5:7] Int teqred min jitkellem bil-gideb.

Nies qattiela u qarrieqa jistmellhom il-Mulej.

[S:5:8] Imma jien għat-tjieba kbira tiegħek

nista' nidħol ġewwa darek;

ninxteħet quddiem is-santwarju mqaddes tiegħek,

mimli bil-biża' tiegħek.

[S:5:9] Mexxini, Mulej, fis-sewwa tiegħek

minħabba l-għedewwa tiegħi;

wittili t-triq tiegħek quddiemi.

[S:5:10] Is-sewwa m'huwiex fuq fommhom,

qalbhom bil-ħażen mimlija;

ħalqhom bħal qabar miftuħ,

imellsu biss bi lsienhom.

[S:5:11] Ħa jieħdu, o Alla, il-ħlas li ħaqqhom;

ħa jaqgħu bit-tnassis tagħhom.

Warrabhom għall-ħafna ħtijiet tagħhom, għax kontrik

                                                                       ħaduha.

[S:5:12] Ħa jifirħu dawk li jafdaw fik, u jithennew

                                                                għal dejjem;

ħarishom, u bik jithennew dawk li jħobbu 'l ismek.

[S:5:13] Għax int tbierek il-ġust, Mulej;

int tħaddnu bħal tarka bi tjubitek.

 

6. Talba fil-periklu tal-mewt

 

[S:6:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti

tal-korda. Fuq"Is-Seminit". Salm ta' David.

 

[S:6:2] Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek;

la twiddibnix fis-saħna tiegħek.

[S:6:3] Ħenn għalija, Mulej, għaliex inħossni mifni;

fejjaqni, Mulej, għaliex għadmi mfarrak;

[S:6:4] ruħi mħawwda għall-aħħar.

Mulej, int kemm se ddum ma tismagħni?

[S:6:5] Dur lejja, Mulej, u eħlisni;

salvani f'ġieħ it-tjieba tiegħek.

[S:6:6] Għax ħadd mill-mejtin ma jiftakar fik;

min ifaħħrek f'art l-imwiet?

[S:6:7] Nfnejt bit-tnehid tiegħi,

kull lejl nibki fuq friexi,

bid-dmugħ inxarrab soddti.

[S:6:8] Għajnejja bil-biki tgħarrqu,

u nfnew minħabba l-għedewwa tiegħi.

[S:6:9] Tbiegħdu minni, intom li tagħmlu l-ħażen,

għax sama' l-Mulej il-biki tiegħi.

[S:6:10] Sama' l-Mulej it-tħannin tiegħi;

jilqa' l-Mulej it-talba tiegħi.

[S:6:11] Jistħu u jinfixlu għall-aħħar l-għedewwa

                                                              tiegħi kollha,

u minnufih jerġgħu lura mħawwda.

 

7. Sejħa tal-ġusti lill-Imħallef Divin

 

[S:7:1] Għanja ta' David, li għanna lill-Mulej minħabba

f'Kus ta' Benjamin.

 

[S:7:2] Mulej, Alla tiegħi, fik il-kenn tiegħi;

salvani minn kull min iħabbatni, u eħlisni,

[S:7:3] li ma jaħtfunix bħal iljun u jqattgħuni,

u ma jkunx hemm min jeħlisni.

 

[S:7:4] Mulej, Alla tiegħi, jekk dan jien għamilt,

jekk ħatja ta' xi ħażen huma idejja,

[S:7:5] jekk b'deni għall-ġid ħallast lil ħabibi,

jew għal xejn b'xejn ħarbatt l-għadu tiegħi,

[S:7:6] ħa jqum l-għadu kontrija u jirbaħni,

ma' l-art taħt riġlejh jitfagħni,

u ġieħi fit-trab ikasbarli.

 

[S:7:7] Qum, Mulej, bil-qilla tiegħek,

ieqaf kontra s-saħna ta' l-għedewwa tiegħi;

stenbaħ, u agħmilli l-ħaqq li int ordnajt.

[S:7:8] Ħa jinġemgħu l-ġnus madwarek;

fuqhom int toqgħod fil-għoli.

[S:7:9] Mulej, int li tagħmel ħaqq mill-popli,

agħmel ħaqq minni, Mulej, skond is-sewwa tiegħi                                                              

u skond it-tjubija li hemm fija.

[S:7:10] Ħa jintemm il-ħażen tal-ħżiena,

u jitwettaq il-bniedem sewwa.

Int li tgħarbel il-moħħ u l-qalb, int Alla ġust.

[S:7:11] It-tarka tiegħi hu Alla,

li jsalva 'l min hu qalbu safja.

[S:7:12] Alla hu mħallef ġust,

Alla li dejjem jitħallas mill-ħażen.

[S:7:13] Tassew li l-għadu jiġi u jsinn is-sejf,

l-ark jissikka u jimmirah.

[S:7:14] Diġą ħejja l-armi tal-mewt,

il-vleġeġ għamilhom għodda mikwija.

[S:7:15] Arah, l-għadu jnissel il-ħażen,

jitqal bil-qerq u jiled il-gideb.

[S:7:16] Fetaħ bir u ħaffru sewwa;

iżda jaqa' fil-ħofra li għamel hu.

[S:7:17] Fuq rasu taqa' l-ħsara li għamel;

fuqu tinżel id-dnewwa tiegħu.

[S:7:18] Nrodd ħajr lill-Mulej għall-ġustizzja tiegħu;

ngħanni isem il-Mulej, isem l-Għoli.

 

8. Il-kobor ta' Alla u d-dinjitą tal-bniedem

 

[S:8:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "Il-Gittit".

Salm ta' David.

 

[S:8:2] Mulej, Sid tagħna,

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

Int qegħedt is-sebħ tiegħek 'il fuq mis-smewwiet.

[S:8:3] Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih

fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib;

int, li bnejt sur kontra l-għedewwa,

biex iġġib fix-xejn l-għadu u 'l min iqum kontrik.

[S:8:4] Nħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

[S:8:5] X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih,

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

[S:8:6] Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,

[S:8:7] qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu:

[S:8:8] in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem

                                                                 tax-xagħri;

[S:8:9] l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar,

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

[S:8:10] Mulej, Sid tagħna,

kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

9 (9A). Radd il-ħajr għar-rebħa fuq l-għedewwa

 

[S:9:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-għanja

"Mut-labben". Salm ta' David.

 

[S:9:2] Nfaħħrek, Mulej, b'qalbi kollha;

nxandar għeġubijietek kollha!

[S:9:3] Nifraħ u nithenna bik;

ngħanni lil ismek, int Alla l-għoli.

[S:9:4] Xħin jiġu lura l-għedewwa tiegħi,

jitfixklu u jgħibu quddiemek.

[S:9:5] Għax int ħadt f'idejk id-dritt u l-kawża tiegħi,

ta' mħallef ġust qgħadt fuq it-tron tiegħek.

[S:9:6] Ċanfart il-ġnus u qridt il-ħżiena;

ħassart isimhom għal dejjem ta' dejjem.

[S:9:7] Ntemmu l-għedewwa mħarbtin għal dejjem;

bliethom qridtilhom, u tifkirithom intilfet magħhom.

[S:9:8] Imma l-Mulej isaltan għal dejjem,

iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu.

[S:9:9] Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

jiġġudika l-popli bis-sewwa.

[S:9:10] Ikun il-Mulej kenn għal min hu mgħakkes,

kenn għalih fi żmien id-dwejjaq.

[S:9:11] Fik jittama min jagħraf lil ismek,

għax int, Mulej, ma titlaqx 'il min ifittxek.

[S:9:12] Għannu lill-Mulej li joqgħod f'Sijon,

xandru fost il-popli l-għemejjel tiegħu.

[S:9:13] Hu, li jitħallas mid-demm, jiftakar fihom,

ma jinsiex għajat l-imsejknin.

[S:9:14] Ħenn għalija, Mulej; ara n-niket tiegħi;

inti rfajtni u ħriġtni minn bibien il-mewt;

[S:9:15] biex inxandar tifħirek kollu

f'bibien il-belt ta' Sijon;

biex nifraħ minħabba l-ħelsien tiegħek.

[S:9:16] Waqgħu l-ġnus fil-ħofra li ħaffru;

fix-xibka li ħbew inqabad riġilhom.

[S:9:17] Għarraf il-Mulej lilu nnifsu u għamel il-ħaqq,

b'għemil idejh inqabad il-ħażin.

[S:9:18] Jinżlu l-ħżiena f'qiegħ l-art,

il-ġnus kollha li jinsew 'l Alla.

[S:9:19] Għax l-imsejken ma jintesiex għal dejjem,

it-tama tal-fqajrin ma tkunx għal dejjem fiergħa.

[S:9:20] Qum, Mulej! Ma jirbaħx il-bniedem!

Ħa jidhru l-ġnus għall-ħaqq quddiemek.

[S:9:21] Itfa', Mulej, it-twerwir fuqhom,

ħa jagħrfu l-ġnus li bnedmin huma.

 

10 (9B). Talba għall-għajnuna kontra l-għadu

 

[S:10:1] Għaliex, Mulej, int hekk imbiegħed?

Għaliex tinħeba waqt il-bżonn?

[S:10:2] Fi kburitu l-ħażin lill-fqir jaħqar,

jaqbdu fin-nases li nasablu.

 

[S:10:3] Il-ħażin jiftaħar bix-xewqat ta' qalbu,

fir-regħba tiegħu jisħet u jżeblaħ lill-Mulej.

[S:10:4] Fi kburitu jkasbar lill-Mulej, u f'xejn ma

                                                                        jfittxu;

u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu.

[S:10:5] Jirnexxi dejjem fi triqtu,

xejn ma jilħquh il-ġudizzji tiegħek,

bl-għedewwa tiegħu jiddieħak.

[S:10:6] Jgħid f'qalbu: "Ma niċċaqlaqx!

Minn nisel għal nisel ebda ħsara ma tilħaqni!"

 

[S:10:7] Saħta, qerq u dnewwa fuq fommu;

għawġ u ħsara fuq ilsienu.

[S:10:8] Wara l-ħitan tas-sejjieħ jissajja,

fil-moħbi joqtol nies bla ħtija;

għajnejh ifittxu lill-imsejken.

[S:10:9] Jgħasses fil-moħbi bħal iljun fil-bejta;

jgħasses biex lill-fqajjar jaħtaf,

jaqbdu u jkaxkru fix-xibka.

[S:10:10] Jitbaxxa, ma' l-art jinxteħet;

l-imsejkna jaqgħu taħt il-qilla tiegħu.

[S:10:11] Jgħid bejnu u bejn ruħu: "Alla nesa;

ħeba wiċċu, ma jħarisx iżjed. "

 

[S:10:12] Qum, Mulej! Erfa' idek, o Alla!

La tinsihomx lill-imsejknin.

[S:10:13] Għax għandu l-ħażin ikasbrek, o Alla,

u jaħseb li int ma tfittxux?

[S:10:14] Int tara, tabilħaqq, l-għawġ u l-ħsara,

u taħseb biex f'idejk teħodhom.

F'idejk jintelaq l-imsejken;

ta' l-iltim int sirt l-għajnuna.

[S:10:15] Kisser int driegħ il-ħażin u l-midneb,

ilħaqlu ħżunitu sakemm ma ssiblux iżjed.

 

[S:10:16] Sultan hu l-Mulej għal dejjem ta' dejjem;

nqerdu l-ġnus minn artu.

[S:10:17] It-talba ta' l-imsejknin smajtha, Mulej;

int taqtgħalhom ix-xewqa ta' qalbhom,

[S:10:18] biex tagħti raġun lill-iltim u l-maħqur;

u bniedem ta' l-art ma jbeżżax aktar.

 

11(10). Tama sħiħa f'Alla

 

[S:11:1] Għall-mexxej tal-kor. Ta' David.

 

Fil-Mulej hu l-kenn tiegħi;

mela kif tgħiduli: "Aħrab bħal għasfur lejn l-għolja;

[S:11:2] għax, ara, il-midinbin qed jiġbdu l-qaws,

u jqabbdu mal-watar il-vleġġa,

biex jolqtu fid-dlam lin-nies ta' qalb safja.

[S:11:3] Jekk is-sisien jinqalbu,

il-bniedem ġust x'jista' jagħmel?"

[S:11:4] Il-Mulej hu fit-tempju mqaddes tiegħu,

il-Mulej fis-sema għandu t-tron tiegħu;

għajnejh fuq il-bnedmin jitfa',

bi xfar għajnejh jiflihom.

 

[S:11:5] Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin;

hu jobgħod 'il min iħobb id-dnewwa.

[S:11:6] Xita ta' ġamar u kubrit jitfa' fuq il-ħżiena;

riħ jikwi jkun is-sehem li ħaqqhom.

[S:11:7] Għax ġust hu l-Mulej, u jħobb il-ġustizzja;

wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa.

 

12. Kontra l-ilsna ħżiena

 

[S:12:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Is-Seminit".

Salm ta' David.

 

[S:12:2] Għajnuna, Mulej, għax m'hawnx aktar

                                                                      twajbin;

għabu s-sinċiera minn fost il-bnedmin.

[S:12:3] Wieħed lil ieħor bil-gideb ikellem;

b'xufftejn qarrieqa, b'żewġt iqlub jitkellmu.

[S:12:4] Jaqta' l-Mulej ix-xufftejn qarrieqa,

kull ilsien li jitkellem bil-kburija,

[S:12:5] dawk li jgħidu: "Saħħitna fi lsienna,

kliem xufftejna magħna; min hu sidna?"

 

[S:12:6] "Minħabba t-tgħakkis tal-fqajrin

u l-krib ta' l-imsejknin,

jien issa se nqum,"  jgħid il-Mulej,

"nqum biex neħilsu, kif hu jixtieq."

[S:12:7] Kliem il-Mulej kliem safi,

fidda mgħoddija min-nar,

seba' darbiet imsoffija mit-trab.

 

[S:12:8] Int, Mulej, tieħu ħsiebna

tħarisna minn dan in-nisel għal dejjem.

[S:12:9] Għax il-ħżiena ma' kullimkien juru ruħhom,

aktar ma titgħolla d-dnewwa fost il-bnedmin.

 

13 (12). Talba fin-niket minħabba l-għadu

 

[S:13:1] Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David.

 

[S:13:2] Mulej, għal dejjem se tinsieni?

Kemm se ddum taħbi wiċċek minni?

 

[S:13:3] Kemm se ndum b'qalbi ttaqtaq,

bl-imrar kuljum f'qalbi?

Kemm se jdum jintrefa' l-għadu fuqi?

 

[S:13:4] Ħares u weġibni, Mulej, Alla tiegħi,

agħti d-dawl lil għajnejja,

li ma naqax fir-raqda tal-mewt;

[S:13:5] li ma jgħidx l-għadu tiegħi: "Għelibtu!",

li ma jifirħux l-għedewwa għax jarawni nogħtor.

[S:13:6] Imma jien fit-tjieba tiegħek nitma,

tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.

Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli.

 

14 (13). Lment minħabba l-ħażen

 

[S:14:1] Għall-mexxej tal-kor. Ta' David.

 

Jgħid l-iblah f'qalbu: "M'hemmx Alla!"

Tħassru l-bnedmin, għamlu ħwejjeġ ta' min

                                                               jistmellhom,

m'hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.

[S:14:2] Il-Mulej mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin,

biex jara jekk hemmx min hu għaqli,

min ifittex lil Alla.

[S:14:3] Lkoll intilfu, lkoll flimkien tħażżnu;

ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.

[S:14:4] Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

dawk li qatt ma jsejjħu l-Mulej,

li jaħtfu l-poplu tiegħi, kif wieħed jaħtaf il-ħobż?

[S:14:5] Biża' kbir waqa' fuqhom,

għax Alla hu ma' nisel il-ġust.

[S:14:6] Intom tidħku bil-ħsieb ta' l-imsejken;

imma l-Mulej hu l-kenn tiegħu.

[S:14:7] Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael?

Meta jerġa' jqajjem il-Mulej il-poplu tiegħu,

jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.

 

15 (14). Min jista' jgħix ma' Alla

 

[S:15:1] Salm ta' David.

 

Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

Min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?

[S:15:2] Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,

min jgħid is-sewwa f'qalbu;

[S:15:3] min ma jqassasx bi lsienu,

ma jagħmilx deni lil ġaru,

u ma jgħajjarx lil għajru;

[S:15:4] min ma jistmax lill-bniedem ħażin,

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej;

min iwiegħed u jżomm kelmtu;

[S:15:5] min jislef u ma jitlobx imgħax,

u ma jixxaħħamx kontra min  hu bla ħtija.

Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek.

 

16 (15). Alla l-aqwa ġid u hena

 

[S:16:1] Miktam. Ta' David.

 

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

[S:16:2] Jien għedt lill-Mulej: "Int Sidi,

m'għandix ġid ieħor ħliefek."

[S:16:3] It-twajbin huma l-kbar f'din l-art;

fihom hi l-għaxqa kollha tiegħi.

[S:16:4] L-hemm tagħhom ikattru

dawk li jaħtru allat oħra.

Lil dawn ma nsawwabx id-demm b'sagrifiċċju,

anqas isimhom ma nsemmi b'xufftejja.

[S:16:5] Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,

inti żżomm f'idejk xortija.

[S:16:6] Il-kejl tani art li tgħaxxaq:

messni sehem tassew għal qalbi.

[S:16:7] Mbierek lill-Mulej li tani l-fehma;

mqar billejl qalbi tgħallimni.

[S:16:8] Nżomm il-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f'leminti qatt ma nitħarrek.

[S:16:9] Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

 

[S:16:10] Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.

[S:16:11] Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f'lemintek.

 

17 (16). Sejħa lil Alla kontra l-persekuturi

 

[S:17:1] Talba. Ta' David.

 

Isma', Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,

ilqa' l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi;

bla qerq huma xufftejja.

[S:17:2] Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija,

għajnejk jaraw is-sewwa.

[S:17:3] Jekk qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni,

jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija.

[S:17:4] Ma żbaljajtx bi kliemi, kif jagħmlu n-nies;

ħarist ruħi bi kliemek minn triqat il-ħżiena.

[S:17:5] Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,

qatt ma għotru riġlejja.

 

[S:17:6] Nsejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;

ressaq widintek lejja, isma' kliemi.

[S:17:7] Uri t-tjieba tiegħek ta' l-għaġeb;

int li teħles mill-għedewwa

lil min jittama fil-leminija tiegħek.

[S:17:8] Bħal ħabba ta' l-għajn ħarisni,

għad-dell ta' ġwenħajk kenninni

[S:17:9] mill-ħżiena li jagħfsu fuqi,

mill-għedewwa qattiela li jdawwruni.

 

[S:17:10] Għalqu qalbhom għall-ħniena,

minn fommhom joħroġ kliem kburi.

[S:17:11] Jiġu għal fuqi, minn kull naħa għalquni,

ħarsithom fuqi, biex ma' l-art jitfgħuni.

[S:17:12] Huma bħal iljun imxennaq għall-priża,

bħal ferħ ta' ljun moħbi wara l-mansab.

[S:17:13] Qum, Mulej, oħroġ għall-għadu u ġarrfu;

eħlisli ħajti minn id il-ħażin.

[S:17:14] B'sejfek, Mulej, b'idek mill-bnedmin eħlisni,

mill-bnedmin li ħajjet din l-art sehemhom.

Ħa jimtlew bil-ġid tiegħek,

ħa jieklu sax-xaba' wliedhom,

u jibqgħalhom xi jħallu liż-żgħar tagħhom!

[S:17:15] Imma jien, fil-ħaqq, għad nara 'l wiċċek;

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.

 

18 (17). Tifħir u ħajr wara r-rebħa

 

[S:18:1] Għall-mexxej tal-kor. Ta' David, il-qaddej

tal-Mulej, li qal il-kliem ta' din l-għanja lill-Mulej

dakinhar li hu ħelsu minn id l-għedewwa kollha

tiegħu u minn Sawl.

 

[S:18:2] Hu qal: Nħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!

[S:18:3] Il-Mulej blata tiegħi,fortizza u ħellies tiegħi,

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,

qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!

[S:18:4] Nsejjaħ il-Mulej, li hu ta' min ifaħħru,

u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.

 

[S:18:5] Mwieġ tal-mewt ħakmuni,

widien tal-biża' werwruni,

[S:18:6] ħbula ta' l-imwiet dawwruni,

xbiek tal-mewt inqaleb fuqi.

[S:18:7] Fl-hemm tiegħi lill-Mulej sejjaħt,

tlabt l-għajnuna 'l Alla tiegħi;

hu sama' leħni mit-tempju tiegħu,

f'widnejh waslet l-għajta tiegħi.

 

[S:18:8] Tqanqlet u theżhżet l-art,

triegħdu s-sisien tal-muntanji,

u tqanqlu bis-saħna tal-korla tiegħu.

[S:18:9] Duħħan ħareġ minn imnifsejh,

u nar li jħarbat minn fommu,

minnu jarmi ilsna tan-nar.

[S:18:10] Feraq is-smewwiet u niżel,

bi ċpar iswed taħt riġlejh.

[S:18:11] Fuq kerubin rikeb u tar,

niżel b'ħeffa fuq ġwienaħ ir-riħ.

[S:18:12] Bid-dlam insatar bħal b'libsa,

sħab iswed u magħqud l-għarix tiegħu.

[S:18:13] Mid-dija ta' quddiemu sħab joħroġ,

silġ u ilsna tan-nar.

[S:18:14] Riegħed il-Mulej mis-smewwiet,

l-Għoli semma' leħnu.

[S:18:15] Telaq il-vleġeġ tiegħu u xerridhom,

għamel il-beraq  u ħarrabhom.

[S:18:16] U dehru qigħan il-baħar,

nkixfu s-sisien ta' l-art,

mat-theddida tiegħek, Mulej,

man-nefħa ta' mnifsejk.

[S:18:17] Mill-għoli medd idu u ħatafni,

ħariġni minn baħar ta' ilma.

[S:18:18] Mill-għedewwa b'saħħithom ħelisni,

mill-għedewwa li jifilħu aktar minni.

[S:18:19] Ġew fuqi f'siegħa ħażina,

iżda l-Mulej waqaf miegħi.

[S:18:20] Ħariġni 'l barra fil-wisa';

ħelisni, għax lili jħobbni.

[S:18:21] Ħallasni l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi,

raddli skond is-safa ta' idejja.

[S:18:22] Għax jien żammejt triqat il-Mulej,

ma tbegħidtx bid-dnub minn Alla tiegħi.

[S:18:23] Quddiemi huma d-digrieti kollha tiegħu;

ma warrabtx minni l-preċetti tiegħu.

[S:18:24] Bla tebgħa kont quddiemu,

mill-ħtija ħarist lili nnifsi.

[S:18:25] Raddli l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi,

skond is-safa ta' idejja li ra b'għajnejh.

[S:18:26] Ma' min hu tajjeb inti timxi bit-tajjeb,

ma' min hu bla ħtija inti timxi bla ħtija;

[S:18:27] ma' min hu safi inti timxi bis-safa,

ma' min jgħawweġ timxi bil-għaqal.

[S:18:28] Għax inti ssalva l-poplu fqajjar,

u l-għajnejn kburin tbaxxihom.

[S:18:29] Inti tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi;

Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi.

[S:18:30] Bik jien negħleb il-qtajja' ta' l-għedewwa;

bl-għajnuna ta' Alla tiegħi nirbaħ is-swar!

 

[S:18:31] Dritta hi t-triq ta' Alla;

safja hi l-kelma tal-Mulej.

Tarka huwa Alla għal kull min jistkenn fih.

[S:18:32] Għax min hu Alla ħlief Jaħweh?

Min hu blata ħlief Alla tagħna?

[S:18:33] Hu Alla, li ħażżimni bil-qawwa;

fetaħli triq dritta quddiemi.

[S:18:34] Bħal taċ-ċriev jagħmilli riġlejja,

fuq l-għoljiet fis-sod iqegħedni.

[S:18:35] Idejja jħarriġli għat-taqbida;

ark tal-bronż jiġbdu dirgħajja.

 

[S:18:36] Int tajtni t-tarka tas-salvazzjoni tiegħek,

lemintek għenitni, l-għajnuna tiegħek kabbritni.

[S:18:37] Int wessajtli t-triq quddiemi,

u ma tfixklux riġlejja.

[S:18:38] Neħodha għal wara l-għedewwa u

                                                                  nilħaqhom,

ma nerġax lura qabel neqridhom.

[S:18:39] Nagħtihom daqqa, ma jqumux iżjed minnha;

jaqgħu mirbuħa taħt riġlejja.

[S:18:40] Int tħażżimni bil-qawwa għat-taqbida,

taħti titfa' 'l dawk li jqumu għalija.

 

[S:18:41] Iġġiegħel l-għedewwa jaħarbu quddiemi;

jien neqred 'il dawk li jobogħduni.

[S:18:42] Jgħajjtu għall-għajnuna, u ħadd ma

                                                                   jgħinhom;

lill-Mulej isejjħu, u ma jweġibhomx.

[S:18:43] Bħat-trab itir mar-riħ nagħmilhom,

bħat-tajn tat-triqat ngħaffeġ fuqhom.

[S:18:44] Int teħlisni minn poplu ġellied,

fuq il-ġnus inti tqegħedni;

u poplu, li ma nafux, jaqdini.

[S:18:45] Malli jisimgħu bija, joqogħdu għalija;

il-barranin jinxteħtu sa l-art quddiemi.

[S:18:46] Il-barranin jaqgħu mifnija,

joħorġu mwerwra mill-fortizza tagħhom.

[S:18:47] Ħaj il-Mulej! Mbierek hu, il-blata tiegħi!

Ikun imfaħħar Alla  tas-salvazzjoni tiegħi!

[S:18:48] Alla, li għenni biex tħallast mill-għedewwa,

li qegħedli l-ġnus taħt riġlejja!

[S:18:49] Int teħlisni mill-għedewwa tiegħi,

tqegħedni fuq min jaħbat għalija,

teħlisni min-nies vjolenti.

[S:18:50] Għalhekk infaħħrek fost il-ġnus, Mulej,

u ngħanni t-tifħir ta' ismek.

[S:18:51] Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,

juri mħabbtu mal-midluk tiegħu;

ma' David u nislu għal dejjem.

 

19 (18). Alla awtur tal-ħolqien u l-liġi

 

[S:19:1] Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David.

 

[S:19:2] Is-smewwiet ixandru l-glorja ta' Alla,

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

[S:19:3] Jum lil ieħor jagħti l-aħbar,

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

[S:19:4] Ma hemmx aħbar u anqas kliem,

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

[S:19:5] Ma' l-art kollha jasal leħenhom,

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

Lix-xemx għamlilha għarix fihom;

[S:19:6] u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu,

ferħana bħal ġgant  għall-ġirja tagħha,

[S:19:7] minn truf is-smewwiet hi toħroġ,

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha;

xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

[S:19:8] Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej  hi sewwa, u tgħallem lil min

                                                                      ma jafx.

[S:19:9] Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb;

il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.

[S:19:10] Il-biża' tal-Mulej sinċier, u jibqa' għal

                                                                       dejjem;

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox;

[S:19:11] egħżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin,

oħla mill-għasel u mill-qtar tax-xehda.

[S:19:12] Fehemhom sewwa l-qaddej tiegħek;

ħlas tajjeb għandu min iħarishom.

[S:19:13] In-nuqqas min jista' jagħrfu?

Minn dak li ma nafx bih saffini.

[S:19:14] U mill-kburija wkoll ħares il-qaddej tiegħek,

tħalliha qatt taħkimni.

Mbagħad inkun bla ħtija

u ħieles minn dnub kbir.

 

[S:19:15] Ħa jkunu milqugħa quddiemek

kliem fommi u ħsieb qalbi,

Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.

 

20 (19). Talba għas-sultan fi żmien il-gwerra

 

[S:20:1] Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David.

 

[S:20:2] Jisimgħek il-Mulej fi żmien in-niket;

iħarsek l-isem ta' Alla ta' Ġakobb!

[S:20:3] Mit-tempju mqaddes tiegħu jibgħatlek

                                                                l-għajnuna,

u minn Sijon jagħtik is-saħħa.

[S:20:4] Jiftakar fl-offerti tiegħek kollha,

u jilqa' bil-qalb is-sagrifiċċju tiegħek.

[S:20:5] Jagħtik dak li tixtieq qalbek,

u jtemm ħsibijietek kollha.

 

[S:20:6] Naqbżu bil-ferħ għar-rebħa tiegħek,

ngħollu l-bnadar f'isem Alla tagħna.

Jagħtik il-Mulej kull ma titolbu!

[S:20:7] Jien issa naf li l-Mulej

irebbaħ lis-sultan, il-midluk tiegħu,

u jwieġbu mis-sema mqaddes tiegħu

bir-rebħa qawwija tal-leminija tiegħu.

[S:20:8] Xi wħud fil-karrijiet, oħrajn fiż-żwiemel,

imma aħna f'isem il-Mulej Alla l-qawwa tagħna.

[S:20:9] Huma jixxenglu u jaqgħu;

imma aħna b'saħħitna, weqfin fuq riġlejna.

[S:20:10] Mulej, salva s-sultan;

weġibna meta nsejjħulek.

 

21 (20). Radd il-ħajr u talb għas-sultan

 

[S:21:1] Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David.

 

[S:21:2] Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan;

kemm jithenna bir-rebħa tiegħek!

[S:21:3] Ix-xewqa ta' qalbu int qtajthielu,

ma ċħadtlux it-talba ta' fommu.

[S:21:4] Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq,

kuruna ta' deheb fin qegħedtlu fuq rasu.

[S:21:5] Il-ħajja talbek, u int tajthielu,

għomor twil minn żmien għal żmien.

[S:21:6] Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu;

ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.

[S:21:7] Lilu tagħti barkiet għal dejjem,

tferrħu u thennih bis-sebħ ta' wiċċek.

[S:21:8] Għalhekk is-sultan fil-Mulej jittama,

għall-ħniena ta' l-Għoli qatt ma jitħarrek.

[S:21:9] Tilħaq idek l-għedewwa kollha tiegħek,

tilħaq lemintek 'il min jobogħdok.

[S:21:10] Malli int tidher, forn tan-nar tagħmilhom.

Fil-qilla tiegħu jiblagħhom il-Mulej, u n-nar

                                                                 jeqridhom.

[S:21:11] Nisilhom mill-art int teqred,

'l uliedhom minn fost il-bnedmin.

[S:21:12] Għax riedu jagħmlu l-ħsara lilek;

nasbu d-deni, iżda ma rnexxilhomx.

[S:21:13] Għax inti ġġegħelhom jaħarbu,

xħin timmira l-qaws kontrihom.

[S:21:14] Tkabbar, Mulej, bil-qawwa tiegħek!

Ħa ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek.

 

22 (21). Tbatijiet u rebħ tal-Messija

 

[S:22:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-għanja "Iċ-ċerva

tas-sebħ". Salm ta' David.

 

[S:22:2] Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

Bqajt 'il bogħod u ma salvajtnix,

ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!

[S:22:3] Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx,

ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.

[S:22:4] Imma int tgħammar fis-santwarju,

u lilek ifaħħar Iżrael!

[S:22:5] Fik ittamaw missirijietna,

fik ittamaw, u inti ħlisthom.

[S:22:6] Lejk għajjtu, u inti ħlisthom;

fik ittamaw u ma tfixklux.

[S:22:7] Jien dudu ta' l-art, u mhux bniedem,

żebliħ tan-nies, tkasbir  tal-poplu.

[S:22:8] Dawk kollha li jarawni jidħku bija,

jgħajjbuni, iħarrku rashom  u jgħidu:

[S:22:9] "F'idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!

Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!"

 

[S:22:10] Imma int minn ġuf ommi lqajtni;

fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni.

[S:22:11] Fuqek qegħduni sa minn twelidi;

int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi.

[S:22:12] La titbegħidx minni, għax qrib hu t-taħbit,

u m'hawn ħadd biex jgħinni.

 

[S:22:13] Qatgħa gniedes daru miegħi;

barrin qawwija ta' Basan għalquni,

[S:22:14] b'ħalqhom miftuħ għal fuqi,

bħal iljun li jaħtaf u jgħajjat.

[S:22:15] Ninsab bħall-ilma msawwab,

għandi għadmi maqlugħ kollu;

qalbi hi bħal xemgħa,

iddub ġewwa fija.

[S:22:16] Ħalqi niexef bħal xaqqufa,

lsieni mwaħħal ma' ħnieki;

ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt.

[S:22:17] Qabda klieb daru għalija;

ġemgħa nies ħżiena rassewni.

Taqqbuli idejja u riġlejja;

[S:22:18] nista' ngħodd għadmi kollu.

B'għajnejhom fuqi jħarsu lejja.

[S:22:19] Ħwejġi jaqsmu bejniethom;

jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

[S:22:20] Mulej, la titbegħidx minni;

qawwa tiegħi, fittex għinni!

[S:22:21] Eħlisli mis-sejf lil ħajti,

u mill-klieb lil ħajti l-għażiża.

[S:22:22] Minn ħalq l-iljun salvani,

minn qarn il-gniedes lili msejken.

[S:22:23] Nxandar ismek lil ħuti;

nfaħħrek f'nofs il-ġemgħa.

 

[S:22:24] Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb;

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.

[S:22:25] Għax ma warrabx minnu l-imsejken,

ma stmellx in-niket tiegħu;

anqas wiċċu ma ħeba minnu,

imma semgħu meta sejjaħlu.

[S:22:26] Għalhekk nagħtik it-tifħir tiegħi f'ġemgħa

                                                                          kbira;

nrodd il-wegħdiet tiegħi quddiem dawk li jibżgħu

                                                                        minnu.

[S:22:27] Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;

ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.

Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!

[S:22:28] Jiftakru t-truf kollha ta' l-art,

u jerġgħu lura lejn il-Mulej;

u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 

[S:22:29] Għax tal-Mulej hi s-saltna;

hu fuq il-ġnus isaltan.

[S:22:30] Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu;

quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.

U għalih tgħix ruħi,

[S:22:31] lilu jaqdi n-nisel tiegħi.

[S:22:32] Ixandru 'l Sidi lin-nisel li għad jiġi,

ixandru l-ġustizzja tiegħu lill-poplu li għad jitwieled:

"Dan għamlu l-Mulej!"

 

23 (22). Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi

 

[S:23:1] Salm ta' David.

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

[S:23:2] f'mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

[S:23:3] hemm hu jrejjaqni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

 

[S:23:4] Mqar jekk nimxi f'wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni.

 

[S:23:5] Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

[S:23:6] Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta' ħajti.

U ngħammar f'dar il-Mulej

sakemm indum ħaj!

 

24 (23). Id-daħla trijonfali ta' l-arka fit-tempju

 

[S:24:1] Salm ta' David.

 

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha,

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

[S:24:2] Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.

 

[S:24:3] Min jista' jitla' fuq l-għolja tal-Mulej,

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

[S:24:4] Min għandu idejh indaf u qalbu safja,

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa,

u anqas ma jaħlef bil-qerq.

[S:24:5] Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

[S:24:6] Dan hu n-nisel ta' dawk li jfittxuh;

li jfittxu 'l wiċċek, Alla ta' Ġakobb.

[S:24:7] Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta'

                                                                        dejjem,

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

[S:24:8] Min hu dan is-Sultan tal-glorja?

Hu l-Mulej setgħan u qawwi,

il-Mulej qawwi fit-taqbida.

[S:24:9] Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta'

                                                                        dejjem,

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!

[S:24:10] Min hu dan is-Sultan tal-glorja?

Hu l-Mulej ta' l-eżerċti:

dan hu s-Sultan tal-glorja!

 

25 (24). Talba għall-għajnuna u l-maħfra

 

[S:25:1] Ta' David.

 

Lejk jien nerfa' ruħi, Mulej, Alla tiegħi.

[S:25:2] Fik jien nittama, ma jkollix għax nitħawwad;

ma jifirħux l-għedewwa tiegħi minħabba fija.

[S:25:3] Kull min jittama fik ma jkollux għax

                                                                  jitħawwad;

jitħawwad min malajr jonqsok mill-kelma.

[S:25:4] Triqatek, Mulej, għarrafni,

il-mogħdijiet tiegħek għallimni.

[S:25:5] Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,

għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

Għalik nixxennaq il-jum kollu.

[S:25:6] Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,

għax huma minn dejjem, Mulej.

[S:25:7] Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet ta' żgħożiti:

inti tajjeb, Mulej; ftakar fija skond it-tjieba tiegħek.

 

[S:25:8] Tajjeb u sewwa l-Mulej;

għalhekk juri triqtu lill-ħatja.

[S:25:9] Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,

jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.

[S:25:10] Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u

                                                                       fedeltą

għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.

[S:25:11] Minħabba l-isem tiegħek, Mulej,

aħfirli ħżuniti, kbira kemm hi kbira.

[S:25:12] Min hu dak li għandu l-biża' tal-Mulej?

Lilu hu juri t-triq li għandu jagħżel.

[S:25:13] Fil-ġid hu jgħammar,

uliedu jiksbu l-art.

[S:25:14] Midħla l-Mulej ta' dawk li jibżgħu minnu,

lilhom jgħarraf il-patt tiegħu.

[S:25:15] Għajnejja dejjem fil-Mulej,

għax hu mix-xbiek jaqlagħli riġlejja.

[S:25:16] Dur lejja u kun twajjeb miegħi,

għax jiena fqajjar u waħdi.

[S:25:17] Serraħli qalbi mid-dwejjaq,

min-niket tiegħi eħlisni.

[S:25:18] Ara n-niket u d-diqa tiegħi,

u aħfirli ħtijieti kollha.

[S:25:19] Ara kemm kotru l-għedewwa tiegħi,

x'mibegħda qawwija għandhom għalija.

[S:25:20] Ħarisli ħajti u eħlisni;

la nistkenn fik, m'għandix għax ninfixel.

[S:25:21] Is-sewwa u d-dritt iħarsuni,

għax jien fik ittamajt.

[S:25:22] Eħles, o Alla, lil Iżrael,

mid-dwejjaq tiegħu kollha!

 

26 (25). Talba ta' l-innoċenti

 

[S:26:1] Ta' David.

 

Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej!

Bla ħtija l-imġiba tiegħi,

sħiħa fil-Mulej it-tama tiegħi.

[S:26:2] Ġarrabni, Mulej, u għarbilni,

iflili moħħi u qalbi.

[S:26:3] Tjubitek quddiem għajnejja,

mxejt skond is-sewwa tiegħek.

[S:26:4] Ma qgħadtx man-nies giddieba,

ma sseħibtx ma' nies qarrieqa.

[S:26:5] Nobgħod il-ġemgħa tal-ħżiena,

ma nagħmilhiex mal-midinbin.

 

[S:26:6] Naħsel fis-safa idejja,

u ndur madwar l-artal tiegħek, Mulej,

[S:26:7] biex ngħannilek ir-radd ta' ħajr,

u nxandar għeġubijietek kollha.

[S:26:8] Mulej, nħobb id-dar ta' l-għamara tiegħek,

il-post fejn jgħammar sebħek.

 

[S:26:9] Tgħoddnix man-nies midinba,

anqas ma' min ixerred id-dmija;

[S:26:10] dawk li għandhom f'idejhom il-ħażen,

u f'leminthom rigali qarrieqa.

[S:26:11] Iżda jien nimxi bla ħtija;

eħlisni int, u ħenn għalija.

[S:26:12] Jien b'riġli wieqaf fil-wita;

fil-ġemgħat, Mulej, lilek inbierek.

 

27 (26). Fiduċja kbira f'Alla

 

[S:27:1] Ta' David.

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;                                           

minn min għandi nibża'?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer?

[S:27:2] Meta jqumu għalija l-ħżiena,

biex jaħtfuni u jikluni,

dawk li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi,

huma jitfixklu u jaqgħu.

[S:27:3] Mqar jekk eżerċtu jqum għalija,

xejn ma tibża' qalbi;

mqar jekk gwerra tqum kontrija,

jiena nibqa' qalbi qawwija.

[S:27:4] Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f'dar il-Mulej

tul il-jiem kollha ta' ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej

jien u nħares lejn it-tempju tiegħu.

[S:27:5] Għax hu jaħbini fl-għarix tiegħu

meta nsib ruħi fil-għawġ;

jistorni fis-satra ta' daru,

fuq blata fl-għoli jqegħedni.

[S:27:6] U issa tintrefa' rasi

fuq l-għedewwa ta' madwari.

U jien noffri fit-tempju tiegħu

sagrifiċċju b'għajat ta' ferħ.

Ngħanni u nfaħħar il-Mulej!

[S:27:7] Isma', Mulej, leħen l-għajta tiegħi,

ħenn għalija u weġibni.

[S:27:8] "Ejja," għedt f'qalbi, "fittex 'il wiċċu";

jien wiċċek infittex, Mulej.

[S:27:9] La taħbix wiċċek minni,

la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.

Inti l-għajnuna tiegħi;

tħallinix u titlaqnix,

Alla tas-salvazzjoni tiegħi.

[S:27:10] Għalkemm telquni missieri u ommi,

il-Mulej jilqagħni għandu.

[S:27:11] Urini, Mulej, it-triq tiegħek,

mexxini minn mogħdija dritta

minħabba l-għedewwa tiegħi.

[S:27:12] Titlaqnix għax-xewqa ta' l-għedewwa

                                                                        tiegħi;

għaliex xhieda qarrieqa qamu kontrija,

li l-qerq jarmu man-nifs tagħhom.

[S:27:13] Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej

                                                              f'art il-ħajjin.

[S:27:14] Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej.

 

28 (27). Talb u radd il-ħajr

 

[S:28:1] Ta' David.

 

Lilek, Mulej, nsejjaħ;

blata tiegħi, la tittarraxx għalija.

Jekk int tibqa' sieket miegħi,

inkun nixbah lil min jinżel fil-ħofra.

[S:28:2] Isma' leħen it-tnehid tiegħi

meta nsejjaħ l-għajnuna tiegħek,

kull meta nerfa' idejja

lejn is-santwarju mqaddes tiegħek.

[S:28:3] Tiġbornix man-nies ħżiena,

ma' dawk li jagħmlu l-ħażen,

li kliem ta' sliem jgħidu lil għajrhom,

u qalbhom bil-qerq mimlija.

[S:28:4] Ħallashom skond għemilhom,

skond l-għemejjel ħżiena tagħhom;

skond dak li għamlu idejhom,

roddilhom il-ħlas li ħaqqhom.

[S:28:5] Għax ma jaħsbux f'dak li għamel il-Mulej,

dak li għamlu idejh.

Hu jeqridhom u ma jqajjimhomx iżjed!

[S:28:6] Mbierek il-Mulej,

għax sama' leħen it-tnehid tiegħi.

[S:28:7] Il-Mulej hu l-qawwa tiegħi u t-tarka tiegħi,

fih ittamat qalbi;

ksibt l-għajnuna u ferħet qalbi;

nroddlu ħajr bil-għana tiegħi.

[S:28:8] Il-Mulej hu s-saħħa tal-poplu tiegħu,

kenn tas-salvazzjoni għas-sultan, il-midluk tiegħu.

[S:28:9] Salva l-poplu tiegħek, bierek 'il wirtek,

kun ir-ragħaj tagħhom, erfagħhom għal dejjem!

 

29 (28). Il-Mulej, sid tat-tempesti

 

[S:29:1] Salm ta' David.

 

Agħtu lill-Mulej, ulied Alla,

agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.

[S:29:2] Agħtu lill-Mulej il-glorja ta' ismu,

qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu.

[S:29:3] Leħen il-Mulej fuq l-ibħra;

Alla tal-glorja jriegħed,

il-Mulej fuq  l-ibħra kotrana.

[S:29:4] Leħen il-Mulej bil-qawwa,

leħen il-Mulej bil-glorja.

[S:29:5] Leħen il-Mulej ikisser iċ-ċedri;

ikisser il-Mulej iċ-ċedri tal-Libanu.

[S:29:6] Iġiegħel il-Libanu jaqbeż bħal għoġol,

is-Sirjon bħal ferħ ta' gendus selvaġġ.

[S:29:7] Leħen il-Mulej itajjar ilsna tan-nar.

[S:29:8] Leħen il-Mulej jheżheż id-deżert;  

jheżheż il-Mulej id-deżert  ta' Kades.

[S:29:9] Leħen il-Mulej jobrom il-ballut,

u jżarma l-foresti;

u fit-tempju tiegħu kulħadd jgħid: Glorja!

[S:29:10] Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar;

isaltan il-Mulej għal dejjem.

[S:29:11] Il-Mulej jagħti l-qawwa lill-poplu tiegħu;

ibierek il-Mulej bis-sliem il-poplu tiegħu!

 

30 (31). Radd il-ħajr għall-ħelsien mill-mewt

 

[S:30:1] Salm. Innu għad-Dedikazzjoni tat-Tempju.

Ta' David.

 

[S:30:2] Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,

u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.

[S:30:3] Mulej, Alla tiegħi, jien sejjaħtlek;

sejjaħtlek, u int fejjaqtni.

[S:30:4] Mulej, tellajtli mill-mewt 'il ruħi,

ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra.

[S:30:5] Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,

faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

[S:30:6] Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,

iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.

Fil-għaxija jidħol il-biki,

fil-għodu jidwi l-għajat ta' ferħ.

[S:30:7] Mela jien għedt fl-aħjar tiegħi:

"Żgur li qatt ma niċċaqlaq! "

[S:30:8] Mulej, bil-pjaċir tiegħek

fuq muntanja qawwija qegħedtni;

mbagħad ħbejt wiċċek minni,

u jien tħawwadt għalkollox.

[S:30:9] Lilek sejjaħt, Mulej;

lil Sidi tlabt il-ħniena.

 

[S:30:10] X'tieħu int jekk inkun mejjet,

jekk jiena ninżel fil-qabar?

Se jfaħħrek forsi t-trab?

Se jxandar il-fedeltą tiegħek?

[S:30:11] Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;

kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.

 

[S:30:12] Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,

neżżajtni min-niket, bil-ferħ ħażżimtni.

[S:30:13] Għalhekk ruħi tgħannilek bla heda;

Mulej, Alla tiegħi, nfaħħrek għal dejjem!

 

31(30). Talba fil-hemm u ħajr għall-ħelsien

 

[S:31:1] Għal mexxej tal-kor. Salm ta' David.

 

[S:31:2] Fik, Mulej, jien nistkenn;

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani,

[S:31:3] agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija,

fortizza qawwija ta' salvazzjoni.

 

[S:31:4] Inti l-blata u l-fortizza tiegħi;

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

[S:31:5] Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,

għax inti l-qawwa tiegħi.

 

[S:31:6] F'idejk jien nerħi ruħi;

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.

[S:31:7] Int tobgħod 'il min iqim allat fiergħa;

imma jien fil-Mulej nittama.

 

[S:31:8] Nifraħ u nithenna għat-tjieba tiegħek,

int, li rajt l-hemm tiegħi,

li għaraft id-diqa ta' qalbi.

[S:31:9] Ma tlaqtnix f'idejn l-għedewwa,

imma qegħedtli fil-wisa' riġlejja.

[S:31:10] Ħenn għalija, Mulej, għax ninsab fil-hemm,

nfnew għajnejja minħabba d-dwejjaq,

ruħi wkoll u l-ġewwieni tiegħi.

[S:31:11] Nfniet ħajti bl-għali,

u bl-ilfiq is-snin ta' ħajti;

minħabba fil-hemm naqsitni saħħti,

u tmermer għadmi kollu.

 

[S:31:12] Minħabba l-għedewwa tiegħi kollha,

jien sirt ħaġa ta' min ikasbarha;

jitwerwru l-ġirien tiegħi,

u min jafni jibża' minni.

Dawk li jarawni barra jaħarbu minni.

[S:31:13] Nsewni bħal wieħed mejjet,

sirt bħal ġarra mkissra.

[S:31:14] Għax smajt l-għajdut tal-kotra fuqi;

biża' minn kullimkien madwari.

Jiftiehmu bejniethom kontrija,

jonsbuni biex jeħduli ħajti.

 

[S:31:15] Imma jien fik nittama,

Mulej; jien ngħidlek: "Alla tiegħi int!"

[S:31:16] F'idejk hi xortija,

eħlisni minn id l-għedewwa,

minn id dawk li jeħduha kontrija.

[S:31:17] Uri d-dawl ta' wiċċek lill-qaddej tiegħek;

fit-tjieba tiegħek eħlisni.

[S:31:18] Mulej, tħallinix ninfixel,

lili li qed insejjaħlek;

ħa jinfixlu l-ħżiena,

u jinżlu mbikkma f'art l-imwiet!

[S:31:19] Ħa jisktu x-xufftejn giddieba,

li jmaqdru u jkasbru l-ġust bil-kburija!

 

[S:31:20] Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej,

li inti rfajt għal min jibża' minnek,

li int ħejjejt għal min jafda fik,

quddiem il-bnedmin kollha!

[S:31:21] Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom

kontra t-tnassis tal-bnedmin;

fl-għarix tiegħek taħbihom

kontra t-tqassis ta' l-ilsna.

[

S:31:22] Mbierek il-Mulej li minn belt qawwija

għamel miegħi għeġubijiet ta' tjieba.

[S:31:23] Jien għedt fil-fixla li kelli:

"Ninsab maqtugħ minn taħt għajnejk."

Imma int smajt leħen it-tħannin tiegħi

meta sejjaħt l-għajnuna tiegħek.

[S:31:24] Ħobbu l-Mulej, ħbieb tiegħu kollha.

Lit-twajbin iħarishom il-Mulej,

imma jpattiha sewwa lil min jimxi bil-kburija.

[S:31:25] Issaħħu u qawwu qalbkom,

intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej.

 

32 (31). L-hena ta' min jaqla' l-maħfra

 

[S:32:1] Ta' David. Maskil.

 

[S:32:2] Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,

li għandu d-dnub tiegħu mistur!

Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,

u ma għandu ebda qerq f'qalbu!

[S:32:3] Jien bqajt sieket, u nfena ġismi,

jiena u nokrob il-jum kollu.

[S:32:4] Għax lejl u nhar it-toqol ta' idek fuqi;

saħħti nfniet bħal  bis-sħana tas-sajf.

[S:32:5] Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,

u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx.

Jien għedt: "Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti."

U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi.

 

[S:32:6] Għalhekk kull min hu twajjeb

lilek jitlob fi żmien in-niket.

Jekk ifuru ilmijiet kotrana, lilu qatt ma jilħquh.

[S:32:7] Int kenn għalija, mit-taħbit tħarisni,

iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek.

[S:32:8] Ngħallmek u nurik it-triq li għandek tieħu;

nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.

[S:32:9] Tkunux bla sens bħaż-żiemel u l-bagħal,

li bil-lġiem u r-riedni trażżanhom,

biex jirnexxilek tiġbidhom lejk.

[S:32:10] Ħafna huma t-tbatijiet tal-ħżiena;

iżda min jittama fil-Mulej jitħaddan bil-ħniena.

[S:32:11] Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej;

għajjtu bil-ferħ, intom ilkoll ta' qalbkom safja.

 

33 (32). Tifħir lis-setgħa u l-provvidenza ta' Alla

 

[S:33:1] Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;

jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

[S:33:2] Faħħru l-Mulej bid-daqq taċ-ċetra;

għannulu fuq l-arpa b'għaxar kordi.

[S:33:3] Għannulu għanja ġdida;

doqqulu bis-sengħa u b'leħen qawwi.

[S:33:4] Għax sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltą huwa għamel.

[S:33:5] Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.

[S:33:6] Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,

u b'nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.

[S:33:7] Bħal f'ġarra l-ilmijiet ġabar,

u l-ibħra kbar fi mħażen.

[S:33:8] Ħa tibża' mill-Mulej l-art kollha;

jitbeżża' minnu kull min jgħammar fid-dinja.

[S:33:9] Għax hu tkellem, u hi saret;

hu ordna, u hi twaqqfet.

[S:33:10] Il-Mulej ixejjen il-fehmiet tal-ġnus,

ifixkel il-ħsibijiet tal-popli.

[S:33:11] Imma l-fehma tal-Mulej tibqa' għal dejjem,

minn żmien għal żmien il-ħsibijiet ta' moħħu.

[S:33:12] Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b'wirtu.

[S:33:13] Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,

u jara l-bnedmin kollha;

[S:33:14] mill-post fejn jgħammar jistħarreġ fuq

dawk kollha li jgħixu fuq l-art.

[S:33:15] Hu jsawwar il-qalb ta' kull wieħed,

u jagħraf għemilhom kollu

[S:33:16] Ma jagħmel xejn is-sultan bl-eżerċtu

                                                                tiegħu kollu,

anqas ma jeħlisha l-gwerrier bil-ħila kollha tiegħu.

[S:33:17] Xejn ma jiswa ż-żiemel għar-rebħa,

b'saħħtu kollha 'l ħadd ma jeħles.

[S:33:18] Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li

                                                            jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

[S:33:19] Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.

[S:33:20] Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

[S:33:21] Fih jinsab l-hena ta' qalbna,

fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna.

[S:33:22] Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna.

 

34 (33). Tifħir lil Alla difensur tal-ġustizzja

 

[S:34:1] Ta' David, meta għamilha ta' iblah quddiem

Abimelek u dan keċċieh, u hu telaq.

 

[S:34:2] Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

[S:34:3] Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.

[S:34:4] Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;

ħa ngħollu ismu flimkien.

[S:34:5] Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

minn kull biża' tiegħi ħelisni.

[S:34:6] Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,

u ma jkollkomx għax tistħu.

[S:34:7] Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu.

[S:34:8] L-anġlu tal-Mulej jgħasses

madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.

 

[S:34:9] Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;

hieni l-bniedem li jistkenn fih.

[S:34:10] Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu;

xejn ma jonqsu min jibża' minnu.

[S:34:11] Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ;

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.

 

[S:34:12] Ejjew uliedi, isimgħu lili;

jiena l-biża' tal-Mulej ngħallimkom.

[S:34:13] Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,

u jixtieq jara għomru kollu riżq?

 

[S:34:14] Ħares ilsienek mill-ħażen,

u xufftejk minn kliem il-qerq.

[S:34:15] Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,

fittex is-sliem u imxi warajh.

 

[S:34:16] Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,

u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.

[S:34:17] Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

[S:34:18] Jgħajjtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej

                                                               jismagħhom;

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.

[S:34:19] Qrib il-Mulej lejn dawk b'qalbhom maqsuma,

jgħin lil dawk b'ruħhom mifnija.

 

[S:34:20] Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,

iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.

[S:34:21] Iħarislu għadmu kollha,

ebda waħda ma titkissirlu.

 

[S:34:22] Il-ħażin ħżunitu teqirdu;

min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.

[S:34:23] Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti.

 

35 (34). Talba tal-ġust ippersegwitat

 

[S:35:1] Ta' David.

 

Ħudha, Mulej, ma' min jeħodha miegħi,

tqabad ma' min jitqabad kontrija.

 

[S:35:2] Aqbad it-tarka, il-kbira u ż-żgħira,

u qum biex tagħtini l-għajnuna.

[S:35:3] Xejjer il-lanza u islet is-sejf

għal dawk li jagħmlu għalija.

Għidli: "Jiena s-salvazzjoni tiegħek!"

[S:35:4] Jitfixklu u jistħu

dawk li jfittxu jneħħuli ħajti.

Jerġgħu lura mifxula

dawk li ħsiebhom kif jagħmluli l-ħsara.

[S:35:5] Ħa jkunu bħal karfa mar-riħ,

mkeċċija mill-anġlu tal-Mulej.

[S:35:6] Tkun triqithom dlam u żliq;

u l-anġlu tal-Mulej isuqhom.

[S:35:7] Għal xejn b'xejn nasbuli xibka,

għal xejn ħaffruli ħofra.

[S:35:8] Tiġi fuqhom qerda għal għarrieda,

taħkimhom ix-xibka li nasbu,

jaqgħu fil-ħofra li ħaffru.

[S:35:9] Imma jien fil-Mulej nifraħ,

nitgħaxxaq bis-salvazzjoni tiegħu.

[S:35:10] Saħansitra għadmi kollu jgħid:

"Min hu bħalek, Mulej!

Int teħles l-imsejken minn min hu aqwa minnu,

l-imsejken u l-fqajjar minn dawk li jisirquh."

[S:35:11] Iqumu xiehda qarrieqa,

jistaqsuni dak li ma nafx;

[S:35:12] bid-deni għall-ġid iħallsuni;

qerduli ruħi.

[S:35:13] Iżda meta huma kienu morda,

jien kont nilbes l-ixkora;

kont ngħakkes bis-sawm lili nnifsi,

u nitlob b'rasi mgħaddsa fi ħdani.

[S:35:14] Bħal ħbiebi, bħal ħuti mxejt magħhom;

bħal min jagħli għal ommu nxtħett fin-niket.

[S:35:15] Meta wqajt jien, nġemgħu flimkien jifirħu,

ngħaqdu flimkien kontrija.

Bla ma naf għaliex jaħbtu għalija,

bla heda jtertquni.

[S:35:16] Mal-ħżiena jkasbruni u jiddieħku bija,

jgħażgħżu snienhom kontrija.

 

[S:35:17] Int, Mulej Sidi, kemm se ddum tħares?

Eħlisni mill-qerda tagħhom,

eħlisli mill-iljuni ħajti l-għażiża.

[S:35:18] Niżżik ħajr qalb ġemgħa kbira,

qalb kotra ta' nies infaħħrek.

 

[S:35:19] Tħallix l-għedewwa qarrieqa

jithennew minħabba fija;

anqas  'il dawk li għal xejn jobogħduni

jegħmżu 'l xulxin kontrija.

[S:35:20] Għax huma ma jitkellmux bis-sliem;

mqar kontra nies kwieti

kliem ta' qerq jaqilgħu.

[S:35:21] Ħalqhom jiftħu beraħ fuqi:

"Arah!", jgħidu ferħana."Hawn hu taħt għajnejna!"

[S:35:22] Int rajtu dan, Mulej; la tibqax sieket;

Sidi, titbegħidx minni.

[S:35:23] Stenbaħ u qum biex tagħtini raġun,

biex taqbeż għall-kawża tiegħi,

Alla tiegħi u Sid tiegħi.

[S:35:24] Skond il-ġustizzja tiegħek agħtini li ħaqqni,

Mulej, Alla tiegħi;

tħallihomx jifirħu minħabba fija.

[S:35:25] Ħalli ma jgħidux f'qalbhom: "Qtajna

                                                                  xewqitna!"

Ħalli ma jgħidux: "Ġibnieh fix-xejn."

 

[S:35:26] Ħa jistħu u jinfixlu lkoll flimkien

dawk li jifirħu bid-deni tiegħi.

Jitgħabbew bl-għajb u bil-mistħija

dawk li jitkabbru minħabba fija.

[S:35:27] Jifirħu u jithennew dawk li jgħożżu

                                                       l-ġustizzja tiegħi;

u jgħidu dejjem: 'Kbir il-Mulej,

li jgħożż is-sliem tal-qaddej tiegħu!"

[S:35:28] Mbagħad ixandar ilsieni l-ġustizzja tiegħek,

il-jum kollu t-tifħir tiegħek.

 

36 (35). Il-ħażen tal-midneb u t-tjieba ta' Alla

 

[S:36:1] Għall-mexxej tal-kor. Ta' David, il-qaddej

tal-Mulej.

 

[S:36:2] Il-ħażen ifesfes lill-ħażin f'qiegħ qalbu;

m'hemmx biża' ta' Alla quddiem għajnejh.

[S:36:3] Għax hu jiddandan bil-fehma tiegħu,

li Alla ma jsibx fih ħtija x'jistmell.

[S:36:4] Kliem fommu kollu qerq u gideb,

ma jimxix bil-għaqal, ma jagħmilx il-ġid.

[S:36:5] Fuq friexu jaħseb kif se jqarraq,

triq ħażina qabad, ma jwarrabx dak li hu ħażin.

[S:36:6] Mulej, sas-smewwiet tasal it-tjieba tiegħek,

sas-sħab il-fedeltą tiegħek.

[S:36:7] M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek,

baħar bla qiegħ il-ħaqq tiegħek;

bnedmin u bhejjem int tgħinhom, Mulej!

[S:36:8] Kemm hi għażiża t-tjieba tiegħek, o Alla!

Għad-dell ta' ġwenħajk jistkennu wlied il-bnedmin.

[S:36:9] Jixbgħu bil-ġid tad-dar tiegħek,

tisqihom ix-xmara ta' l-hena tiegħek.

[S:36:10] Għax għandek hemm l-għajn tal-ħajja,

fid-dawl tiegħek naraw id-dawl.

[S:36:11] Żomm it-tjieba tiegħek ma' min jagħrfek,

il-ġustizzja tiegħek ma' min hu qalbu safja.

[S:36:12] Ma jersaqx għal fuqi riġel il-kburi,

ma titfagħnix 'il barra id il-ħażin.

[S:36:13] Hemm waqgħu dawk li jagħmlu l-ħażen,

ntefgħu 'l isfel u ma jistgħux iqumu.

 

37(36). Il-premju tat-tajbin u l-kastig tal-ħżiena

 

[S:37:1] Ta' David.

 

La tagħdabx minħabba l-ħżiena,

la tgħirx għal dawk  li jagħmlu d-deni;

[S:37:2] għax bħall-ħaxix malajr jidbielu,

u bħan-nibbieta malajr jinxfu.

[S:37:3] Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb;

għammar fl-art, u tgħix b'moħħok mistrieħ;

[S:37:4] qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek,

u jagħtik dak li tixtieq qalbek.

 

[S:37:5] Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek,

afda fih, u jagħmel hu.

[S:37:6] Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek,

u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar.

[S:37:7] Serraħ rasek fil-Mulej u ttama fih;

tinkeddx minħabba f'min jirnexxi

u f'min jimxi bil-ħżunija.

[S:37:8] Ħallik mill-korla u la tirrabjax;

tinkedd xejn, għax deni jiswielek.

[S:37:9] Għax il-ħżiena jitqaċċtu 'l barra;

min jittama fil-Mulej jikseb l-art.

[S:37:10] Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar;

għad tħares fejn kien u ma ssibux.

[S:37:11] Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art,

u bi sliem kotran jitgħaxxqu.

[S:37:12] Jonsob il-ħażin għall-bniedem ġust,

u jgħażgħeż snienu kontra tiegħu,

[S:37:13] imma l-Mulej bil-ħażin jidħak,

għax jara li wasal żmienu.

[S:37:14] Jisiltu s-sejf il-ħżiena

u jiġbdu l-ark tagħhom,

biex joqtlu l-imsejken u l-fqajjar,

u joqtlu 'l min jimxi sewwa.

[S:37:15] Imma sejfhom jinfdilhom qalbhom,

u l-ark tagħhom jitkisser.

[S:37:16] Aħjar il-ftit li għandu l-ġust

mill-ġid kotran tal-ħżiena;

[S:37:17] għax dirgħajn il-ħażin jitkissru,

imma l-Mulej iżomm il-ġusti.

 

[S:37:18] Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin,

u wirthom jibqa' għal dejjem.

[S:37:19] Ma jitfixklux f'siegħa ħażina,

u jixbgħu fi żmien il-ġuħ.

[S:37:20] Imma l-ħżiena għad jintilfu;

l-għedewwa tal-Mulej jintemmu bħal ġmiel ir-raba',

u jgħibu kif jgħib id-duħħan.

[S:37:21] Jissellef il-ħażin u ma jroddx;

imma l-ġust iħenn u jagħti.

 

[S:37:22] Dawk li l-Mulej ibierek jiksbu l-art;

imma dawk li hu jisħet jitqaċċtu 'l barra.

[S:37:23] Il-Mulej isaħħaħ il-mixi tal-bniedem,

iwettqu u jitgħaxxaq bi triqtu.

[S:37:24] Jekk jaqa', ma jmurx għal tulu fl-art,

għax il-Mulej iżommlu idu.

 

[S:37:25] Kont żagħżugħ, u issa xjeħt,

u qatt ma rajt il-ġust minsi,

jew uliedu jittallbu ħobżhom.

[S:37:26] Dejjem iħenn u jislef bil-qalb,

u wliedu jgħixu bil-barka.

 

[S:37:27] Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,

biex tibqa' tgħammar għal dejjem.

[S:37:28] Għax il-Mulej iħobb is-sewwa,

u ma jitlaqx it-twajbin tiegħu;

hu jħarishom għal dejjem,

imma wlied il-ħżiena jeqridhom.

[S:37:29] Il-ġusti jirtu l-art,

u jgħammru fiha għal dejjem.

 

[S:37:30] Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf,

u lsienu jgħid is-sewwa.

[S:37:31] Il-liġi ta' Alla tiegħu għal qalbu,

ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu.

[S:37:32] Il-ħażin jgħasses għall-ġust,

u jfittex li jneħħilu ħajtu.

[S:37:33] Imma l-Mulej ma jitilqux f'idejh,

ma jħallihx jaqa' taħt il-ħaqq tiegħu.

 

[S:37:34] Ittama fil-Mulej u ħares triqtu,

hu jerfgħek biex tikseb l-art;

mbagħad tara l-ħżiena meqruda.

[S:37:35] Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar

jinfirex qisu ċedru tal-Libanu.

[S:37:36] Rġajt għaddejt, u ma rajtux;

fittixtu, u ma sibtux.

 

[S:37:37] Ħares lejn min hu tajjeb, ara l-bniedem

                                                                      sewwa;

għax ulied iħalli min iħobb is-sliem.

[S:37:38] Imma l-midinbin flimkien jinqerdu;

ulied il-ħżiena jitqaċċtu 'l barra.

[S:37:39] Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej;

hu l-kenn tagħhom fi żmien l-għawġ.

[S:37:40] Il-Mulej jgħinhom u jeħlishom mill-ħżiena,

isalvahom għax fih jistkennu.

 

38 (37). Talba ta' midneb maħkum mill-mard

 

[S:38:1] Salm ta' David. B'tifkira.

 

[S:38:2] Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek,

la twiddibnix fis-saħna tiegħek!

[S:38:3] Għax il-vleġeġ tiegħek daħlu fija,

u idek tagħfas fuqi.

[S:38:4] Xejn m'hu sħiħ f'ġismi minħabba l-għadab

                                                                      tiegħek;

m'hemmx saħħa f'għadmi minħabba ħtijieti.

[S:38:5] Għax dnubieti telgħu 'l fuq minn rasi,

bħal toqol kbir għalija jagħfsu fuqi.

[S:38:6] Irejjħu u jdennu l-ġrieħi tiegħi,

ħtija tal-bluha tiegħi.

[S:38:7] Ninsab milwi u mifni għall-aħħar;

il-jum kollu ngħaddih fid-dwejjaq.

[S:38:8] Għax qabadni ħruq f'ġenbejja,

u xejn sħiħ ma għandi f'ġismi.

[S:38:9] Mifni nħossni u mfarrak għalkollox;

ngħajjat minħabba t-tferfir ta' qalbi.

[S:38:10] Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi;

it-tnehid tiegħi m'hux moħbi minnek.

[S:38:11] Qalbi tħabbat, saħħti ħallietni,

id-dawl ta' għajnejja wkoll naqasni.

[S:38:12] Ħbiebi u sħabi mill-mard tiegħi jitgerrxu;

qrabati jżommu  'l bogħod minni.

[S:38:13] Xibka ħejjewli dawk li jonsbuli ħajti,

iqassu fuqi dawk li jixtiquli d-deni,

il-ħin kollu l-qerq inassu.

[S:38:14] Imma jien bħal trux li ma jismax;

bħal imbikkem li ma jiftaħx ħalqu.

[S:38:15] Nagħmilha ta' wieħed li ma jismax,

bħal wieħed li xejn ma għandu xi jgħid.

[S:38:16] Għax fik, Mulej, jien nittama;

int li twieġeb, Sid u Alla tiegħi.

[S:38:17] Jien għedt: "Ma jifirħux minħabba fija,

ma jiftaħrux fuqi jekk riġli jogħtor."

[S:38:18] Għax jien wasalt biex naqa',

u tbatijieti dejjem quddiem għajnejja.

 

[S:38:19] Ħtijieti jien nistqarrhom;

nitħasseb fuq id-dnub tiegħi.

[S:38:20] Tqawwew dawk li għal xejn b'xejn

                                                            huma kontrija;

żdiedu dawk li għal xejn jobogħduni;

[S:38:21] dawk li jrodduli għall-ġid id-deni;

dawk li jiqfuli għax nimxi sewwa.

[S:38:22] La tħallinix, Mulej;

Alla tiegħi, titbegħidx minni.

[S:38:23] Fittex agħtini l-għajnuna,

Sidi, is-salvazzjoni tiegħi.

 

39 (38). Ħajjitna qasira u kollha frugħa

 

[S:39:1] Għall-mexxej tal-kor. Għal Ġedutun.

Salm ta' David.

 

[S:39:2] Jien għedt: "Irrid nara kif nimxi,

biex ma nagħmilx dnubiet

bi lsieni; nqiegħed fuq fommi sarima,

sakemm idum il-ħażen quddiemi."

[S:39:3] Għalaqt ħalqi u bqajt sieket,

żammejt il-kwiet, u xejn ma swieli,

l-uġigħ tiegħi aktar ħraxli.

[S:39:4] Tħeġġet qalbi ġewwa fija;

għall-ħsieb biss, nar tkebbes fija.

Nħall imbagħad ilsieni, u jien għedt:

[S:39:5] "Għarrafni, Mulej, it-tmiem tiegħi,

u kemm hu twil żmien il-jiem tiegħi,

ħa nkun naf kemm xejn ma niswa.

[S:39:6] Ara, tul xibrejn għamiltli jiemi,

żmien ħajti qisu xejn quddiemek.

Tassew, daqsxejn ta' nifs kull bniedem.

[S:39:7] Bħal dell jgħaddi l-bniedem,

għalxejn joqgħod jitħabat,

jaħżen il-ġid bla ma jaf min għad jiġbru.

[S:39:8] U issa, Mulej, jien x'nistenna?

Fik biss hija t-tama tiegħi.

[S:39:9] Eħlisni minn ħtijieti kollha,

titlaqnix għaż-żebliħ ta' l-iblah.

[S:39:10] Niskot jien, ma niftaħx ħalqi,

għax dan hu għemil tiegħek.

[S:39:11] Warrab minni d-daqqiet tiegħek;

mifni jien bis-swat ta' idejk.

 

[S:39:12] B'kastig tal-ħażen int tgħakkes il-bniedem,

bħal kamla tgħarraqlu ġmielu.

Tassew, daqsxejn ta' nifs kull bniedem.

[S:39:13] Isma', Mulej, it-talba tiegħi,

agħti widen għall-għajta tiegħi,

tibqax trux għad-dmugħ tiegħi.

Għax jien m'hux ħlief mistieden għandek,

barrani, bħal missirijieti kollha.

[S:39:14] Warrab ħarstek minn fuqi, biex nieħu

                                                                        n-nifs,

qabel ma nitlaq u nintemm għalkollox."

 

40 (39). Radd il-ħajr u talba għall-għajnuna

 

[S:40:1] Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David.

 

[S:40:2] Ittamajt b'tama qawwija fil-Mulej;

hu niżel ħdejja u sama'  l-għajta tiegħi.

[S:40:3] Minn bir waħxi tellagħni,

minn qalb il-ħama u t-tajn;

fuq il-blat qegħedli riġlejja,

u saħħaħli l-mixi tiegħi.

[S:40:4] Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,

għanja ta' tifħir lil Alla tagħna.

Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża' tiegħu,

u jittamaw fil-Mulej.

[S:40:5] Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej

                                                           it-tama tiegħu,

u ma jmurx mal-kburin, mogħtija għall-gideb.

[S:40:6] Bla għadd l-għemejjel tiegħek, Mulej,

                                                                  Alla tiegħi;

ta' l-għaġeb il-ħsibijiet tiegħek għalina;

ħadd ma jħabbatha miegħek!

Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem;

iżda huma ħafna biex insemmihom.

 

[S:40:7] Int ma titgħaxxaqx b'sagrifiċċji u offerti;

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

[S:40:8] Mbagħad jien għedt: "Hawn jien, ġej.

Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi

[S:40:9] li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni;

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi."

 

[S:40:10] Xandart il-ġustizzja f'ġemgħa kbira;

xufftejja ma żammejthomx magħluqa.

Mulej, dan inti tafu.

[S:40:11] Ma ħbejtx f'qalbi l-ġustizzja tiegħek;

il-fedeltą u s-salvazzjoni tiegħek jien ħabbarthom;

ma ħbejtx it-tjieba u l-fedeltą tiegħek  

                                                       lill-ġemgħa kbira.

 

[S:40:12] Int, Mulej, la ċċaħħadnix mill-ħniena

                                                                      tiegħek;

it-tjieba u l-fedeltą tiegħek iħarsuni għal dejjem!

[S:40:13] Għax għalquni minn kull naħa ħsarat li ma

                                                                jingħaddux;

ħakmuni ħtijieti u ma nistax nara;

huma aktar mix-xagħar ta' rasi;

għandi qalbi maqtugħa.

 

[S:40:14] Ħa jogħġbok, Mulej, teħlisni;

Mulej, fittex għinni.

 

[S:40:15] Ħa jistħu u jinfixlu lkoll flimkien

dawk li jfittxu jneħħuli ħajti.

Ħa jerġgħu lura mħawwda

dawk li jifirħu bid-deni tiegħi.

[S:40:16] Jitbellhu bil-mistħija tagħhom

dawk li jiddieħku bija.

 

[S:40:17] Jithennew u jifirħu bik

dawk kollha li jfittxuk;

jgħidu dejjem: "Kbir il-Mulej!"

dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.

[S:40:18] Imma jien, fqajjar u msejken,

għandi 'l Sidi jaħseb fija.

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi;

iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi!

 

41 (40). Radd il-ħajr għall-fejqan mill-mard

 

[S:41:1] Għall-mexxej tal-Kor. Salm ta' David.

 

[S:41:2] Hieni min jaħseb fil-fqir u d-dgħajjef;

f'jum l-għawġ jeħilsu l-Mulej.

[S:41:3] Il-Mulej iħarsu, jagħtih il-ħajja u jhennih

                                                                    fuq l-art;

ma jitilqux għar-rieda ta' l-għedewwa tiegħu.

[S:41:4] Il-Mulej jieqaf miegħu fuq is-sodda tal-mard;

ifejjqu mill-mard meta jkun mixħut.

[S:41:5] Jien għedt: "Ħenn għalija, Mulej;

fejjaqni, għax dnibt kontra tiegħek."

[S:41:6] L-għedewwa jixtiquli d-deni u jgħidu:

 "Meta se jmut u jintemm ismu?"

[S:41:7] Min jiġi jżurni jgħid kliem fieragħ;

jixtieq isir jaf aħbarijiet ħżiena,

biex ixandarhom kif joħroġ barra.

[S:41:8] Dawk kollha li jobogħduni jfesfsu

                                                   bejniethom kontrija;

jaħsbu dak  li hu ħażin għalija,

[S:41:9] "Marda mill-agħar ġiet fuqu;

ma jqumx iżjed mnejn hu mixħut!"

[S:41:10] Mqar ħabibi, li fih kont nafda,

li kiel minn ħobżi, ntrefa' kontrija.

[S:41:11] Imma int, Mulej, ħenn għalija u qajjimni,

u nkun nista' nagħtihom li ħaqqhom.

[S:41:12] Minn dan nagħraf li int kuntent bija,

li l-għadu ma jifraħx minħabba fija.

[S:41:13] U lili inti żżommni, għax jien bla ħtija,

u tqegħedni għal dejjem quddiemek.

[S:41:14] Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael,

minn dejjem għal dejjem. Amen! Amen!

 

IT-TIENI KTIEB

 

42 (41). Xewqa kbira għat-tempju ta' Alla

 

[S:42:1] Għall-mexxej tal-kor. Maskil. Ta' wlied Koraħ.

 

[S:42:2] Bħalma għażżiela tixxennaq

                                           għan-nixxigħat ta' l-ilma,

hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla.

[S:42:3] Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj;

meta niġi u nara wiċċ Alla?

[S:42:4] Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi,

meta l-jum kollu kienu jgħiduli:

"Fejn hu Alla tiegħek?"

[S:42:5] Dan niftakar, u nħoss qalbi tinħall ġewwa

                                                                             fija,

kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ

                                                          sad-dar ta' Alla,

fost għajta ta' ferħ u ta' radd il-ħajr,

qalb folla ferħana.

[S:42:6] Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi,

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru;

[S:42:7] hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

Tintelaq ruħi ġo fija;

għalhekk fik niftakar

minn art il-Ġordan u mill-Ħermon

u mill-muntanja ta' Misgħar.

[S:42:8] Minn irdum għal irdum jidwu

l-ħsejjes qawwija ta' l-ilmijiet tiegħek;

l-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek

għaddew minn fuqi.

[S:42:9] Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu;

jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.

[S:42:10] Ngħid lil Alla, il-blata tiegħi:

"Għaliex tlaqtni?

Għax għandi ngħix imdejjaq

taħt it-tagħkis ta' l-għadu?"

[S:42:11] Kull meta jgħajjruni l-għedewwa tiegħi,

qishom qed ikissruli għadmi;

meta jgħiduli l-ħin kollu:

"Fejn hu Alla tiegħek?"

[S:42:12] Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi,

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru;

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 

43 (42). Tnehid għall-ħelsien u x-xewqa għat-tempju

 

[S:43:1] Agħmel ħaqq miegħi int, Mulej,

u min-nies bla tjieba ddefendi l-kawża tiegħi;

min-nies qarrieqa u ħżiena eħlisni.

[S:43:2] Inti l-kenn tiegħi, o Alla;

għaliex warrabtni?

Għax għandi ngħix imdejjaq

taħt it-tagħkis ta' l-għadu?

[S:43:3] Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek;

huma jmexxuni;

iwassluni sa l-għolja mqaddsa tiegħek

u sa l-għerejjex tiegħek.

[S:43:4] U nidħol ħdejn l-artal ta' Alla,

ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.

U nroddlok ħajr biċ-ċetra,

o Alla, Alla tiegħi.

 

[S:43:5] Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi,

u titħawwad ġewwa fija?

Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru;

hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

 

44 (43). Talba għall-qawmien ta' Iżrael mirbuħ

 

[S:44:1] Għall-mexxej tal-kor. Ta' wlied Koraħ. Maskil.

 

[S:44:2] O Alla, b'widnejna aħna smajna,

qaluhulna missirijietna,

dak li int għamilt fi żmienhom,

[S:44:3] li għamilt b'idek fiż-żmien l-imgħoddi.

Il-ġnus keċċejt, u lilhom ħawwilt f'arthom;

il-popli għakkist, u lilhom frixt bħal friegħi.

 

[S:44:4] Ma kienx b'sejfhom li huma ħadu l-art,

jew bi driegħhom li kisbu r-rebħa;

kienet il-leminija tiegħek u d-driegħ tiegħek,

u d-dija ta' wiċċek, għax int ħabbejthom.

[S:44:5] Inti s-sultan tiegħi u Alla tiegħi,

li tajt ir-rebħa lil Ġakobb.

 

[S:44:6] Bik nitfgħu lura l-għedewwa tagħna,

f'ismek nirfsu fuq dawk li jqumu għalina.

 

[S:44:7] Għax mhux fl-ark tiegħi jien nafda,

anqas is-sejf tiegħi ma jrebbaħni.

[S:44:8] Imma int teħlisna mill-għedewwa tagħna,

u tfixkel 'il dawk li jobogħduna.

[S:44:9] F'Alla niftaħru l-ħin kollu;

ismek infaħħru għal dejjem.

[S:44:10] Imma issa warrabtna u ċekkintna,

ma għadekx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna.

[S:44:11] Ġagħaltna nduru lura minn quddiem

                                                                     l-għadu;   

dawk li jobogħduna ħatfulna ħwejjiġna.

[S:44:12] Tlaqtna bħal nagħaġ għall-qatla,

u fost il-ġnus xerridtna.

[S:44:13] Begħt il-poplu tiegħek għal ħaġa żgħira;

ma qlajtx wisq mill-bejgħ tiegħu.

[S:44:14] Waqqajtna għaż-żebliħ tal-ġirien tagħna,

għaċ-ċajt u t-tkasbir ta' dawk ta' madwarna.

[S:44:15] Ġibtna fi lsien il-ġnus,

u l-popli jħarsu lejna u jħarrku rashom.

[S:44:16] L-għajb tiegħi quddiemi l-jum kollu,

il-mistħija tgħattili wiċċi,

[S:44:17] għall-kliem ta’ żebliħ u tkasbir,

Quddiem l-għadu li jitħallas minni.

[S:44:18] Dan kollu ġralna, għalkemm ma nsejniekx,

għalkemm ma ksirniex il-patt tiegħek.

[S:44:19] Ma dorniex mill-fehma tagħna,

anqas ħarġu minn triqtek riġlejna.

[S:44:20] Imma int sħaqtna f'art il-klieb selvaġġi,

u b'dell il-mewt għattejtna.

[S:44:21] Li kieku nsejna isem Alla tagħna,

jew ftaħna idejna quddiem xi alla barrani,

[S:44:22] ma kienx Alla b'dan jintebaħ,

hu li jagħraf x'hemm moħbi fil-qalb?

[S:44:23] Minħabba fik joqtluna l-jum kollu,

jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.

[S:44:24] Qum! Għax int rieqed, Sid tiegħi?

Stenbaħ! La twarrabniex għal dejjem.

[S:44:25] Għaliex taħbi wiċċek minna?

Għaliex tinsa d-dwejjaq u  t-tagħkis tagħna?

[S:44:26] Għax fit-trab ninsabu mitluqa,

mixħuta ma' l-art minn tulna.

[S:44:27] Qum! Ejja biex tgħinna!

Eħlisna, f'ġieħ it-tjieba tiegħek!

 

45 (44). Għanja għat-tieġ tal-Messija-Sultan

 

[S:45:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Il-Ġilji".

Ta' wlied Koraħ. Maskil. Għanja ta' mħabba.

 

[S:45:2] Qalbi tfawwar bi kliem sabiħ;

ngħanni l-għanja tiegħi lis-sultan;

lsieni pinna ta' kittieb ħafif.

 

[S:45:3] Int l-isbaħ fost ulied il-bnedmin,

msawwba l-ħlewwa fuq xufftejk;

għalhekk bierkek Alla għal dejjem.

 

[S:45:4] Tħażżem, qalbieni, b'sejfek fuq ġenbek;

ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek!

[S:45:5] Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq;

turik lemintek ħwejjeġ ta' l-għaġeb!

[S:45:6] Il-vleġeġ tiegħek jinfdu, taħtek jaqgħu l-popli;

jaqtgħu qalbhom l-għedewwa tas-sultan.

[S:45:7] It-tron tiegħek, Alla, għal dejjem ta' dejjem;

xettru tas-sewwa hu x-xettru ta' saltnatek!

[S:45:8] Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen;

għalhekk dilkek Alla, Alla tiegħek,

b'żejt il-hena aktar minn sħabek.

 

[S:45:9] Bil-mirra u s-sabbara u l-kassja, kollha

                                                            fwieħa lbiesek.

Mill-palazzi ta' l-avorju jferrħek id-daqq tal-kordi.

[S:45:10] Bniet is-slaten joħorġu jilqgħuk;

f'lemintek is-sultana mżejjna b'deheb ta' Ofir.

[S:45:11] Isma', binti, ħares u agħti widen,

insa 'l ġensek u 'l dar missierek.

[S:45:12] Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek;

u int, għax hu sidek, agħtih qima.

[S:45:13] In-nies ta' Tir bir-rigali jiġu,

il-kbarat ifittxu l-favuri tiegħek.

[S:45:14] Kollha ġmiel bint is-sultan bil-ġawhar,

minsuġ bid-deheb ilbiesha.

[S:45:15] Għand is-sultan jeħduha bix-xbejbiet

                                                                     warajha,

it-tfajliet  li jingħatawlha bi sħabha.

[S:45:16] Jittieħdu b'għajat ta' ferħ u hena;

jidħlu fil-palazz tas-sultan.

[S:45:17] Flok missirijietek jilħqu wliedek;

inti tqegħedhom kapijiet fuq  l-art kollha.

[S:45:18] Nfakkar ismek minn nisel għal nisel;

ifaħħruk il-popli għal dejjem ta' dejjem!

 

46 (45). Alla l-kenn u l-qawwa tagħna

 

[S:46:1] Għall-mexxej tal-kor. Ta' wlied Koraħ.

Fuq"Għalamōt". Għanja.

 

[S:46:2] Kenn u qawwa hu Alla għalina,

għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.

[S:46:3] Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed,

jew jiġġarrfu l-muntanji f'nofs ta' baħar;

[S:46:4] anqas jekk jgħajjtu u jogħlew ilmijietu,

jew jitheżhżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu.

Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna,

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

[S:46:5] Hemm xmara li s-swieqi tagħha

iferrħu l-belt ta' Alla,

l-għamara qaddisa ta' l-Għoli.

[S:46:6] Hemm Alla f'nofsha, ma titħarrikx;

jgħinha Alla mat-tbexbix  tas-sebħ.

[S:46:7] Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet,

iddewwbet l-art, malli samma' leħnu.

[S:46:8] Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna,

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

[S:46:9] Ejjew, araw x'għamel il-Mulej,

għemejjel ta' l-għaġeb fuq l-art.

[S:46:10] Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art;

l-ark jaqsam u l-lanza jkisser,

jaħraq it-tarki bin-nar, u jgħid:

[S:46:11] "Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla,

għoli fuq il-ġnus, għoli fuq  l-art!"

[S:46:12] Il-Mulej ta' l-eżerċti magħna,

fortizza għalina Alla ta' Ġakobb!

 

47 (46). Il-Mulej sultan tal-popli kollha

 

[S:47:1] Għall-mexxej tal-kor. Ta' wlied Koraħ. Salm.

 

[S:47:2] Popli kollha, ċapċpu idejkom,

għajjtu b'leħen ta' ferħ lil Alla!

[S:47:3] Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża',

sultan kbir fuq l-art kollha.

[S:47:4] Irażżan il-popli taħtna,

il-ġnus iqiegħed taħt riġlejna.

[S:47:5] Hu jagħżlilna l-wirt tagħna,

il-kburija ta' Ġakobb, il-maħbub tiegħu.

[S:47:6] Tela' Alla b'għajat ta' ferħ,

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

[S:47:7] Għannu lil Alla, għannu,

għannu lis-sultan tagħna, għannu.

[S:47:8] Għax Alla s-sultan ta' l-art kollha:

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

[S:47:9] Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu.

[S:47:10] Jinġemgħu l-kbarat tal-popli

mal-poplu ta' Alla ta' Abraham.

Għax ta' Alla huma l-kapijiet ta' l-art;

hu fl-għoli fuq kulħadd.

 

48 (47). Radd il-ħajr għall-ħelsien ta' Ġerusalemm

 

[S:48:1] Għanja. Salm ta' wlied Koraħ.

 

[S:48:2] Kbir il-Mulej, ta' min ifaħħru ħafna

fil-belt ta' Alla tagħna.

L-għolja qaddisa tiegħu,

[S:48:3] għolja mill-isbaħ,

l-għaxqa ta' l-art kollha.

L-għolja ta' Sijon fil-qalba tat-tramuntana;

hi l-belt tas-sultan il-kbir.

 

[S:48:4] Alla fil-fortizzi tagħha

wera ruħu bħal sur qawwi.

[S:48:5] Ara, is-slaten ingħaqdu,

mxew ilkoll flimkien;

[S:48:6] kif rawha, baqgħu mistagħġba,

tfixklu u ħarbu.

[S:48:7] Hemm qabdithom rogħda kbira,

u wġigħ bħal dak tal-ħlas.

[S:48:8] Bir-riħ tal-lvant int tfarrak

l-iġfna ta' Tarsis.

 

[S:48:9] Kif smajna, hekk rajna

f'belt il-Mulej ta' l-eżerċti,

fil-belt ta' Alla tagħna.

Alla jżommha sħiħa għal dejjem!

[S:48:10] Naħsbu, o Alla, fuq it-tjieba tiegħek

f'nofs it-tempju tiegħek.

[S:48:11] Bħal ismek, o Alla, hekk tifħirek,

sa truf l-art jasal.

Il-leminija tiegħek bis-sewwa mimlija.

 

[S:48:12] Tithenna l-għolja ta' Sijon,

jifirħu l-bliet ta' Ġuda,

minħabba l-ġudizzji tiegħek.

[S:48:13] Duru ma' Sijon, duru dawra magħha,

araw kemm-il torri għandha.

[S:48:14] Ħarsu sewwa lejn is-swar tagħha,

duru bir-reqqa l-fortizzi tagħha,

biex ixxandru lin-nisel ta' wrajkom:

[S:48:15] Dan hu Alla! Alla tagħna għal dejjem ta'

                                                                       dejjem.

Hu jmexxina għal dejjem!

 

49 (48). Il-frugħa ta' l-għana ta' l-art

 

[S:49:1] Għall-mexxej tal-kor. Ta' wlied Koraħ. Salm.

 

[S:49:2] Isimgħu dan, popli kollha;

agħtu widen, intom ilkoll li tgħixu fid-dinja;

[S:49:3] kemm iż-żgħar u l-kbar tal-poplu,

kemm il-għonja u kemm  il-fqar.

[S:49:4] Fommi jitkellem l-għerf,

u nxandar il-fehmiet ta' qalbi.

 

[S:49:5] Nagħti widen għal kliem l-għerf;

se nfisser fuq iċ-ċetra l-kliem tqil tiegħi.

[S:49:6] Għax għandi nibża' mill-jiem ħżiena,

meta jdur għalija l-ħażen ta' dawk li jonsbuni?

[S:49:7] F'ġidhom it-tama tagħhom;

jiftaħru bil-kotra ta' l-għana tagħhom.

[S:49:8] Ħadd ma jista' jifdi lilu nnifsu,

jew jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa tiegħu.

[S:49:9] Għoli wisq il-prezz ta' ħajtu,

qatt ma jkun biżżejjed,

[S:49:10] biex wieħed jgħix għal dejjem

u ma jara qatt il-qabar.

[S:49:11] Jara mqar l-għorrief imutu,

l-iblah u l-belhieni lkoll jintemmu,

u lil ta' wrajhom iħallu ġidhom.

[S:49:12] Qabarhom hu darhom għal dejjem,

għamara tagħhom minn nisel għal nisel,

għalkemm għamlu isem f'artijiethom.

[S:49:13] Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ,

qisu bħall-bhejjem li jintemmu.

[S:49:14] Din xortih min jittama fih innifsu;

hekk jintemm min jitgħaxxaq bi frugħatu.

[S:49:15] Bħan-nagħaġ lejn l-imwiet mexjin,

l-mewt tkun ir-ragħaj tagħhom;

dritt lejn il-qabar jinżlu,

jintemmu fl-imwiet bla ġieħ ta' xejn.

[S:49:16] Imma lili Alla jifdili ħajti,

mis-setgħa ta' l-imwiet żgur jaħtafni.

[S:49:17] Tibżax meta xi ħadd jistagħna,

meta joktor il-ġieħ ta' daru.

[S:49:18] Għax xejn ma jieħu f'mewtu,

ġieħu ma jinżilx warajh.

[S:49:19] Mqar jekk f'ħajtu jħoss ruħu hieni,

u jgħid li jfaħħruh għax jgħaddiha tajjeb;

[S:49:20] imur ukoll mal-ġemgħa ta' missirijietu,

li qatt aktar ma jaraw id-dawl.

[S:49:21] Imma l-bniedem ma jibqax fil-ġieħ,

qisu bħall-bhejjem li jintemmu.

 

50 (49). Is-sagrifiċċji li jogħġbu lil Alla

 

[S:50:1] Salm. Ta' Asaf,

 

Alla, il-Mulej Alla, tkellem u sejjaħ l-art.

Minn fejn titla' x-xemx sa fejn tinżel,

[S:50:2] minn Sijon, il-ġmiel tagħha,

Alla wera d-dija tiegħu.

[S:50:3] Ġej Alla tagħna, ma jibqax sieket;

quddiemu nar li jeqred,

madwaru tempesta qalila.

[S:50:4] Hu jsejjaħ is-smewwiet mill-għoli

u l-art, biex jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu:

[S:50:5] "Iġimgħu 'l ħbiebi quddiemi,

li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju."

[S:50:6] U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu,

għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq.

[S:50:7] "Isma', poplu tiegħi, għax se nitkellem,

Iżrael, għax se nixhed kontrik.

Jiena Alla, Alla tiegħek.

[S:50:8] Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek;

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.

[S:50:9] Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek,

jew gidjien mill-imrieħel tiegħek.

[S:50:10] Għax tiegħi huma l-bhejjem tax-xagħri,

eluf huma l-bhejjem fuq l-għoljiet tiegħi.

[S:50:11] Jien nagħraf it-tjur kollha ta' l-ajru,

taħt għajnejja kull ma jimxi fir-raba'.

 

[S:50:12] Li kont bil-ġuħ, m'hux se ngħid lilek,

għax tiegħi l-art u kull ma fiha.

[S:50:13] Huwa jien se niekol laħam il-gniedes,

jew nixrob id-demm tal-gidjien?

[S:50:14] Agħti 'l Alla sagrifiċċju ta' radd il-ħajr,

u rodd lill-Għoli  l-wegħdiet tiegħek.

[S:50:15] Mbagħad sejjaħli f'jum id-dwejjaq;

jien neħilsek, u int tweġġaħni."

[S:50:16] Lill-ħażin, imma, Alla jgħidlu:

"Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi,

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

[S:50:17] int, li tobgħod it-twiddib,

u tixħet kliemi wara dahrek?

[S:50:18] Jekk tiltaqa' ma' ħalliel, tissieħeb miegħu;

sehmek taqsam maż-żienja.

[S:50:19] Fommok ftaħt għall-ħażen,

u lsienek il-qerq jinseġ.

[S:50:20] Kontra ħuk toqgħod tpaċpaċ,

kontra bin ommok tqassas.

[S:50:21] Dan int għamilt, u jien bqajt sieket;

forsi ħsibt li jiena bħalek.

Issa se nċanfrek, u dan kollu nqiegħed quddiemek.

[S:50:22] Ifhmuha sewwa, intom li tinsew 'l Alla,

li ma naħtafkomx, u ħadd ma jeħliskom.

[S:50:23] Min iroddli sagrifiċċju ta' radd il-ħajr,

                                                            dan isebbaħni;

lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta' Alla."

 

51 (50). Il-qalb niedma u sogħbiena

 

[S:51:1] Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David,

[S:51:2] meta Natan il-profeta ġie għandu għax hu

kien resaq lejn Batseba.

 

[S:51:3] Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

[S:51:4] Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi.

[S:51:5] Għax jien nagħrafhom ħtijieti;

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

[S:51:6] Kontrik biss jiena dnibt,

u dak li hu ħażin f'għajnejk għamilt.

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek,

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

[S:51:7] Ara, jiena ssawwart fil-ħtija,

u fid-dnub nisslitni ommi.

[S:51:8] Int li tħobb il-qalb sinċiera,

għallimni l-għerf fil-fond ta' qalbi.

[S:51:9] Roxxni bl-ilma, u nissaffa;

aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.

[S:51:10] Agħmel li nisma' l-ferħ u l-hena,

biex għadmi, li int sħaqt, jithenna.

[S:51:11] Dawwar wiċċek minn ħtijieti;

ħassar ħżuniti kollha.

[S:51:12] Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

[S:51:13] La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek.

[S:51:14] Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

 

[S:51:15] Lill-midinbin ngħallem triqatek,

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

[S:51:16] Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla,

Alla tas-salvazzjoni tiegħi;

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

[S:51:17] Iftaħli xufftejja, Sidi,

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.

[S:51:18] Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju;

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

[S:51:19] Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb

                                                                      niedma;

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.

[S:51:20] Agħmel il-ġid lil Sijon fi tjubitek;

erġa' ibni l-ħitan ta' Ġerusalemm.

[S:51:21] Mbagħad tilqa' bil-qalb vittmi xierqa,

sagrifiċċji ta' vittmi maħruqa u mitmuma;

mbagħad joffrulek għoġiela fuq l-artal tiegħek.

 

52 (51). L-ilsien qarrieq

 

[S:52:1] Għall-mexxej tal-kor. Maskil. Ta' David,

[S:52:2] meta Duweg ta' Edom ġie għand Sawl u

qallu: "David wasal f'dar Aħimelek."

 

[S:52:3] Xi trid tiftaħar, bniedem b'saħħtek,

bi ħżunitek kontra t-twajjeb?

[S:52:4] Dejjem ħsiebek kif tagħmel id-deni,

lsienek bħal xafra taqta', ja qarrieq!

[S:52:5] Tħobb il-ħażen aktar mit-tajjeb,

u l-gideb aktar mis-sewwa.

[S:52:6] Tħobb kull xorta ta' kliem ta' ħsara,

lsien qarrieq!

[S:52:7] Imma Alla jxejjnek għal dejjem,

jaħtfek u jaqilgħek 'il barra minn għamartek,

jeqirdek minn art il-ħajjin.

[S:52:8] Il-ġusti mbagħad iħarsu miblugħa,

jidħku bih u jgħidu:

[S:52:9] "Araw il-bniedem li m'għamilx 'l Alla

                                                           fortizza tiegħu,

imma ttama fl-għana kbir tiegħu,

qiegħed f'ġidu l-qawwa tiegħu!"

 

[S:52:10] Imma jien, bħal siġra taż-żebbuġ

li tħaddar fid-dar ta' Alla,

nittama fit-tjieba ta' Alla

għal dejjem ta' dejjem.

[S:52:11] Nfaħħrek għal dejjem għax dan int

                                                                    għamiltu;

nxandar ismek quddiem ħbiebek, għax hu tajjeb.

 

53 (52). Il-bniedem mingħajr Alla

 

[S:53:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq"Maħalat". Maskil.

Ta' David.

 

[S:53:2] Jgħid l-iblah f'qalbu: "M'hemmx Alla!"  

Tħassru l-bnedmin, għamlu ħwejjeġ ta' min

                                                               jistmellhom;

m'hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.

[S:53:3] Alla mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin,

biex jara jekk hemmx min hu għaqli,

min ifittex lil Alla.

[S:53:4] Lkoll intilfu, lkoll flimkien tħażżnu;

ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.

 

[S:53:5] Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,

dawk li qatt ma jsejjħu lil Alla?

li jaħtfu l-poplu tiegħi kif wieħed jaħtaf il-ħobż,

u lil Alla ma jsejjħux?

[S:53:6] Biża' kbir waqa' fuqhom,

bla ma kellhom għalfejn;

għax Alla kissrilhom għadamhom

lil dawk li dawwruk;

tħawwdu, għax Alla telaqhom.

[S:53:7] Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta' Iżrael?

Meta jerġa' jqajjem Alla l-poplu tiegħu,

jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.

 

54. Talba għall-ħelsien mill-għedewwa

 

[S:54:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti

tal-korda. Maskil. Ta' David, [S:54:2] meta n-nies

ta' Żif ġew jgħidu lil Sawl: "David moħbi fostna."

[S:54:3] B'ismek, o Alla, salvani;

agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.

[S:54:4] Isma', o Alla, it-talba tiegħi;

agħti widen għal kliem fommi.

[S:54:5] Għax nies kburin qamu kontrija,

nies kefrin jonsbuli ħajti;

ma jżommux 'l Alla quddiem għajnejhom.

 

[S:54:6] Ara, Alla l-għajnuna tiegħi;

il-Mulej hu dak li jżommni.

[S:54:7] Hu jdawwar id-deni għal fuq l-għedewwa

                                                                        tiegħi.

Għall-fedeltą tiegħek eqridhom, Mulej!

[S:54:8] Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju;

nrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb.

[S:54:9] Għax minn kull hemm ħelisni l-Mulej;

jitpaxxew għajnejja bl-għedewwa mirbuħa.

 

55 (54). Ħabib fost l-għedewwa

 

[S:55:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti

tal-korda. Maskil. Ta' David.

 

[S:55:2] Agħti widen, o Alla, għat-talba tiegħi,

titwarrabx mit-talb umli tiegħi.

[S:55:3] Ismagħni u weġibni,

m'għandix mistrieħ fid-dwejjaq tiegħi!

 

[S:55:4] Nirtogħod bil-biża' għall-ħoss ta'

                                                               l-għedewwa,

minħabba l-għajat tal-ħżiena;

għax huma jġibu fuqi l-ħsara,

fl-għadab tagħhom jeħduha kontrija.

[S:55:5] Qalbi tinfena ġewwa fija,

biża' tal-mewt waqa' fuqi.

[S:55:6] Biża' u tregħid jiġu fuqi,

u twerwir jaħkimni.

[S:55:7] U ngħid: "M'hux li kelli l-ġwienaħ bħal

                                                                   ħamiema,

biex intir u mmur nistrieħ!

[S:55:8] Kont 'il bogħod immur niġġerra,

u fid-deżert insib fejn noqgħod.

 

[S:55:9] Kont malajr insib fejn nistkenn

mir-riħ qawwi u r-riefnu."

 

[S:55:10] Eqridhom, Sidi, ħawwdilhom kliemhom,

għax dnewwa u ġlied fil-belt qiegħed nara.

[S:55:11] Lejl u nhar jiġġerrew fuq il-ħitan tagħha,

fiha m'hemmx ħlief ħsara u dwejjaq.

[S:55:12] Il-ħerba tinsab ġo nofsha,

moħqrija u qerq ma jwarrbux mill-misraħ tagħha.

[S:55:13] M'huwiex xi għadu dak li jċanfarni;

li kien hekk,  kont nissaporti.

M'hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni;

li kien hekk, kont ninħeba minnu.

[S:55:14] Imma int, wieħed bħali,

sieħbi u ħabib tal-qalb,

[S:55:15] li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek,

ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta' Alla.

 

[S:55:16] Ħa taqa' l-mewt fuqhom,

ħa jinżlu ħajjin fl-imwiet, għax

il-ħażen jgħammar fosthom.

 

[S:55:17] Imma jien lil Alla nsejjaħ,

u l-Mulej isalvani.

[S:55:18] Fil-għaxija, fil-għodu u f'nofsinhar

nokrob u nitniehed;

u hu jisma' l-leħen tiegħi.

[S:55:19] Jeħlisli 'l ħajti fis-sliem

mill-ġlied li qajjmu kontrija,

għax ħafna huma li ħabtu għalija.

[S:55:20] Alla jismagħni u jrażżanhom,

hu li qiegħed fuq it-tron minn dejjem;

għax huma ma jridux jindmu,

ma għandhomx il-biża' ta' Alla.

 

[S:55:21] Idu rafa' kontra ħbiebu,

kiser il-ftehim tiegħu.

[S:55:22] Aktar mill-butir hu ħelu fommu,

imma qalbu bil-ġlied mimlija.

Aktar miż-żejt hu artab kliemu,

imma hu bħal sejf mislut.

 

[S:55:23] Ħalli xortik f'idejn il-Mulej,

u hu jgħinek u jwieżnek;

hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.

 

[S:55:24] U int, o Alla, itfagħhom

fil-ħofra tat-telfien.

Nies tad-demm u tal-qerq,

ma jgħixux nofs ħajjithom!

Imma jien fik nittama.

 

56 (55). Alla magħna fit-tiġrib

 

[S:56:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "Il-ħamiema

tal-ballut imbiegħed". Miktam. Ta' David, meta

nqabad mill-Filistin f'Gatt.

 

 

[S:56:2] Ħenn għalija, o Alla, għax qegħdin ikasbruni,

il-jum kollu jagħmlu għalija u jagħfsu fuqi.

[S:56:3] Il-jum kollu jkasbruni l-għedewwa tiegħi,

għax ħafna huma dawk li jeħduha miegħi.

 

[S:56:4] Fik, Alla l-Għoli, jien nittama,

meta jkolli għal xiex nibża'.

[S:56:5] Bl-għajnuna ta' Alla nfaħħar kelmtu;

f'Alla nafda, m'għandix għax nibża';

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

 

[S:56:6] Il-jum kollu jqassu u jgħidu fuqi,

ħsiebhom biss kif jagħmluli l-ħsara.

[S:56:7] Jinġemgħu flimkien u jistaħbew, jgħassu

                                                              l-mixi tiegħi,

bit-tama li jneħħuli ħajti.

 

[S:56:8] Għall-ħażen tagħhom ħallashom int, o Alla;

bl-għadab tiegħek xejjen il-popli.

[S:56:9] Int għaddejt kull ċaqliqa tiegħi;

iġma' fi flixkun id-dmugħ tiegħi.

M'huwiex dan fil-ktieb tiegħek?

 

[S:56:10] Mbagħad jerġgħu lura l-għedewwa tiegħi,

meta jiena nsejjaħlek.

Dan jien naf, li Alla hu miegħi.

[S:56:11] Bl-għajnuna ta' Alla nfaħħar kelmtu;

bl-għajnuna tal-Mulej infaħħar kelmtu.

[S:56:12] F'Alla nitma, m'għandix għax nibża';

x'jista' jagħmilli l-bniedem?

 

[S:56:13] O Alla, jien marbut bil-wegħdiet tiegħek;

għalhekk inroddlok sagrifiċċji ta' tifħir.

[S:56:14] Għax mill-mewt int ħlistli 'l ħajti

u 'l riġli mill-waqgħa,

biex nimxi quddiem Alla fid-dawl tal-ħajjin.

 

57 (56). Min jafda f'Alla ma jibża' minn xejn

 

[S:57:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq"La teqridx".

Miktam. Ta' David meta ħarab minn quddiem Sawl

u nħeba fl-għar.

 

[S:57:2] Ħenn għalija, o Alla, ħenn għalija,

għax fik jiena nsib il-kenn tiegħi;

għad-dell ta' ġwenħajk nistkenn,

sakemm jgħaddi l-hemm minn fuqi.

[S:57:3] Nsejjaħ lil Alla l-Għoli,

lil Alla, li jieħu ħsiebi.

[S:57:4] Jibgħat mis-sema u jsalvani;

jitfa' l-għajb fuq min jgħaffiġni;

jibgħat Alla t-tjieba u l-fedeltą tiegħu.

 

[S:57:5] Ninsab mimdud qalb l-iljuni,

li jaħtfu lill-bnedmin;

snienhom lanez u vleġeġ,

u lsienhom sejf misnun.

 

[S:57:6] Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla!

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!

 

[S:57:7] Xibka ħejjewli fil-mogħdija;

għal ftit ma waqajtx fiha.

Ħofra ħaffruli quddiemi,

iżda huma waqgħu fiha.

 

[S:57:8] Sħiħa qalbi, o Alla, sħiħa qalbi;

ħa ngħanni u ninseġ għanja:

[S:57:9] "Qum, ruħ tiegħi, qum, arpa u ċetra!

Ħa nqajjem sbiħ il-jum!"

[S:57:10] Nfaħħrek, Sidi, fost il-popli,

ngħannilek fost il-ġnus;

[S:57:11] għax m'ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek,

sas-sħab il-fedeltą tiegħek.

 

[S:57:12] Ogħla 'l fuq mis-smewwiet, o Alla!

Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha!

 

58 (57). Kundanna ta' l-imħallfin ħżiena

 

[S:58:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "La teqridx".

Ta' David. Miktam.

 

[S:58:2] Intom, kbarat, qegħdin tagħmlu ħaqq sewwa?

Qegħdin tiġġudikaw sewwa l-bnedmin?

[S:58:3] Le, anzi f'qalbkom il-ħażin taħsbu,

fuq l-art dnewwa jxerrdu idejkom.

[S:58:4] Minn ġuf ommhom il-ħżiena qabdu triq

                                                                       ħażina,

minn twelidhom żbaljaw dawk li jgħidu l-gideb.

 

[S:58:5] Għandhom semm bħal dak tas-serp,

bħal tal-lifgħa truxa, li ssodd widnejha,

[S:58:6] biex ma tismax is-sejħa tas-saħħar,

mqar jekk isaħħar b'sengħa kbira.

 

[S:58:7] O Alla, farrkilhom snienhom f'ħalqhom,

kisser dras il-frieħ ta'  l-iljun, Mulej.

[S:58:8] Ħa jgħibu bħal ilma li jintrema,

bħal ħaxix jintrifsu u jinxfu.

[S:58:9] Ikunu bħal bebbuxu li jinxef u jintemm,

bħal tarbija barra minn żmienha li ma tarax ix-xemx.

[S:58:10] Qabel ma tinħass is-sħana tax-xewk jaqbad,

ħajjin ikaxkarhom bis-saħna ta' għadbu.

 

[S:58:11] Jifraħ il-ġust xħin jara l-ħaqq iseħħ,

saqajh jaħsel fid-demm tal-ħżiena.

[S:58:12] U kulħadd jgħid: "Tassew hemm ħlas

                                                       tajjeb għall-ġust;

Tassew  li hemm Alla jagħmel ħaqq fuq l-art."

 

59 (58). Talba għall-ħelsien mill-għedewwa

 

[S:59:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "La teqridx."

Miktam. Ta' David, meta Sawl bagħat in-nies

jgħassulu f'daru biex joqtlu.

 

[S:59:2] Eħlisni mill-għedewwa, o Alla tiegħi,

ħarisni minn dawk li jqumu għalija.

[S:59:3] Eħlisni minn dawk li jagħmlu l-ħażen,

salvani min-nies qattiela.

 

[S:59:4] Għax huma jinħbew biex jonsbuli ħajti,

nies qalila jinġemgħu kontrija;

u dan, Mulej, bla tort u bla ħtija tiegħi.

[S:59:5a] Għalkemm jien bla ħtija,

huma jiġru u jlestu għalija.

 

[S:59:6a] Imma int, Mulej ta' l-eżerċti, Alla ta' Iżrael,

[S:59:5b] qum, ejja u ara b'għajnejk.

[S:59:6b] Stenbaħ biex tħallas il-ġnus kollha;

la tħennx għal min jagħmel il-ħażen bil-qerq.

 

[S:59:7] Jersqu kull filgħaxija, jinbħu bħal klieb,

jiġġerrew 'l hawn u 'l hemm mal-belt.

[S:59:8] Arahom, kliemhom ibaqbaq fuq fommhom,

kliem li jniggeż fuq xufftejhom.

"Min se jismagħna?" huma jgħidu.

[S:59:9] Imma int, Mulej, tidħak bihom,

il-ġnus kollha biċ-ċajt teħodhom.

 

[S:59:10] Qawwa tiegħi, jiena lilek nistenna,

għax inti, Alla, fortizza tiegħi.

[S:59:11] Alla tiegħi, mħabba tiegħi, jiġi jilqagħni;

jurini Alla l-għedewwa tiegħi mirbuħa.

 

[S:59:12] Eqridhom, o Alla, biex ma jinsiekx

                                                           il-poplu tiegħi,

ferrixhom u xejjinhom bil-qawwa tiegħek;

int, Sidi, it-tarka tagħna!

[S:59:13] Għal dnub fommhom u għal kliem

                                                                 xufftejhom

jinqabdu fi kburithom;

għall-kliem ta' saħta u ta' gideb jinsteħtu.

[S:59:14] Temmhom b'qilltek, temmhom biex ma

                                                              jkunux iżjed,

biex kulħadd jagħraf li Alla jaħkem fuq Ġakobb

sa trufijiet l-art.

 

[S:59:15] Jersqu kull filgħaxija, jinbħu bħal klieb,

jiġġerrew 'l hawn u 'l hemm mal-belt.

[S:59:16] Jiġġerrew u jimirħu biex isibu x'jieklu;

u jekk ma jixbgħux, tismagħhom jinbħu.

[S:59:17] Iżda jien ngħanni lill-qawwa tiegħek;

għax int sirt fortizza għalija,

kenn tiegħi f'jum id-dwejjaq.

[S:59:18] Qawwa tiegħi, lilek ferħan ngħanni;

għax inti, Alla, fortizza tiegħi,

Alla tiegħi, mħabba tiegħi!

 

60 (59). Fiduċja f'Alla wara t-telfa

 

[S:60:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "Susān Għedūt".

Miktam. Ta' David. Għat-tagħlim.

[S:60:2] Meta David ħadha kontra Aram-Naħarajm

u kontra Aram-Soba; u meta Ġowab, hu u ġej lura,

qatel tnax-il elf min-nies ta' Edom f'Wied il-Melħ.

 

[S:60:3] O Alla, inti warrabtna u kissirtna,

ħadabt għalina; erġa' dur lejna!

[S:60:4] Int heżhiżt l-art u xaqqaqtha;

sewwi l-qsim tagħha, għax saret ħerba.

[S:60:5] Urejt l-iebes lill-poplu tiegħek,

sqejtna nbid li jsakkar.

 

[S:60:6] Waqqaft stendard għal dawk li jibżgħu

                                                                      minnek,

biex lejh jaħarbu u jitbiegħdu mill-ark,

[S:60:7] biex ikunu meħlusa l-għeżież tiegħek;

għinna bil-leminija tiegħek u weġibni!

 

[S:60:8] Tkellem Alla fis-santwarju tiegħu:

"Ferħan nieħu b'sehmi lil Sikem,

nagħmel oqsma mill-wied ta' Sukkot.

[S:60:9] Tiegħi hu Gilgħad, tiegħi Manassi,

Efrajm hu l-elmu ta' rasi,

u Ġuda x-xettru tiegħi.

[S:60:10] Mowab lenbija fejn ninħasel,

fuq Edom inqiegħed il-qorq tiegħi,

fuq Filistja nifraħ rebbieħ!"

[S:60:11] Min se jwassalni fil-belt bis-swar?

Min se jeħodni sa Edom?

[S:60:12] M'hux int, o Alla, li warrabtna,

u li m'għadekx toħroġ ma' l-eżerċti tagħna?

[S:60:13] Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu;

għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem.

[S:60:14] Bl-għajnuna ta' Alla nuru ħilitna;

hu li jisħaq l-għedewwa tagħna.

 

61(60). Talba ta' wieħed itturufnat

 

[S:61:1] Għall-mexxej tal-kor. Bl-istrumenti tal-korda.

Ta' David.

 

[S:61:2] Isma', o Alla, l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talba tiegħi.

[S:61:3] Minn truf l-art lilek insejjaħ,

meta nkun qalbi maqtugħa;

minn hemm inti mexxini

lejn il-fortizza fuq l-għolja.

[S:61:4] Għax int sirt kenn għalija,

torri qawwi quddiem l-għadu.

[S:61:5] M'hux li kont ngħix f'għamartek għal dejjem,

nistkenn għas-satra ta' ġwenħajk!

[S:61:6] Għax int, o Alla, smajt il-wegħda tiegħi,

u tajtni l-wirt ta' min iqim lil ismek.

[S:61:7] Lis-sultan kattarlu ż-żmien ta' ħajtu;

ikunu snin ħajtu minn nisel għal nisel.

[S:61:8] Isaltan quddiem Alla għal dejjem.

Agħmel li jħarsuh it-tjieba u l-fedeltą.

[S:61:9] Hekk infaħħar ismek għal dejjem,

jien u nrodd kuljum il-wegħdiet tiegħi.

 

62 (61). It-tama tagħna f'Alla wieħed

 

[S:62:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "Ġedutun." Salm.

Ta' David.

[S:62:2] F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi:

mingħandu tiġini s-salvazzjoni.

[S:62:3] Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

 

[S:62:4] Kemm se ddumu teħduha kontra wieħed

                                                                       waħdu,

biex taqilbuh ilkoll flimkien,

bħal ċint qed jiġġarraf, bħal ħajt qed jaqa'?

[S:62:5] Ħsiebhom biss biex iwaqqgħuh mill-għoli

                                                                        tiegħu;

iħobbu  l-gideb; b'fommhom ibierku, imma

                                                         f'qalbhom jisħtu.

 

[S:62:6] F'Alla biss il-mistrieħ ta' ruħi,

għax mingħandu tiġini t-tama.

[S:62:7] Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,

hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

[S:62:8] F'Alla s-salvazzjoni u l-ġieħ tiegħi,

hu l-blata qawwija tiegħi,  u l-kenn tiegħi f'Alla.

 

 

[S:62:9] Ittama fih f'kull żmien, o poplu;

iftħu qalbkom quddiemu.

Alla hu kenn għalina!

 

[S:62:10] Duħħan biss huma l-bnedmin,

gidba huma wlied il-bniedem.

Fil-miżien 'il fuq jogħlew,

eħfef mid-duħħan ilkoll flimkien.

 

[S:62:11] Isserrħux raskom bis-serq,

tittamawx fi ħwejjeġ maħtufa;

mqar jekk joktor l-għana,

torbtux qalbkom miegħu.

 

[S:62:12] Ħaġa waħda qal Alla,

jien dawn it-tnejn tgħallimt:

li "l-qawwa hi ta' Alla",

[S:62:13] u li "tiegħek, Sidi, hi t-tjieba".

Għax int tagħti 'l kulħadd skond għemilu.

 

63 (62). Xewqa kbira għal Alla

 

[S:63:1] Salm. Ta' David, meta kien fid-deżert ta' Ġuda.

 

[S:63:2] Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.

Ruħi bil-għatx għalik,

għalik imxennaq jiena,

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.

[S:63:3] Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes

                                                                      tiegħek,

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

[S:63:4] Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,  

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.

 

[S:63:5] Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;  

ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.

[S:63:6] Bħal b'ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,  

u jgħannilek fommi b'xufftejn ferrieħa,

[S:63:7] meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar,

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

[S:63:8] Għax int kont għajnuna għalija,  

għad-dell ta' ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.

[S:63:9] Miegħek tingħaqad ruħi,

int tweżinni bil-leminija tiegħek.

 

[S:63:10] Dawk li jfittxu jneħħuli ħajti

jinżlu fil-qiegħnett ta' l-art.

[S:63:11] Taħt is-setgħa tas-sejf jaqgħu,  

isiru ikel għall-klieb selvaġġi.

 

[S:63:12] Imma s-sultan f'Alla jifraħ;  

jiftaħar kull min jaħlef bih;

imma jintebaq fomm il-giddieba.

 

64 (63). Il-kastig ta' l-ilsna ħżiena

 

[S:64:1] Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David.

 

[S:64:2] Isma', o Alla, leħen it-tnehid tiegħi;

mill-biża' ta' l-għadu ħarisli ħajti.

[S:64:3] Aħbini mill-konfoffa tal-ħżiena,

mit-tixwix ta' dawk li jagħmlu l-ħażen,

[S:64:4] dawk li jsinnu bħal sejf ilsienhom,

jitfgħu kliem iebes bħal vleġeġ,

[S:64:5] biex mill-moħba jolqtu 'l min hu bla ħtija,

jolqtuh għal għarrieda, bla biża' ta' xejn.

 

[S:64:6] Moħħhom sħiħ fil-ħsieb ħażin tagħhom,

jiftiehmu kif jonsbu bil-moħbi,

u jgħidu: "Min se jarana?"

[S:64:7] Ifittxu l-ħażen, ifasslu pjan maħsub sewwa.

Min jifhem moħħ  u qalb il-bniedem?

 

[S:64:8] Imma Alla bil-vleġeġ jolqothom;

f'daqqa waħda jimtlew kollhom ġrieħi.

[S:64:9] Minħabba lsienhom isiru ħerba;

kull min jarahom iħarrek rasu.                     

[S:64:10] U lkoll jintlew bil-biża’ ta’ Alla, u

                                                        għemilu jxandru,

u jifhmu sewwa kull ma għamel.

 

[S:64:11] Jifraħ il-ġust fil-Mulej u fih jistkenn;

jiftaħru dawk kollha  ta' qalbhom safja.

 

65 (64). Radd il-ħajr għall-ġid tas-sema

 

[S:65:1] Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David. Għanja.

 

[S:65:2] Tifħir lilek jistħoqq, o Alla, f'Sijon;  

lilek inroddu l-wegħda,

[S:65:3] int, li tisma' talbna.

[S:65:4] Quddiemek jersaq kull bniedem,

minħabba fi ħtijietu.

Kbar wisq għalina dnubietna;

iżda inti taħfirhomlna.

[S:65:5] Hieni l-bniedem li inti tagħżel

u tqiegħdu jgħammar fit-tempju tiegħek.

Bil-ġid ta' darek nixbgħu

fit-tempju mqaddes tiegħek.

[S:65:6] Ta' l-għaġeb kif tweġibna bil-ġustizzja

                                                                      tiegħek,

o Alla  tas-salvazzjoni tagħna.

Int tama ta' min jgħix fi truf l-art

u fi gżejjer fl-ibħra mbiegħda.

 

[S:65:7] Int twaqqaf fis-sod il-muntanji b'qawwietek,

int imħażżem bis-saħħa.

[S:65:8] Int issikket l-għajat ta' l-ibħra, 

l-ħsejjes ta' l-imwieġ tagħhom,

u t-tixwix tal-popli.

[S:65:9] U jibżgħu dawk li jgħammru fi truf l-art

quddiem l-għeġubijiet tiegħek.

Il-lvant u l-punent

inti timliehom bil-ferħ.

 

[S:65:10] Inti żżur l-art u ssaqqiha,

u tagħniha bil-ġid tiegħek.

Il-wied ta' Alla mimli bl-ilma;

il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom.

[S:65:11] Hekk int tħejjiha:

issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha,

bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.

 

[S:65:12] Fawwart is-sena bi tjubitek,

triqatek bil-ġid joqtru.

[S:65:13] Joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert,

u bil-ferħ jitħażżmu  l-għoljiet.

[S:65:14] Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel,

il-widien jinksew bil-qamħ;

jgħajjtu lkoll u jgħannu bil-ferħ!

 

66 (65). Ferħ, tifħir u ħajr

 

[S:66:1] Għall-mexxej tal-kor. Għanja. Salm.

 

Għajjtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha;

[S:66:2] għannu s-sebħ ta' ismu,

xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.

[S:66:3] Għidu lil Alla: "Kemm int tal-biża' f'għemilek!

Għall-kobor tal-qawwa tiegħek

jitilfu l-ħila quddiemek l-għedewwa tiegħek.

[S:66:4] L-art kollha tagħtik qima,

tgħannilek u tgħanni lil ismek."

 

[S:66:5] Ejjew, araw l-għemejjel ta' Alla;

tal-biża' f'għemilu fost  il-bnedmin.

[S:66:6] Biddel il-baħar f'art niexfa,

għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.

Għalhekk, nifirħu bih!

[S:66:7] Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem;

b'għajnejh fuq il-ġnus jgħasses;

ma jerfgħux rashom in-nies xewwiexa.

 

[S:66:8] Bierku, popli, lil Alla tagħna,

semmgħu l-għana tat-tifħir tiegħu.

[S:66:9] Hu li jżommna fost il-ħajjin,

u ma jħallix riġlejna jogħtru.

 

[S:66:10] Għax int, o Alla, ġarrabtna,

għaddejtna mill-prova bħall-fidda.

[S:66:11] Ħallejtna naqgħu fix-xibka,

issikkajtilna bi ħżiem ġenbejna.

[S:66:12] Ħallejt in-nies jirkbu fuq rasna,

għaddejtna min-nar u mill-ilma;

iżda mbagħad ħriġtna fil-wisa'.

 

[S:66:13] Nidħol f'darek bil-vittmi maħruqa,

ntemm il-wegħdiet  li għamiltlek;

[S:66:14] il-wegħdiet li tennew xufftejja,

u fommi wiegħed fl-hemm tiegħi.

[S:66:15] Sagrifiċċji ta' bhejjem imsemmna,

duħħan ifuħ ta' ħrief maħruqa,

mogħoż u gniedes inħejjilek.

 

[S:66:16] Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,

intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,

ngħidilkom x'għamel miegħi.

[S:66:17] Lilu sejjaħ fommi,

tifħiru kien fuq ilsieni.

[S:66:18] Kieku żammejt il-ħażen f'qalbi,

ma kienx jismagħni Alla Sidi.

[S:66:19] Iżda Alla tassew semagħni,

ta widen għat-talba tiegħi.

[S:66:20] Mbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;

ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu!

 

 

67 (66). Ħa jfaħħru l-popli lil Alla

 

[S:67:1] Għall-mexxej tal-kor. Bl-istrumenti tal-korda.

Salm. Għanja.

 

[S:67:2] Iħenn għalina Alla, u jberikna;

idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!

[S:67:3] Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

[S:67:4] Ifaħħruk il-popli, o Alla,

ifaħħruk il-popli kollha.

[S:67:5] Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,

għax trieġi l-popli bis-sewwa,

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.

[S:67:6] Ifaħħruk il-popli, o Alla,

ifaħħruk il-popli kollha.

[S:67:7] L-art tat il-frott tagħha;

iberikna Alla, Alla tagħna!

[S:67:8] Iberikna Alla, u tibża' minnu

l-art kollha minn tarf għall-ieħor!

 

68 (67). Il-Mulej jidħol rebbieħ f'Sijon

 

[S:68:1] Għall-mexxej tal-kor. Salm ta' David. Għanja.

 

[S:68:2] Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu;

jaħarbu minn quddiemu dawk li jobogħduh.

[S:68:3] Bħalma d-duħħan mar-riħ jixtered,

bħalma jdub ix-xama' quddiem in-nar,

hekk jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla.

[S:68:4] Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla,

jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.

 

[S:68:5] Għannu lil Alla, faħħru ismu,

wittu t-triq lil dak li ġej riekeb fuq is-sħab.

Tgħaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu.

[S:68:6] Missier l-iltiema u difensur tar-romol,

hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.

[S:68:7] Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom,

u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom;

imma s-suppervi telaqhom jgħammru fid-deżert

                                                                          jikwi.

[S:68:8] O Alla, int u ħiereġ quddiem il-poplu tiegħek,

int u tiela' mid-deżert,

[S:68:9] triegħdet l-art, u sa s-smewwiet inħallu

quddiem Alla tas-Sinaj,

quddiem il-Mulej, Alla ta' Iżrael.

[S:68:10] Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla,

fuq l-art, wirt tiegħek,

u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.

 

[S:68:11] Il-poplu tiegħek għammar fiha,

fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha.

[S:68:12] Il-Mulej Sidi jagħti ordni,

u ħafna huma n-nisa li jagħtu l-bxara:

 

[S:68:13a] "Ħarbu, ħarbu s-slaten bl-eżerċti!

[S:68:14a] X'intom titnikkru qalb l-imrieħel?

 

[S:68:13b] In-nisa tad-dar qegħdin jaqsmu l-priża,

[S:68:14b] sbieħ bħal ħamiema bi ġwienaħ

                                                                bħall-fidda,

[S:68:14c] b'rixha mżejjen b'deheb safrani.

[S:68:15] Meta Alla li jista' kollox ferrex is-slaten,

xita ta' silġ niżlet fuq Salmon."

 

[S:68:16] Għolja ta' Alla hi l-għolja ta' Basan,

għolja b'ħafna qċaċet hi l-għolja ta' Basan.

[S:68:17] Imma għax tħares bl-għira, għolja ta'

                                                               ħafna qċaċet,

lejn l-għolja li Alla għażel b'għamartu?

Fiha għoġbu joqgħod il-Mulej għal dejjem.

[S:68:18] L-imriekeb tal-Mulej eluf ta' eluf;

bihom ġie Sidi mis-Sinaj għas-santwarju.

[S:68:19] Int tlajt fil-għoli, bl-ilsiera warajk,

bnedmin int ħadt b'għotjiet tiegħek,

mqar dawk li ma ridux joqogħdu għalik, Mulej Alla.

[S:68:20] Mbierek Sidi l-Mulej minn jum għal ieħor!

Jieħu ħsiebna Alla, is-salvatur tagħna.

 

[S:68:21] Alla tagħna hu Alla li jsalvana;

il-Mulej Sidna mill-mewt jeħlisna.

[S:68:22] Alla jfarrak l-għedewwa tiegħu,

ikisser ir-ras ta' min jimxi bil-ħażen.

[S:68:23] Qal Sidi l-Mulej: "Minn Basan inġibhom,

lura nġibhom minn qiegħ il-baħar,

[S:68:24] biex tgħaddas riġlek f'demmhom,

u l-għedewwa tiegħek jikluhom il-klieb."

 

[S:68:25] Tfaċċa d-dħul tiegħek, o Alla, fis-santwarju,

id-dħul ta' Alla tiegħi, is-sultan tiegħi.

[S:68:26] L-għannejja quddiem, l-istrumenti wara,

f'nofshom it-tfajliet bit-tanburlin:

[S:68:27] "Bierku 'l Alla fil-laqgħat tagħkom;

bierku l-Mulej fil-ġemgħat ta' Iżrael."

[S:68:28] Quddiem miexi Benjamin, l-iżgħar fost

                                                                      it-tribł,

il-kapijiet ta' Ġuda bi ħġarhom,

il-kapijiet ta' Żebulun, il-kapijiet ta' Naftali.

[S:68:29] Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek,

wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.

[S:68:30] Lejn it-tempju tiegħek f'Ġerusalemm,

għalik is-slaten iġibu l-għotjiet.

[S:68:31] Ċanfar dik il-bhima fil-qasab tan-Nil,

dawk il-popli, bħal qabda gniedes bl-għoġiela

                                                                    tagħhom,

sa ma jumiljaw ruħhom u jiġuk b'rigali tal-fidda;

ferrex il-popli li jħobbu l-gwerer.

 

[S:68:32] Ħa jiġu l-kbarat mill-Eġittu;

tiftaħ l-Etjopja idejha lejn Alla.

 

[S:68:33] Slaten ta' l-art, għannu lil Alla,

faħħru bid-daqq lil Sidi l-Mulej:

[S:68:34] lil dak li jirkeb fuq is-smewwiet,

fuq is-smewwiet ta' dejjem.

 

Arawh! Se jsamma' leħnu, leħen qawwi:

[S:68:35] "Agħrfu l-qawwa ta' Alla!"

Fuq Iżrael il-kobor tiegħu;

fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.

[S:68:36] Tal-biża' Alla fis-santwarju tiegħu!

Hu Alla ta' Iżrael,

li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu.

 

Mbierek Alla!

 

69 (68). Tnehid f'hemm kbir

 

[S:69:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "Il-Ġilji".

Ta' David.

 

[S:69:2] Salvani, o Alla,

għax l-ilma laħaq sa griżmejja.

 

[S:69:3] Sibt ruħi mgħaddas f'ħama fond;

ma hemmx fejn inserraħ riġlejja.

Sibt ruħi f'ilma għoli;

il-mewġ qed ikaxkarni.

[S:69:4] Ma niflaħx ngħajjat iżjed,

griżmejja nħanqu;

tgħammxu għajnejja,

jien u nistenna 'l Alla tiegħi.

[S:69:5] Dawk li għal xejn jobogħduni

huma iżjed mix-xagħar ta' rasi;

dawk li bil-gideb jixluni

huma b'saħħithom aktar minn għadmi;

ġagħluni nrodd dak li ma sraqtx.

 

[S:69:6] Int, o Alla, taf bil-bluha tiegħi;

ħtijieti m'humiex moħbija minnek.

[S:69:7] Ma jinfixilx minħabba fija min jittama fik,

Mulej ta' l-eżerċti;

ma jistħix minħabba fija min ifittex lilek,

Alla ta' Iżrael.

 

[S:69:8] Għax minħabba fik qiegħed nilqa' t-tmaqdir,

u l-mistħija tiksili wiċċi.

[S:69:9] Sirt barrani għal ħuti;

ulied ommi ma jagħrfunix.

[S:69:10] Għax il-ħeġġa għal darek fnietni,

it-tagħjir ta' min jgħajjar lilek waqa' fuqi.

[S:69:11] Għakkist bis-sawm lili nnifsi,

u swieli biss biex żebilħuni.

[S:69:12] L-ixkora li tfajt fuqi bi lbiesi

ġibdet fuqi t-tpaċpiċ tagħhom.

[S:69:13] Jgħidu fuqi bilqiegħda f'bieb il-belt;

jixorbu l-inbid u jgħannu fuqi.

 

[S:69:14] Imma jien lilek nitlob, Mulej;

meta jogħġbok, o Alla, weġibni,

fil-kobor ta' tjubitek

u skond il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek.

[S:69:15] Aqlagħni mill-ħama u ma nibqax nieżel;

ħarisni minn min jobgħodni

u eħlisni mill-ilma fond.

[S:69:16] Tħallix iġorrni l-ilma,

jew jiblagħni d-dagħbien,

u jingħalaq fuqi l-bir!

 

[S:69:17] Weġibni, Mulej, għax mill-aħjar tjubitek;

dur lejja fil-kobor tal-ħniena tiegħek.

[S:69:18] Taħbix wiċċek mill-qaddej tiegħek;

fittex weġibni, għax ninsab fil-hemm.

 

[S:69:19] Ersaq qrib lejja u ifdini;

eħlisni minħabba l-għedewwa tiegħi.

[S:69:20] Int taf bit-tkasbir u l-mistħija u l-għajb

                                                                        tiegħi;

quddiemek huma l-għedewwa kollha tiegħi.

 

[S:69:21] It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni;

fittixt min jagħdirni, u ma sibt 'il ħadd;

u min ifarraġni, u ma kelli 'l ħadd.

[S:69:22] Tawni b'ikel il-velenu;

sqewni l-ħall meta kont bil-għatx.

[S:69:23] Tkun il-mejda tagħhom xibka quddiemhom,

u sħabhom stess in-nassa tagħhom.

[S:69:24] Jiddallmu għajnejhom biex ma jarawx,

jirtogħdu f'ġenbejhom għal dejjem.

 

[S:69:25] Ixħet fuqhom il-qilla tiegħek;

jaħkimhom l-għadab imħeġġeġ tiegħek.

[S:69:26] Isiru ħerba l-għamajjar tagħhom;

ħadd ma jgħammar fl-għerejjex tagħhom.

[S:69:27] Lil min int sawwatt jagħmlu għalih,

u jxandru t-tbatija ta' min inti lħaqt.

[S:69:28] Agħtihom kastig fuq ieħor;

ma jilħqux is-salvazzjoni tiegħek.

[S:69:29] Jitħassru mill-ktieb tal-ħajjin;

ma jinkitbux man-nies sewwa.

[S:69:30] Imma jiena msejken u batut;

terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!

[S:69:31] Nfaħħar l-isem ta' Alla bl-għana,

nkabbru b'għana ta' radd il-ħajr.

[S:69:32] Dan jogħġob lill-Mulej aktar minn offerta

                                                                 ta' gendus,

jew ta' barri bil-qrun u dwiefer ħierġa.

 

[S:69:33] Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

[S:69:34] Għax jisma' l-fqajrin il-Mulej,

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.

[S:69:35] Ifaħħruh is-sema u l-art,

l-ibħra u kull ma jitħarrek fihom.

[S:69:36] Għax Alla jsalva 'l Sijon,

u jibni l-bliet ta' Ġuda;

u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.

[S:69:37] Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;

dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha.

 

70 (69). Karba fin-niket

 

[S:70:1] Għall-mexxej tal-kor. Ta' David. B'tifkira.

 

[S:70:2] O Alla, ejja eħlisni!

Mulej, fittex għinni!

[S:70:3] Ħa jistħu u jinfixlu

dawk li jfittxu jneħħuli ħajti.

Ħa jerġgħu lura mħawwda

dawk li jifirħu bid-deni tiegħi.

[S:70:4] Ħa jerġgħu lura kollhom mistħija

dawk li jiddieħku bija.

[S:70:5] Jithennew u jifirħu bik

dawk kollha li jfittxuk;

jgħidu dejjem: "Kbir hu Alla,"

dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek.

[S:70:6] Imma jien, fqajjar u msejken;

o Alla, fittex għinni!

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi:

iddumx ma tgħinni, Mulej!

 

71 (70). Talba ta' wieħed imdaħħal fiż-żmien

 

[S:71:1] Fik, Mulej, jien nistkenn;

ma jkolli qatt għax ninfixel.

[S:71:2] Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;

agħtini widen u fittex eħlisni.

 

[S:71:3] Kun sur ta' kenn għalija;

int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,

għax blata u fortizza int għalija.

[S:71:4] Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin,

minn id il-qarrieq u l-kiefer.

 

[S:71:5] Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;

Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.

[S:71:6] Fuqek serraħt sa minn twelidi,

sa minn ġuf ommi inti ħadtni;

inti dejjem it-tifħir tiegħi.

[S:71:7] Ħafna huma li stagħġbu bija,

iżda inti l-kenn qawwi tiegħi.

 

[S:71:8] Mimli fommi b'tifħirek,

u b'sebħek il-jum kollu.

[S:71:9] Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija;

titlaqnix meta tħallini saħħti.

 

[S:71:10] Għax fuqi jitkellmu l-għedewwa tiegħi;

dawk li jonsbuli ħajti flimkien ifesfsu.

[S:71:11] "Alla nsieh!", huma jgħidu,

"Għalih! Aqbduh! Ħadd ma jeħilsu."

 

[S:71:12] O Alla, toqgħodx 'il bogħod minni;

Alla tiegħi, fittex għinni.

[S:71:13] Ħa jistħu u jinfnew dawk li jixluni;

jimtela biż-żebliħ u l-għajb minn iridli d-deni.

 

[S:71:14] Imma jien nibqa' dejjem nittama,

u nkattar tifħirek kollu.

[S:71:15] Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,

il-jum kollu l-għemejjel ta' l-għajnuna tiegħek,

għalkemm jien stess ma nafx kif ngħoddhom.

 

[S:71:16] Nersaq quddiem il-kobor tiegħek, Mulej

                                                                            Sidi,

biex il-ġustizzja tiegħek waħdek inxandar.

[S:71:17] O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;

u jien s'issa għadni nxandar għeġubijietek.

[S:71:18] Mqar meta nixjieħ u jibjad xagħri,

la tinsinix, o Alla;

sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel,

il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.

 

[S:71:19] M'ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek

                                                                        o Alla!

Ħwejjeġ kbar int għamilt; min hu bħalek o Alla!

[S:71:20] Minn għawġ kbir u qalil int għaddejtni;

iżda int terġa' tagħtini l-ħajja,

minn qiegħ l-art terġa' ttellagħni.

[S:71:21] Kattarli l-kobor tiegħi;

erġa' agħtini l-faraġ tiegħek.

 

[S:71:22] U jiena nfaħħrek bl-arpa

għall-fedeltą tiegħek, Alla tiegħi;

ngħannilek biċ-ċetra, Qaddis ta' Iżrael.

[S:71:23] Jifirħu xufftejja jien u ngħannilek;

tifraħ ruħi, li inti fdejtli.

[S:71:24] U lsieni l-jum kollu jitħaddet

fuq il-ġustizzja tiegħek,

għax waqa' fl-għajb u l-mistħija

min iridli d-deni.

 

72 (71). Is-saltna tal-Messija

 

[S:72:1] Ta' Salamun.

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

[S:72:2] biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek.

 

[S:72:3] Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu,

tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja.

[S:72:4] Hu jħares id-dritt ta' l-imsejknin tal-poplu,

isalva l-fqajrin u jrażżan 'il min jgħakkishom.

[S:72:5] Ħa jdum kemm iddum ix-xemx;

kemm idum il-qamar, minn żmien għal żmien.

 

[S:72:6] Jinżel bħax-xita fuq ir-raba' maħsud,

bħal ħalba xita li ssaqqi l-art bil-għatx.

[S:72:7] Tħaddar f'jiemu l-ġustizzja,

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

[S:72:8] Isaltan minn baħar sa baħar,

u mix-Xmara sa truf l-art.

 

[S:72:9] Quddiemu jitbaxxew l-għedewwa tiegħu;

dawk li huma kontrih it-trab jilagħqu.

[S:72:10] Is-slaten ta' Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh

                                                                     ir-rigali,

is-slaten ta' Seba u ta' Saba għotjiet iġibulu.

[S:72:11] Iqimuh is-slaten kollha,

il-ġnus kollha lilu jaqdu.

 

[S:72:12] Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,

u lill-imsejken li m'għandux min jgħinu.

[S:72:13] Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;

il-ħajja tal-fqajrin isalva.

[S:72:14] Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija;

demmhom għażiż quddiem għajnejh.

 

[S:72:15] Ħa jgħix is-sultan għal dejjem,

jingħata lilu deheb ta' Saba!

Ħa jitolbu għalih dejjem,

u jberkuh il-jum kollu!

[S:72:16] Ikun kotran il-qamħ fuq l-art,

jogħla sal-qċaċet ta' l-għoljiet.

Ikun il-frott tiegħu bħal-Libanu,

iħaddru l-uċuħ bħall-ħaxix tar-raba'.

[S:72:17] Ismu jibqa' jissemma għal dejjem;

idum ismu sakemm iddum ix-xemx!

Bih jitbierku l-ġnus kollha ta' l-art;

il-popli kollha jsejjħulu hieni.

 

[S:72:18] Mbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael,

li waħdu jagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb.

[S:72:19] Mbierek għal dejjem ismu msebbaħ;

timtela l-art kollha b'sebħu!

Amen! Amen!

 

[S:72:20] Tmiem it-talb ta' David, bin Ġesse.

 

IT-TIELET KTIEB

 

73 (72). Ħsibijiet fuq il-frugħa tal-ġid tal-ħżiena

 

[S:73:1] Salm ta' Asaf.

 

Tassew twajjeb hu Alla ma' min hu sewwa,

ma' dawk li għandhom qalbhom safja.

[S:73:2] Iżda jien għal ftit ma għotrux riġlejja,

għal ftit ma żlaqtx fil-mixi tiegħi.

[S:73:3] Għax ġietni l-għira għall-kburin,

xħin rajt il-ħżiena jimxu 'l quddiem.

 

[S:73:4] Għax dawn ma għandhom ebda tbatija,

qawwijin u sħaħ f'ġisimhom.

[S:73:5] M'għandhomx taħbit bħall-bnedmin

                                                                   tad-dinja;

m'humiex imsawwtin ma' wlied Adam.

[S:73:6] Bħal ħannieqa ġawhar iżżejjinhom kburithom;

tgħattihom bħal libsa d-dnewwa tagħhom.

[S:73:7] Mis-simna tagħhom toħroġ ħżunithom,

qalbhom tfawwar bi ħsibijiet fiergħa.

[S:73:8] Jiddieħku u bil-qerq jitkellmu;

kollhom imkabbra jheddu bil-moħqrija.

 

[S:73:9] Sa kontra s-sema jqassu;

lsienhom ma' l-art kollha jlaħħaq.

[S:73:10] Għalhekk magħhom iżomm il-poplu tiegħi,

u jixrob kliemhom bħall-ilma.

[S:73:11] U jgħidu: "X'jista' jaf Alla?

Huwa l-Għoli jaf b'xi ħaġa?"

[S:73:12] Dawn, ara, huma l-ħżiena:

moħħhom dejjem mistrieħ,

u jistagħnu dejjem.

 

[S:73:13] Mela għal xejn żammejt qalbi safja,

u ħsilt idejja b'sinjal ta' ndafa.

[S:73:14] Xorta waħda kuljum ġejt imsawwat,

u kull filgħodu ħadt il-kastig.

 

[S:73:15] Kieku għedt li hekk għandi nitkellem,

kont niċħad ir-razza ta' wliedek.

[S:73:16] Fittixt kif għandi nifhimha,

u sibtha wisq bi tqila.

[S:73:17] Mbagħad dħalt fit-tempju ta' Alla,

u għaraft sewwa x'inhu t-tmiem tal-ħżiena.

[S:73:18] Tassew li int fuq art tiżloq tqegħedhom,

u fit-tiġrif twaqqagħhom.

 

[S:73:19] Ara, kif tħarbtu f'daqqa waħda;

kif għebu u ntemmu bil-biża'!

[S:73:20] Bħal ħolma ta' min jistenbaħ, Mulej Sidi,

hekk int, malli tqum, ma tqishom xejn.

[S:73:21] Meta kienet tinkedd qalbi

u kont ninfena ġewwa fija,

[S:73:22] kemm kont iblah, xejn ma fhimt,

bħal bhima jien kont quddiemek.

 

[S:73:23] Imma jiena dejjem miegħek;

inti żżommni minn idi l-leminija;

[S:73:24] skond il-ħsieb tiegħek tmexxini,

mbagħad fis-sebħ tilqagħni.

 

[S:73:25] Lil min għandi fis-sema ħliefek?

U meta għandi lilek, x'jonqosni fuq l-art?

[S:73:26] Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi;

Alla l-qawwa ta' qalbi u sehmi għal dejjem.

 

[S:73:27] Għax kull min jitbiegħed minnek jintilef;

int teqred 'il kull min jinfired minnek.

[S:73:28] Iżda jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla;

f'Sidi l-Mulej qegħedt il-kenn tiegħi;

u nxandar l-għemejjel tiegħek kollha.

 

74 (73). Lment għall-ħerba tat-tempju

 

[S:74:1] Maskil. Ta' Asaf,

 

Għaliex, o Alla, warrabtna għal dejjem?

Għaliex tħeġġeġ qilltek kontra n-nagħaġ

                                                    tal-merħla tiegħek?

[S:74:2] Ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem,

it-tribł li int fdejt biex ikun wirtek;

ftakar f'Sijon, li fuqha bnejt l-għamara tiegħek.

[S:74:3] Itla' sal-post li sar ħerba waħda:

kollox qered l-għadu fis-santwarju.

 

[S:74:4] Għajjtu l-għedewwa fil-post tal-laqgħat

                                                                     tiegħek;

hemm waħħlu l-istendardi tar-rebħa tagħhom.

[S:74:5] Bħal dawk li jxejjru l-mannara fl-għoli

biex iqaċċtu s-siġar minn qalb il-bosk,

[S:74:6] hekk huma kissru l-bibien tat-tempju,

bl-imterqa u l-mazza farrkuhom.

 

[S:74:7] Taw in-nar lis-santwarju tiegħek;

kasbru għalkollox l-għamara tiegħek.

[S:74:8] Qalu f'qalbhom: "Ħa nfarrkuhom għalkollox!"

Ħarqu kull post imqaddes ta' Alla f'artna.

[S:74:9] Ma għadniex naraw sinjali mis-sema,

                                               m'hawnx iżjed profeti;

ħadd fostna ma jaf kemm se ndumu hekk.

 

[S:74:10] Kemm se jdum iżebilħek l-għadu, o Alla?

Se jibqa' jkasbarlek ismek għal dejjem?

[S:74:11] Għaliex qiegħed iżżomm idek lura?

Għax taħbi f'ħobbok il-leminija tiegħek?

[S:74:12] Iżda int, Alla, sultan tiegħi sa mill-qedem;

int tikseb ir-rebħa fl-art kollha.

 

[S:74:13] Int fridt b'qawwietek il-baħar,

u sħaqt irjus id-draguni ta' l-ilma.

[S:74:14] Int farrakt l-irjus tal-Levjatan,

u tajtu b'ikel lil klieb il-baħar.

[S:74:15] Int ftaħt għejun u widien,

u nixxift xmajjar dejjem għaddejja.

[S:74:16] Tiegħek il-jum u tiegħek il-lejl;

il-kwiekeb u x-xemx int għamilthom.

[S:74:17] Int ħażżejt it-truf kollha ta' l-art;

is-sajf u x-xitwa inti ħlaqthom.

[S:74:18] Ftakar, Mulej, kif qiegħed ikasbrek l-għadu,

kif il-boloh qegħdin iżebilħu ismek.

[S:74:19] Titlaqx lill-bhejjem lil min ifaħħrek;

tinsiex għal dejjem il-ħajja tal-fqajrin tiegħek.

[S:74:20] Żomm quddiem għajnejk il-patt tiegħek,

għax l-art mimlija dlamijiet u dnewwa.

[S:74:21] Tħallix l-imgħakkes fil-mistħija,

biex il-fqajjar u l-imsejken ifaħħru ismek.

[S:74:22] Qum, o Alla, aqbeż għall-kawża tiegħek;

ftakar kif l-iblah qiegħed ikasbrek il-ħin kollu.

 

[S:74:23] Tagħlaqx widnejk għall-għajat ta'

                                                   l-għedewwa tiegħek     

għall-ħsejjes bla heda ta' min jeħodha miegħek.

 

75 (74). Alla hu l-imħallef

 

[S:75:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "La teqridx".

Salm ta' Asaf.

 

[S:75:2] Lilek infaħħru, o Alla, lilek infaħħru;

ismek inxandru, għemilek ta' l-għaġeb inħabbru.

[S:75:3] "Meta jasal il-waqt li jien għażilt,

jien nagħmel ħaqq bis-sewwa.

[S:75:4] Jekk titriegħed l-art u kull ma fiha,

jiena nżomm sħaħ il-pilastri tagħha."

 

[S:75:5] Lill-kburin ngħidilhom: "La titkabbrux?"

u lill-ħżiena: "La terfgħux raskom."

[S:75:6] Terfgħux kontra s-sema raskom;

titkabbrux ma' Alla bi kliemkom.

 

[S:75:7] Għax ebda għajnuna ma ssibu,

la mil-lvant, la mill-punent,

la mit-tramuntana u lanqas minn nofsinhar;

[S:75:8] għax Alla hu l-imħallef:

lil wieħed iniżżlu, lil ieħor jgħollih.

 

[S:75:9] Il-Mulej għandu f'idu bieqja,

bi nbid qawwi, mħawwar tajjeb;

minnha jisqihom sa l-aħħar qatra:

il-ħżiena kollha ta' l-art jixorbuha.

 

[S:75:10] Iżda jien għal dejjem nifraħ;

ngħanni lil Alla ta' Ġakobb.

[S:75:11] L-irjus kollha tal-ħżiena jitkissru;

u jintrefgħu l-irjus tal-ġusti.

 

76 (75). Tifħir lil Alla wara r-rebħa

 

[S:76:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-istrumenti

tal-korda. Salm ta' Asaf. Għanja.

 

[S:76:2] Magħruf hu Alla f'Ġuda,

kbir hu ismu f'Iżrael.

[S:76:3] F'Salem hemm l-għarix tiegħu,

u l-għamara tiegħu f'Sijon.

[S:76:4] Hemm hu kisser il-vleġeġ ta' l-ark,

it-tarka, is-sejf u l-armi  tal-gwerra.

[S:76:5] Int kollok dija u glorja,

aktar mill-aqwa muntanji.

[S:76:6] L-irġiel ta' qalbhom qawwija

tilfu l-priża tagħhom;

il-gwerriera qalbiena waqgħu f'raqda,

idejhom tmewwtulhom.

[S:76:7] Għall-għajta tiegħek, Alla ta' Ġakobb,

f'ħedla jaqgħu r-rikkieba u ż-żwiemel.

[S:76:8] Tal-biża' int; int, min jiqaflek,

meta tqum fuq tiegħek, Mulej?

[S:76:9] Mis-smewwiet semmajt il-ħaqq tiegħek;

twerwret l-art  u tbikkmet,

[S:76:10] meta Alla qam biex jagħmel il-ħaqq,

biex isalva l-imsejkna kollha ta' l-art.

 

[S:76:11] Mqar fil-korla tiegħek il-bnedmin ifaħħruk;

u kull min jeħles mill-għadab tiegħek ifaħħrek.

[S:76:12] Wiegħdu u roddu lill-Mulej, Alla tagħkom;

ta' madwaru lkoll iġibulu d-doni,

lilu, li hu tal-biża';

[S:76:13] lil dak li jifni l-kbarat,

u jnissel il-biża' fis-slaten ta' l-art.

 

77 (76). Ilment u tama fl-hemm

 

[S:77:1] Għall-mexxej tal-kor. Fuq "Ġedutun".

Salm ta' Asaf.

 

[S:77:2] B'leħen qawwi 'l Alla nsejjaħ,

nsejjaħ 'l Alla biex jismagħni.

[S:77:3] Fid-diqa tiegħi lil Sidi nfittex;

ma negħjiex billejl nerfa' idi u nitlob;

ma tridx taf b'faraġ qalbi.

[S:77:4] Niftakar f'Alla u nitniehed;

jien u naħseb, tinfena qalbi.

[S:77:5] Nżomm miftuħa xfar għajnejja;

jiena mħawwad u ma nistax nitkellem.

[S:77:6] Naħseb fiż-żmien l-imgħoddi,

niftakar fis-snin ta' qabel;

[S:77:7] billejl nitħaddet f'qalbi,

naħseb u nixtarr ġewwa fija.

 

[S:77:8] Tgħid għal dejjem se jwarrabna Sidna?

M'hux se jibqa' jurina mħabbtu?

[S:77:9] Waqfet għal dejjem it-tjieba tiegħu?

M'hux se jibqa' jżomm kelmtu minn nisel għal ieħor?

[S:77:10] Nesa Alla juri ħniena magħna?

Jew ħeba ħnientu fl-għadab tiegħu?

 

[S:77:11] Ikolli ngħid: "Dan hu l-għali tiegħi:

li Alla l-Għoli biddel għemil lemintu."

[S:77:12] Mbagħad niftakar f'għemilek, Mulej;

naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.

[S:77:13] Naħseb f'kull ma int għamilt;

nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.

 

[S:77:14] Qaddisa triqtek, o Alla!

Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?

[S:77:15] Int Alla li tagħmel ħwejjeġ ta' l-għaġeb,

li turi qawwietek fost il-popli.

[S:77:16] Bi driegħek fdejt il-poplu tiegħek,

l-ulied ta' Ġakobb u ta' Ġużeppi.

 

[S:77:17] Rawk l-ilmijiet, o Alla,

rawk l-ilmijiet u twerwru;

u sa qiegħ il-baħar triegħed.

[S:77:18] Mis-sħab niżlet ix-xita,

u s-smewwiet triegħdu;

leħħ ma' kullimkien il-beraq tiegħek.

[S:77:19] Il-ħsejjes tar-ragħad tiegħek waħda

                                                                     f'waħda,

il-beraq dawwal id-dinja;

triegħdet u theżhżet l-art.

 

[S:77:20] Triqtek fuq il-baħar,

fuq l-ibħra l-kbar il-mixja tiegħek;

u ħadd ma jsibhom il-passi tiegħek.

[S:77:21] Mexxejt bħal merħla l-poplu tiegħek,

b'id Mosč u Aron.

 

78 (77). Tagħlim mill-istorja ta' Iżrael

 

[S:78:1<