Siltiet Patristiċi għall-Ħames Ġimgħa tal-Għid

Magħżula u maqluba għall- Malti minn Dun John Berry

 

29.     Wistin ta’ Ippona, Diskors 256

“Inkantaw l-Alleluja ank’issa, għalkemm ninsabu mdawwra minn perikli u nasbiet li ħaddieħor jagħmlilna jew forsi ġejjin minna nfusna stess ... O feliċi Alleluja, dik ta’ hemm fuq! Alleluja li nistqarru b’mod trankwil mingħajr ebda xkiel! Hemm fuq mhux ser ikun hemm għedewwa, mhux ser ikun hemm biża’ li ser jintilfu l-ħbieb.

Hawnhekk u hemm fuq jitkantaw l-innijiet ta’ tifħir lil Alla; iżda hawn isfel, ta’ nies f’diffikultà, filwaqt li hemm fuq, ta’ nies ħielsa minn kull ansjetà; hawnhekk min-nies riesqa lejn il-mewt, hemm fuq min-nies li jgħixu għall-eternità; hawnhekk fit-tama, hemm fuq fil-pussess attwali; hawnhekk fit-triq, hemm fuq fis-sema pajjiżhom. Ejjew inkantaw għalhekk issa, huti, mhux biex nesprimu t-tgawdija tal-mistrieħ, iżda biex nakkwistaw il-mistrieħ waqt it-tbatija.

Kemm jixtiequ jkantaw il-pellegrini, kanta iżda imxi; ikantaw ikkunslati mill-għejja, iżda ma jħobbux il-għażż. Kanta u imxi! X’ifisser dan: imxi? Imxi ‘l quddiem, imxi ‘l quddiem fit-tajjeb, sakemm, fil-kliem tal-Appostlu hemm xi uħud li jimxu għall-agħar. Jekk inti timxi ‘l quddiem; iżda trid timxi ‘l quddiem fil-tajjeb, fil-fidi retta, fil-kondotta tajba. Kanta u imxi! Toħroġx mit-triq, tħarisx lura, tieqafx! Dur lejn il-Mulej.

 

30.     Wistin ta’ Ippona, Diskors 246

“Xi tfisser tassew l-Alleluja? Din ġejja mill-Ebrajk u tfisser “Faħħru ‘l Mulej”. Allelu tfisser: faħħru, filwaqt li Ja tfisser: Alla. Kull darba li l-Alleluja tidwi fostna, li tfisser tifħir lil Alla, ejjew infaħħru ‘l Alla. Bl-armonija tal-qalb, li taqbeż dik tal-kordi tal-arpa, ħa ngħollu t-tifħir tagħna lejn Alla, inkantaw Alleluja.

Kif jieqaf il-kant, għax aħna dgħajjfin, ħa nersqu ‘l hinn biex nagħtu l-ġisem il-mistrieħ tiegħu. Għaliex nagħtuh serħan jekk mhux għax inħossuna debboli? Iżda hemm agħar minn hekk. Hi tali u tant il-fraġilità tal-bniedem, ħafna l-fastidji li jagħfsu fuq il-ħajja ta’ issa, li anki l-affarijiet kollha, ukoll dawk l-aktar importanti, jibdew idejquna.

Issa li dawn il-jiem waslu biex jintemmu, kif aħna stess xtaqna li jiġu lura darba fis-sena! b’liema rebgħa fittixnihom matul dan iż-żmien!

U aktar minn hekk, jekk jingħad: Għajjtu l-kliem tal-Alleluja mingħajr waqfien, nibdew inġibu l-iskużi. Għaliex dawn l-iskużi? Għaliex minħabba l-għajja ma nkunux nistgħu nipperseveraw, għaliex anke meta nagħmlu t-tajjeb jibda jagħtina fastidju u nibdew ngħejjew.

Hemm fuq, bil-kontra, qatt mhu ser tonqos is-saħħa, ma tgħejja qatt. Ibqgħu għalhekk bil-wieqfa u faħħruh, intom li tinsabu f’dar il-Mulej, fid-daħla tad-dar ta’ Alla tagħna. Għaliex tfittex liema ser ikunu l-ħsibijiet tiegħek hemm fuq? Jgħid: "Imberkin dawk li jgħixu fid-dar tal-Mulej. Ifaħħruh minn zmien ghal zmien”.

 

31.     Wistin ta’ Ippona, Diskors 252

“Mhuwiex mingħajr raġuni, ħuti, li l-Knisja tħares it-tradizzjoni, mogħtija minn missirijietna, li nlissnu ta’ spiss f’dawn ħamsin jum l-Alleluja. Li din l-Alleluja tfisser “tifħir lil Alla,” jiġi muri lilna, waqt il-mumenti ta’ qtiegħ il-qalb, il-kundizzjoni ta’ meta se nkunu fil-paċi.

Meta għalhekk jintemmilna n-niket ta’ issa u nkunu ersaqna lejn il-paċi, ħsiebna mbagħad ikun biss li nfaħħru ‘l Alla: hemm fuq mhux se nagħmlu xejn ħlief li nistqarru: “Alleluja”. Xi tfisser: Alleluja? Tfisser faħħru lil Alla. U iżjed minn hekk, min, jekk mhux l-anġli jistgħu jfaħħru ‘l Alla mingħajr waqfien? L-anġli la jaqbadhom ġuħ u lanqas għatx, la jimirdu u lanqas imutu. Għalina, mbagħad, huwa veru dak li għidna: Alleluja, li aħna kantajna dalgħodu f’din il-bażilika; u anki ftit ilu, wara li nġbarna hawnhekk, għidna: Alleluja.

Imtejna bi fwieħa ta’ tifħir divin u ta’ paċi tas-sema; iżda wisq akbar inħossuna mgħaffġa taħt il-kundizzjoni ta’ ġisimna. Taħkimna l-għajja nitkellmu u nixtiequ nagħtu mistrieħ lill-membri tagħna; u anki jekk nirrepetu l-Alleluja fit-tul, l-istess tifħir ta’ Alla ssir għalina toqol minħabba l-kundizzjoni tal-ġisem tagħna. Il-milja tal-Alleluja mingħajr ebda xkiel ser ikollna fl-aħħar ta’ dan iż-żmien, meta ikunu waqfu t-tbatijiet.

X’inghidu għalhekk, ħuti? Ejjew inkantaw l-Alleluja kif l-aħjar li nistgħu, biex ikun jistħoqqilna inkantawha mingħajr waqfien. Hemm fuq l-Alleluja tkun l-ikel u x-xorb tagħna; tkun l-impenn għall-paċi, l-ferħ kollu se jkun l-Alleluja, jiġifieri t-tifħir lil Alla. Min għalhekk huwa kapaċi li jagħti tifħir mingħajr waqfien, jekk mhux dawk li diġà jgawdu mingħajr dwejjaq?

Jew inkella, b’kemm saħħa mhux se ikun mogħti l-moħħ tagħna, b’kemm stabbiltà mhux ser ikun mgħammar il-ġisem tagħna, li jsir mbagħad immortali, jekk il-moħħ ma jkunx fil-kontemplazzjoni ta’ Alla fejn hu mgħaddas, lanqas il-membri l-oħra tal-ġisem ma jingħataw, mingħajr waqfien, fit-tifħir ‘l Alla?”

 

 

 

32.     Wistin ta’ Ippona, Diskors 229B

“Meta l-qaddisin kollha jkunu miġbura flimkien, meta jiltaqgħu ħafna tant li ma jafux lil xulxin, jsibu ħafna li jkunu jafu, u joqgħodu daqshekk sewwa li qatt ma jintilef xi ħabib, qatt ma jkollhom biża minn xi għadu? Għalhekk, aħna ngħidu: Alleluja; hu sabiħ, huwa hieni, hu mimli ferħ, mimli ħajja, ta’ ħlewwa. Madankollu, jekk ngħidu  dejjem hekk, ngħejjew. Peress li, madankollu, jirritorna fi żmien preċiż tas-sena, b’kemm ferħ jiġi, b’kemm nostalġija jerġa jmur!

Tgħid anke hemm fuq ser ikun hemm il-ferħ u l-istess għejja? Le, mhux ser jiġi hekk. Forsi xi ħadd se jgħid: Imma kif inhu possibbli li dejjem hekk u qatt ma wieħed taħkmu l-għajja? Jekk nista’ nurik xi ħaġa f’din il-ħajja fejn wieħed ma tirkbux l-għajja, trid temmen li hemm fuq kollox ser ikun hekk ukoll.

Wieħed jgħejja mill-ikel, wieħed jgħejja mix-xorb, wieħed jgħejja mill-ispettakli, wieħed jgħejja minn dik u mill-ohra, iżda mis-saħħa tgħejja qatt. Bħalma għalhekk hawn isfel, fil-mewt ta’ ġisimna, f’din fraġilità, f’dan l-ixkiel minħabba t-toqol ta ġisimna, qatt ma jista’ jkun hemm għejja tas-saħħa, u għalhekk hemm fuq qatt mhu ser ikun hemm għajja tal-imħabba, tal-immortalità, u tal-eternità.

 

33.     Pseudo Ippolitu, Innu mill-Omelija VI dwar l-Għid

Wasal l-Għid, l-Għid tal-Mulej ...

O int, li int verament kollox f’kollox!

F’kull kreatura ferħ, unur, ikel, delizzju

permezz tiegħek kienu nħbew

id-dlamijiet tal-mewt,

il-ħajja ġiet mogħtija lil kulħadd,

il-bibien tas-sema huma miftuħa beraħ.

Alla sar bniedem

u l-bniedem ġie mgħolli għax-xebh ta’ Alla.

O Għid divin! ...

O Għid, dawl tal-isplendur ġdid ... 

 

34.     Ambrog ta’ Milan, Innu 9, 1-4

Dan huwa l-jum tassew tal-Mulej,

Mimli b’dawl qaddis

li fih id-demm divin

ħasel id-dnubiet koroh tad-dinja,

reġa’ nissel tama lill-midinbin,

idawwal dawl il-għomja.

 

Min ma jwarrabx mill-biża’ gravi

Mill-assoluzzjoni tal-ħalliel

li, bil-att qasir ta’ fidi li rebaħ ‘l Ġesù

bidel is-salib fi premju, u, b’pass imgħaġġel,

ħaffef aktar mill-ġusti fis-saltna ta’ Alla?

 

Anki l-anġli jitgħaġġbu

quddiem din l-opra,

josservaw l-eżekuzzjoni tal-ġisem

u jaraw il-midneb,

bir-rabta tiegħu ma’ Kristu,

jikseb il-ħajja mbierka.

 

35.     Ambrog ta’ Milan, Innu 9,5-8

O x’miraklu tal-għaġeb:

Li jġib fix-xejn il-mard fid-dinja

u li jneħħi d-dnubiet ta’ kulħadd,

huwa bniedem li jnaddaf ix-xewqat ħżiena tal-bnedmin!  

 

Jista’ jkun hemm xi ħadd akbar:

li l-ħtija tfittex il-maħfra,

l-karità tinħeles mill-biża,

il-mewt terġa tagħti l-ħajja ġdida?  

 

Il-mewt tibla’ x-xewka tagħha,

U tersaq lejn in-nasba tagħha:

titħassar il-ħajja ta’ kulħadd,

terġa’ tqum il-ħajja ta’ kulħadd.

 

U għax il-mewt tgħaddi fuq kulħadd,

Il-mejtin kollha għad iqumu

meqruda mill-gidma tagħha stess,

tokrob li qed titmermer waħidha.

 

36.     Wistin ta’ Ippona, Omelija 229B,2

Hawn hu l-ferħ, għeżież ħuti, ferħ fil-komunità tagħkom, ferħ fil-kant tas-salmi u l-innijiet, ferħ għall-aħbar tal-passjoni u l-qawmien ta’ Kristu, ferħ fil-tama ta’ ħajja ta’ dejjem. Jekk dak li nittamaw iwassal ghal tant ferħ, x’ser ikun mela l-waqt li jkollna dan kollu?

Filwaqt li f’dawn il-jiem meta nisimgħu l-kant tal-Alleluja, l-ispirtu b’mod partikolari jiskot. Ma jidhrilniex li qed niggustaw xi ħaġa bħal dik tal-belt ta’ dejjem? Jekk dawn il-jiem iwasslu għal tant ferħ, x’ser ikun mela f’dak il-jum meta jintqal: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu s-saltna” (Mt 25,34), meta l-qaddisin ikunu miġbura flimkien; meta hemm jiltaqgħu dawk li ma jgħarfux lil xulxin; hemmhekk jagħrfu lil xulxin daqskemm isiru jafu lil xulxin, hemmhekk fejn ħabib ma jitħassar, u l-għadu ma jkunx hemm biża minnu?

Fil-fatt, hawnhekk ngħidu: Alleluja; kemm hemm sabiħ, ferħ, tassew felici, mimli ħajja u kollu grazzja.