Siltiet Patristiċi għat-Tieni Ġimgħa tal-Għid

Magħżula u maqluba għall-Malti minn Dun Hector Scerri

 

8.     Ambroġ ta’ Milan, Dwar il-Verġinità, 4, 17-18

Imbagħad, kif għidt qabel, il-Mulej innifsu tenna l-istess kelmiet: “Mara, għalfejn qegħda tibki? Lil min qegħda tfittex” (Ġw 20: 13.15) ... “Għalfejn qegħda tibki?” Fi kliem ieħor, inti l-kaġun tal-biki tiegħek stess, inti l-awtur tal-lamentazzjoni tiegħek stess, għaliex m’intix temmen lil Kristu. Emmen, u tarah. Kristu huwa preżenti, u qatt mhu se jkun nieqes għal dawk li jfittxuh ... “Lil min qegħda tfittex?” Fi kliem ieħor, ma tarax li Kristu huwa preżenti? Ma tarax li Kristu huwa l-qawwa t’Alla, li Kristu huwa l-għerf ta’ Alla, li Kristu hu l-qdusija, li Kristu hu l-kastità, li Kristu hu s-sħuħija, li Kristu twieled minn Verġni, li Kristu hu dejjem mill-Missier u mal-Missier u fil-Missier, imnissel mhux magħmul, qatt indenn, imma dejjem il-maħbub, Alla veru minn Alla veru?

 

9.     Firmiljanu ta’ Ċesarea, Ittra 75 lil Ċiprijanu ta’ Kartaġni, 16

Imma x’inhuwa l-iżball tiegħu, u kemm hu kbir l-għama tiegħu, min jgħid li l-maħfra tad-dnubiet tista’ tingħata fis-sinagogi tal-eretiċi, u ma jibqax fuq il-pedament tal-Knisja waħda mwaqqfa fuq il-blata minn Kristu, nistgħu nitgħallmuh minn dan, li Kristu qal lil Pietru waħdu: “Kull ma torbot fuq l-art ikun marbut ukoll fis-sema; u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-sema”; u minn dan ukoll, fl-Evanġelju: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”. Għalhekk, is-setgħa tal-maħfra tad-dnubiet ngħatat lill-Appostli u lill-Knejjes imwaqqfa minn dawn l-irġiel mibgħuta minn Kristu; u lill-isqfijiet li ġew warajhom li kienu ordnati biex jieħdu posthom.

 

10.             Injazju ta’ Antjokja, Ittra lill-Insara ta’ Smirna, 2-3

Ġesù bata dawn it-tbatijiet kollha għalina sabiex aħna nkunu mifdija; u hu tassew bata, daqskemm hu tassew qajjem lilu nnifsu, mhux kif jgħidu xi wħud li ma jemmnux meta jistqarru li l-Passjoni tiegħu kienet biss dehra. Huma fil-fatt huma li jeżistu bħal f’dehra, u kif isostnu, hekk se jiġrilhom: ikunu mingħajr ġisem u bħal iħirsa. Jiena naf u nemmen li hu kien fil-ġisem anke wara l-qawmien. U meta ġie biex jiltaqa’ ma’ dawk li kienu ma’ Pietru, qalilhom: “Araw, issa, missuni, u araw li jien m’inix fantażma mingħajr ġisem”. Minnufih huma messewh, u minħabba l-laqgħa bejn ġismu u l-ispirtu tiegħu, huma emmnu. Għall-istess raġuni huma maqdru l-mewt u fil-fatt saru aqwa mill-mewt. Wara l-qawmien tiegħu huwa kiel u xorob magħhom bħala esseri li kellu ġisem, għalkemm kien magħqud fl-ispirti mal-Missier.

 

11.             Ilarju ta’ Poitiers, Kummentarju dwar Salm 129 (130), par.3

Qabel xejn għandna niftakru li Alla m’għandux ġisem. Hu ma jikkonsistix f’ċerti partijiet u membri distinti li flimkien jagħmlu ġisem wieħed. Għaliex aħna naqraw fl-Evanġelju li Alla huwa spirtu: għalhekk inviżibbli, u ta’ natura eterna, ma jitkejjilx u għandu kollox fih innifsu. Huwa miktub ukoll li spirtu m’għandux laħam u għadam. Għax minn dawn huwa magħmul ġisem, u minn dawn is-sustanza t’Alla ma teħtieġ xejn. Madankollu, Alla li qiegħed kullimkien u fil-ħwejjeġ kollha, jisma’ kollox, jara kollox, jagħmel kollox u jżomm kollox.

 

12.             Ambrog ta’ Milan, Dwar il-Fidi, 4, 10, 124

“Ġismi hu tassew ikel u demmi hu xorb tassew”. Inti tisimgħu jitkellem dwar ġismu, tisimgħu jitkellem dwar demmu, inti taf is-sinjali qaddisa tal-mewt tal-Mulej; u tinkwieta dwar id-divinità tiegħu? Isma’ kliemu meta jgħid: “L-ispirtu m’għandux laħam u għadam” (Lq 24:39). Kull darba li aħna nirċievu l-elementi sagramentali li permezz tal-misteru tat-talba qaddisa huma trasformati fil-ġisem u d-demm tal-Mulej, aħna nħabbru l-mewt tal-Mulej.

 

13.             Wistin ta’ Ippona, minn Diskors 63 dwar is-Salmi

Meta l-art theżżet, il-Mulej qam mill-ġdid. Mirakli bħal dawn seħħew madwar il-qabar sabiex saħansitra s-suldati li kienu għassa jsiru xhieda, jekk riedu jgħidu s-sewwa. Imma l-istess kilba għall-flus li għamlet ilsir id-dixxiplu u sieħeb Kristu, issa għamlet ilsir lis-suldat li kien għassa mal-qabar. “Aħna nagħtuk il-flus”, qalulu, “u tista’ tgħid li waqt li inti kont rieqed ġew id-dixxipli tiegħu u ħaduh”. Tassew, “l-eżaminaturi mhux se joqogħdu għall-eżamijiet”. Imma x’inhu li għidt, o bravura mdejqa? Inti abbandunajt id-dawl tal-kunsill tal-pjetà biex togħdos fil-fond tal-makakkerija u tgħid dan: “Għid li waqt li kont rieqed id-dixxipli tiegħu ġew u ħaduh?” Inti tressaq xhieda reqdin! Tassew, inti nnifsek għajnek marret bik, inti li teħel daqshekk bl-ikrah waqt l-eżami! Jekk kienu reqdin, x’setgħu jaraw? U jekk ma raw xejn, kif jistgħu jkunu xhieda?

 

14.             Ċirillu ta’ Lixandra, Tifsir dwar l-Evanġelju ta’ San Ġwann, 4, 2.

Kristu ssallab għalina lkoll u minħabba fina, biex permezz ta’ mewtu għal kulħadd, aħna nkunu nistgħu ngħixu lkoll fih. Għaliex ma setax ikun li huwa jara l-mewt u jġarrab it-taħsir tal-qabar dak li hu nnifsu huwa l-istess ħajja. Hu stess qalilna li tana ġismu għall-ħajja tad-dinja: “Missier qaddis”, huwa stqarr, “ħarishom”. U qal ukoll: “Jiena minħabba fihom nitqaddes”. Nitqaddes jiġifieri nikkonsagra u nagħti lili nnifsi bħala vittma safja u debħa li tfuħ. Jitqaddes, skont l-Iskrittura, kien kull min il-Liġi ssejjaħlu mqaddes u kull ma kien jitqiegħed fuq il-midbaħ. ... Il-ġisem ta’ Kristu jagħti l-ħajja lil dawk li jissieħbu flimkien miegħu, għax hu jkeċċi l-mewt minn dawk li jmutu, u jwarrab minnhom it-taħsir, għaliex huwa minnu li tiġi dik il-qawwa li tirbaħ kull taħsir.