ITTRA TA' SAN PAWL LIR-RUMANI

 

Ara l-ktieb f'format għall-istampa  .... >

 

 

1. Tislima

 

[Rum:1:1] Pawlu, qaddej ta' Kristu Ġesù, msejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta' Alla. [Rum:1:2] Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed permezz tal-profeti fil-Kotba Mqaddsa [Rum:1:3] dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta' David, [Rum:1:4] u, skond l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta' Alla b'kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet. [Rum:1:5] Bih aħna rċevejna l-grazzja ta' l-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ ta' ismu. [Rum:1:6] Fosthom tinsabu intom ukoll, msejjħin biex tkunu ta' Ġesù Kristu; [Rum:1:7] lill-maħbubin kollha ta' Alla li jinsabu Ruma msejjħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.

 

Pawlu jixtieq iżur Ruma

 

[Rum:1:8] Qabel xejn niżżi ħajr lil Alla permezz ta' Ġesù Kristu, għaliex il-fidi tagħkom isemmuha fid-dinja kollha. [Rum:1:9] Jixhidli Alla, li jien naqdi b'qalbi kollha billi nxandar l-Evanġelju ta' Ibnu, li jien niftakar fikom dejjem fit-talb tiegħi. [Rum:1:10] Jien nitlob dejjem li nkun nista' xi darba, jekk Alla jrid, niġi għandkom. [Rum:1:11] Nixtieq ħafna narakom u naqsam magħkom id-doni spiritwali biex inwettaqkom, [Rum:1:12] jiġifieri nqawwu lil xulxin permezz tal-fidi li għandna, jien lilkom u intom lili. [Rum:1:13] Nixtieqkom tkunu tafu, ħuti, li kemm-il darba għamilt il-ħsieb li niġi għandkom, iżda sa issa dejjem kien hemm xi jżommni; hekk inkun nista' naħsad xi frott fostkom bħalma għamilt sa issa fost il-bqija tal-ġnus. [Rum:1:14] Jien inħoss ruħi obbligat lejn il-Griegi u   l-Barbari, għorrief u mhumiex, [Rum:1:15] għalhekk ninsab ħerqan li nxandar l-Evanġelju lilkom ukoll, li tgħammru f'Ruma.

 

Il-qawwa ta' l-Evanġelju

 

[Rum:1:16] Jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta' Alla għas-salvazzjoni ta' dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi, [Rum:1:17] u fih tidher il-ġustizzja ta' Alla minn fidi għal fidi, skond ma hemm miktub: "Il-ġust jgħix bil-fidi."

 

Il-kundanna tad-dinja pagana bla qalb

 

[Rum:1:18] Il-korla ta' Alla tidher nieżla mis-sema fuq il-ħażen u l-inġustizzja tal-bnedmin li jżommu l-verità mjassra                                       bl-inġustizzja; [Rum:1:19] għax dak li wieħed jista' jagħraf minn Alla kien, iva, irrivelat lilhom; Alla stess urihulhom. [Rum:1:20] Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu ta' dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk ma għandhom ebda skuża. [Rum:1:21] Imma għad li lil Alla għarfuh, huma la tawh ġieħ ta' Alla li hu, u lanqas raddewlu ħajr; għall-kuntrarju, moħħhom intilef fil-bluha, u qalbhom bla dehen iddallmet; [Rum:1:22] waqt li riedu jagħmluha ta' għorrief, bliehu [Rum:1:23] u bidlu l-glorja ta' dak Alla li ma jintemmx ma' sura u xbieha tal-bniedem li jintemm, ta' l-għasafar, tal-bhejjem b'erba' saqajn, tas-sriep.

 

[Rum:1:24] U għalhekk Alla rħiehom għall-ġibdiet ħżiena ta' qalbhom, biex niġġsu u waqqgħu fl-għajb lil ġisimhom stess bejniethom. [Rum:1:25] Il-verità ta' Alla bidluha ma' gidba, u taw il-ġieħ u l-qima tagħhom lill-ħlejjaq flok ma tawhom lill-Ħallieq, li jkun imbierek għal dejjem. Amen.

 

[Rum:1:26] Għalhekk Alla telaqhom għal ġibdiet bla ġieħ. In-nisa tagħhom bidlu l-użu naturali fl-użu kontra n-natura; [Rum:1:27] hekk ukoll l-irġiel ħallew l-użu naturali tal-mara u xegħlu bil-passjoni għal xulxin, rġiel ma' rġiel, biex jagħmlu ħwejjeġ bla ġieħ; u bi ħlas ta' dan jirċievu fihom infushom il-ħlas li ħaqqhom ħtijiethom.

 

[Rum:1:28] Billi l-bnedmin ma għoġobhomx jagħrfu sewwa lil Alla, Alla rħiehom fil-fehmiet ħżiena tagħhom, biex għamlu dak li ma jixraqx. [Rum:1:29] Mtlew b'kull xorta ta' inġustizzja, ħażen, regħba, dnewwa; mtlew bl-għira, qtil, ġlied, qerq, malizzja; iqassu [Rum:1:30] u jigdbu kontra xulxin, għedewwa ta' Alla, insolenti, kburin; minfuħin bihom infushom, joħolqu l-ħażen, diżubbidjenti għall-ġenituri tagħhom, [Rum:1:31] bla moħħ, bla kelma, bla mħabba, bla qalb. [Rum:1:32] Għalkemm kienu jafu l-ħsieb ta' Alla, jiġifieri, li min jagħmel dan ħaqqu l-mewt, mhux biss jagħmlu dan, imma japprovaw lil min jagħmel hekk.

 

2. Il-kundanna tal-Lhud kburin bihom infushom

 

[Rum:2:1] Int, ja bniedem, li tagħmel ħaqq minn ħaddieħor ma għandek ebda skuża, int min int. Għax int u tagħmel ħaqq minn ħaddieħor tkun tikkundanna lilek innifsek, ladarba int u tagħmel il-ħaqq tkun tagħmel  l-istess. [Rum:2:2] Imma aħna nafu li dawk li jagħmlu ħwejjeġ bħal dawn, Alla jagħmel ħaqq minnhom skond il-verità. [Rum:2:3] U taħseb int, ja bniedem, li tagħmel ħaqq minn ħaddieħor li jagħmel dawn il-ħwejjeġ, u tagħmilhom int ukoll; taħseb int, li sejjer taħrab il-ġudizzju ta' Alla? [Rum:2:4] Jew trid tabbuża mill-kobor tat-tjubija tiegħu, mis-sabar u l-ġenerożità tiegħu? Ma tafx li b'din il-ħniena tiegħu Alla jrid iwasslek għall-indiema? [Rum:2:5] B'din l-ebusija ta' rasek u n-nuqqas ta' ndiema f'qalbek, inti qiegħed tiġma' għalik innifsek il-korla, għal jum il-korla, meta Alla għad jirrivela l-ġudizzju rett tiegħu, [Rum:2:6] u jħallas lil kulħadd skond ma jkun għamel: [Rum:2:7] jagħti l-ħajja ta' dejjem lil dawk li jipperseveraw sa l-aħħar fl-għemil it-tajjeb, u jkunu fittxew il-glorja u l-ġieħ u l-ħajja li ma tintemmx, [Rum:2:8] imma jerfa' l-korla u l-qilla għal dawk li ma jridu jisimgħu b'xejn, u jirvellaw kontra l-verità biex imbagħad joqogħdu għall-ħażen. [Rum:2:9] Tbatija u dwejjaq għal kull ruħ ta' bniedem li jagħmel il-ħażen, l-ewwel għal-Lhud, u mbagħad għall-Griegi; [Rum:2:10] glorja u ġieħ u sliem għal kull min jagħmel it-tajjeb, l-ewwel għal-Lhud, u mbagħad għall-Griegi. [Rum:2:11] Għax Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ!

 

[Rum:2:12] Dawk kollha li dinbu mingħajr il-Liġi, jintilfu mingħajr il-Liġi; u dawk li dinbu taħt il-Liġi, isir ħaqq minnhom skond il-Liġi. [Rum:2:13] Għaliex mhux dawk li jisimgħu l-Liġi huma ġġustifikati; imma dawk li jħarsuha jkunu ġġustifikati quddiem Alla. [Rum:2:14] Għax meta l-pagani, li ma għandhomx il-Liġi, jagħmlu bl-istint naturali tagħhom dawk l-opri li titlob il-Liġi, huma jkunu liġi għalihom infushom. [Rum:2:15] Dawn juru b'għemilhom li l-preċetti                     tal-Liġi huma miktuba f'qalbhom, u dan tixhdu wkoll il-kuxjenza u r-raġuni tagħhom, li issa jakkużaw u issa japprovaw għemilhom. [Rum:2:16] Dan għad jidher dak in-nhar li fih Alla jagħmel ħaqq mill-għemejjel moħbija tal-bnedmin - skond l-Evanġelju tiegħi - permezz ta' Ġesù Kristu.

 

Il-Liġi u r-responsabbiltà tal-Lhud

 

[Rum:2:17] Imma int, jekk tissejjaħ Lhudi u moħħok mistrieħ bil-Liġi u tiftaħar b'Alla; [Rum:2:18] int li taf ir-rieda ta' Alla u l-Liġi għallmitek tagħraf tagħżel l-aħjar; [Rum:2:19] int li int persważ li taf tmexxi lill-għomja, li int id-dawl fid-dlam; [Rum:2:20] li int mgħallem tal-boloh; mgħallem taż-żgħar; li għandek l-għerf u l-verità fil-Liġi; [Rum:2:21] int li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int tippriedka: La tisraqx, u tisraq? [Rum:2:22] Tgħid: La tiżnix, u tiżni? Int tistkerrah  lill-idoli, u tisraq it-tempji tagħhom? [Rum:2:23] Int tiftaħar bil-Liġi, u żżeblaħ lil Alla bil-ksur tal-Liġi? [Rum:2:24] Kif inhu miktub: "L-isem ta' Alla hu mżeblaħ fost il-ġnus minħabba fikom."

 

[Rum:2:25] Iċ-ċirkonċiżjoni tiswielek jekk int tħares il-Liġi. Jekk int ma tħarisx il-Liġi ssir qisek pagan bla ċirkonċiżjoni. [Rum:2:26] Jekk pagan bla ċirkonċiżjoni jħares il-preċetti tal-Liġi, ma jkunx qiegħed hu, li hu bla ċirkonċiżjoni, jikkundanna lilek li int ċirkonċiż? [Rum:2:27] U l-Ġentili li ma għandux iċ-ċirkonċiżjoni f'ġismu, imma jħares il-Liġi, jagħmel ħaqq minnek, int li bil-Liġi miktuba u biċ-ċirkonċiżjoni b'kollox tikser il-Liġi. [Rum:2:28] Mhux dak li jidher li hu Lhudi minn barra hu Lhudi, lanqas min għandu ġismu ċirkonċiż; [Rum:2:29] il-Lhudi veru hu dak li hu Lhudi minn ġewwa; iċ-ċirkonċiżjoni vera hi dik tal-qalb, opra ta' l-ispirtu u mhux tal-Liġi miktuba. Bniedem bħal dan, mhux il-bnedmin ifaħħruh, imma Alla.

 

3. [Rum:3:1] Mela x'għandhom iktar il-Lhud, jew x'tiswielhom                                 iċ-ċirkonċiżjoni? [Rum:3:2] Ħafna u b'kull mod. Qabel xejn, għax lilhom kienu fdati l-orakli ta' Alla. [Rum:3:3] X'jimporta jekk xi wħud minnhom ma emmnux? Jaqaw l-infedeltà tagħhom sa ġġib fix-xejn il-fedeltà ta' Alla? [Rum:3:4] Ma jkun qatt! Ħa jkun jaf kulħadd li Alla hu sinċier u kull bniedem giddieb. Hekk hemm miktub:

 

    “Sabiex int tkun iġġustifikat fi kliemek,

     u tirbaħ meta tkun iġġudikat.”

 

[Rum:3:5] Jekk l-inġustizzja tagħna sservi biex tidher il-ġustizzja ta' Alla, x'għandna ngħidu? Forsi Alla hu inġust jekk jikkastigana? Qiegħed nitkellem ta' bniedem li jien. [Rum:3:6] Ma jkun qatt. Inkella kif jista' Alla jagħmel ħaqq mid-dinja? [Rum:3:7] Jekk il-verità ta' Alla tidher aktar minħabba l-gidba tiegħi għall-glorja tiegħu stess, għaliex isir ħaqq minni bħala midneb? [Rum:3:8] Għaliex ma ngħidux - bħalma ħafna jgħajjruna u jgħidu li aħna qegħdin ngħidu: Ħa nagħmlu l-ħażin, ħalli joħroġ it-tajjeb? Dawn ħaqqhom il-kundanna.

 

[Rum:3:9] Xi ngħidu mela? Aħna l-Lhud aħjar mill-oħrajn? B'ebda mod. Ġa wrejna li sew il-Lhud sew il-Griegi huma lkoll taħt il-ħakma tad-dnub. [Rum:3:10] Kif hemm miktub:

 

     “Ħadd, ebda wieħed, ma hu ġust;

     [Rum:3:11] ħadd ma għandu moħħ biex jifhem;

     ħadd ma hemm li jfittex lil Alla.

     [Rum:3:12] Lkoll ħarġu minn triqathom;

     lkoll kemm huma tħassru;

     ħadd ma hemm li jagħmel is-sewwa;

     m’hemm lanqas wieħed;

     [Rum:3:13] Ħalqhom bħal qabar miftuħ;

     b’ilsienhom iqarrqu;

     taħt xufftejhom hemm il-velenu tas-sriep.

     [Rum:3:14] Fommhom mimli saħtiet u mrar;

     [Rum:3:15] riġlejhom ħfief biex ixerrdu d-demm,

     [Rum:3:16] kull fejn imorru ma jħallux għajr ħerba u qerda;

     [Rum:3:17] it-triq tas-sliem ma jafuhiex;

     [Rum:3:18] quddiem għajnejhom biża' ta' Alla m'hemmx."

 

[Rum:3:19] Nafu li kull ma tgħid il-Liġi, tgħidu lil dawk li huma taħt il-Liġi, sabiex kulħadd jagħlaq ħalqu u d-dinja kollha tidher ħatja quddiem Alla. [Rum:3:20] Għalhekk quddiem Alla ħadd ma hu ġġustifikat bl-opri tal-Liġi; għax il-Liġi sservi biex tgħarrafna d-dnub.

 

Il-fidi u l-ġustifikazzjoni

 

[Rum:3:21] Issa l-ġustizzja ta' Alla dehret mingħajr il-Liġi, għad li l-Liġi u l-profeti jixhdu għaliha. [Rum:3:22] U din hi l-ġustizzja ta' Alla u li Alla jagħti permezz tal-fidi f'Ġesù Kristu lil dawk li jemmnu, bla ma jagħżel bejniethom. [Rum:3:23] Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta' Alla; [Rum:3:24] għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù. [Rum:3:25] Lilu Alla qiegħdu sagrifiċċju ta' tpattija għall-maħfra tad-dnubiet għal dawk li jemmnu bih. U dan bis-saħħa ta' demmu. B'hekk Alla issa juri l-ġustizzja tiegħu, waqt li fl-imgħoddi għalaq għajnejh għad-dnubiet li saru fi żmien li kien jistabar bihom. [Rum:3:26] Ried, iva, juri l-ġustizzja tiegħu f'dan iż-żmien ħalli juri li hu ġust u jiġġustifika wkoll lil min jemmen f'Ġesù.

 

[Rum:3:27] Biex, mela, jista' wieħed jiftaħar? Ma hemmx biex. U bis-saħħa ta' liema liġi? Ta' l-opri? Le, iżda bis-saħħa tal-liġi tal-fidi. [Rum:3:28] Għax aħna għandna fehma sħiħa li l-bniedem ikun iġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr l-opri tal-Liġi. [Rum:3:29] Forsi Alla hu Alla tal-Lhud biss? Mhux tal-pagani wkoll? Iva, tal-pagani wkoll: [Rum:3:30] Alla hu wieħed, u hu l-istess wieħed li jiġġustifika permezz tal-fidi l-Lhudi ċirkonċiż u l-pagan mhux ċirkonċiż. [Rum:3:31] B'daqshekk qegħdin inġibu fix-xejn il-Liġi permezz tal-fidi? Ma jkun qatt, imma qegħdin inwettqu l-Liġi.

 

4. L-eżempju ta' Abraham

 

[Rum:4:1] Xi ngħidu, mela, li sab Abraham, il-missier tagħna skond  il-ġisem? [Rum:4:2] Li kieku Abraham kien iġġustifikat bis-saħħa ta'  l-opri, kien ikollu biex jiftaħar; imma mhux quddiem Alla! [Rum:4:3] Għax xi tgħid l-Iskrittura? Tgħid li "Abraham emmen lil Alla u kien magħdud lilu b'ġustizzja." [Rum:4:4] Il-ħlas lil min jaħdem ma jingħaddlux bi pjaċir, imma b'dejn; [Rum:4:5] iżda min bla ma jagħmel opri, jemmen lil Alla li jiġġustifika lil min hu ħażin, din il-fidi tiegħu tingħaddlu b'ġustizzja. [Rum:4:6] Hekk wkoll David jgħid kemm hu hieni l-bniedem li Alla jqisu b'ġust mingħajr l-opri:

        

    [Rum:4:7] "Hienja  dawk  li  dnubiethom  maħfura, u  li  

    ħtijiethom mgħottija.

    [Rum:4:8] Hieni l-bniedem li l-Mulej ma jgħoddlu ebda

    dnub."

 

[Rum:4:9] Din it-thennija tiswa biss għal-Lhud ċirkonċiżi, jew ukoll għall-pagani bla ċirkonċiżjoni? Aħna ngħidu: Il-fidi kienet magħduda lil Abraham b'ġustizzja. [Rum:4:10] Meta kien magħdud lilu dan? Meta kien ċirkonċiż, jew meta kien għadu bla ċirkonċiżjoni? Le, mhux meta kien ċirkonċiż, iżda meta kien għadu bla ċirkonċiżjoni. [Rum:4:11] Mbagħad irċieva s-sinjal taċ-ċirkonċiżjoni b'sinjal tal-ġustizzja permezz tal-fidi meta kien għadu bla ċirkonċiżjoni, biex ikun il-missier ta' dawk kollha li jemmnu u ma jkunux ċirkonċiżi, sabiex lilhom ukoll tkun magħduda l-ġustizzja. [Rum:4:12] Hu missier iċ-ċirkonċiżjoni mhux biss għal-Lhud ċirkonċiżi, imma wkoll għal dawk li jimxu fuq il-passi tal-fidi ta' missierna Abraham qabel ma kellu  ċ-ċirkonċiżjoni.

 

Il-fidi u l-wegħda

 

[Rum:4:13] Lil Abraham jew lin-nisel tiegħu l-wegħda li jirtu d-dinja ma saritilhomx permezz tal-Liġi, imma permezz tal-ġustizzja bil-fidi. [Rum:4:14] Għax li kieku fil-wirt kellhom jidħlu dawk biss li jgħixu bil-Liġi, il-fidi kienet tisfa fix-xejn u l-wegħda ma kienet tkun tiswa xejn. [Rum:4:15] Imma l-Liġi korla ġġib magħha, għax fejn ma hemmx liġi anqas ma hemm ksur ta' liġi.

 

[Rum:4:16] Għalhekk il-wegħda hi marbuta mal-fidi, biex tkun mogħtija bħala grazzja, u hekk tibqa' sħiħa għal uliedu kollha, mhux biss dawk li jgħixu bil-Liġi, imma wkoll dawk li jgħixu bil-fidi ta' Abraham - il-missier tagħna lkoll, [Rum:4:17] skond ma hemm miktub: "Jiena nagħmel minnek missier ta' kotra kbira ta' ġnus" - missierna quddiem Alla li fih hu emmen, li jagħti l-ħajja lill-mejtin, u li jsejjaħ fl-eżistenza lil dak li ma jeżistix. [Rum:4:18] Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen; u hekk sar missier ta' kotra kbira ta' ġnus, skond ma kien intqal lilu: "Hekk għad ikun in-nisel tiegħek." [Rum:4:19] U ma naqasx fil-fidi tiegħu, anqas meta ġieb quddiem għajnejh li ġismu kien mejjet għax kien għoddu laħaq il-mitt sena, u mejjet ukoll kien ġuf Sara. [Rum:4:20] Quddiem il-wegħda ta' Alla ma qagħadx italla' u jniżżel jekk jemminx jew le, imma ssaħħaħ fil-fidi, filwaqt li gglorifika lil Alla [Rum:4:21] u żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu. [Rum:4:22] U kien għalhekk li dan ġie "lilu magħdud b'ġustizzja.” [Rum:4:23] Iżda  l-kelmiet "ġie lilu magħdud" ma nkitbux għalih biss, [Rum:4:24] imma għad ikun magħdud ukoll lilna li nemmnu f'dak li qajjem mill-imwiet lil Ġesù Sidna, [Rum:4:25] li kien mogħti għall-mewt għal dnubietna, u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.

 

5. Il-frott tal-ġustifikazzjoni

 

[Rum:5:1] Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma' Alla, permezz ta' Sidna Ġesù Kristu; [Rum:5:2] permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta' Alla. [Rum:5:3] Mhux biss dan, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar,   [Rum:5:4] is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama. [Rum:5:5]  U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta' Alla ssawwbet fi qlubna permezz ta' l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

 

[Rum:5:6] Mela, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. [Rum:5:7] Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż. [Rum:5:8] Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. [Rum:5:9] Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b'demmu, nsalvaw permezz tiegħu mill-korla ta' Alla! [Rum:5:10] Jekk meta konna għadna għedewwa ta' Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta' Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, nsalvaw permezz tal-ħajja tiegħu? [Rum:5:11] Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f'Alla b'Sidna Ġesù Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija.

 

Kristu u Adam

 

     [Rum:5:12] Għalhekk, bħalma kien permezz ta' bniedem          

     wieħed li fid-dinja daħal id-dnub,

     u permezz tad-dnub il-mewt,

     u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha,  għax kollha

     dinbu...

     [Rum:5:13] Kienet għadha ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien

     ġa fid-dinja:

     imma d-dnub ma kienx magħdud,

     ladarba Liġi ma kienx hemm.

     [Rum:5:14] Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa  

     Mosè, mqar fuq  dawk li ma  waqgħux fid-dnub  li  fih kien 

     waqa' Adam,

     li kien xbieha ta' dak li kellu jiġi.

     [Rum:5:15] Imma d-don m'huwiex bħall-ħtija.

     Għax jekk permezz ta' ħtija waħda mietet il-kotra,

     aktar u aktar issa l-grazzja ta' Alla u

     d-don mogħti bil-grazzja ta' bniedem wieħed li hu Ġesù

     Kristu,

     xterdu bil-bosta fuq il-kotra.

     [Rum:5:16] U d-don  anqas ma  hu  bħall-frott  ta' dak  il-

     wieħed li dineb; għax tassew,

     il-ġudizzju mogħti fuq dnub wieħed wassal sal-kundanna,

     iżda  d-don  mogħti  wara  ħafna  dnubiet  iwassal  għall-

     ġustifikazzjoni.

     [Rum:5:17] Għax jekk minħabba fil-ħtija ta' wieħed waħdu

     saltnet il-mewt, permezz ta' dak il-wieħed,

     aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra

     tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja

     għad isaltnu fil-ħajja permezz ta' wieħed li hu Ġesù Kristu.  

     [Rum:5:18] Mela kif bil-ħtija ta' wieħed  waħdu  waslet  il-    

     kundanna fuq il-bnedmin kollha,

     hekk  ukoll bl-opra  tal-ġustizzja ta'  wieħed  waslet   lill- 

     bnedmin kollha

     l-ġustifikazzjoni   tal-ħajja.  [Rum:5:19]  Għax   kif    bid-

     diżubbidjenza ta' bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin,

     hekk ukoll bl-ubbidjenza ta' wieħed

     il-ħafna jsiru ġusti.

     [Rum:5:20] Il-Liġi daħlet, biex kotru d-dnubiet; fejn kotor

     id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja.

     [Rum:5:21] B'hekk,  kif  id-dnub saltan permezz tal-mewt,

     hekk issa l-grazzja ssaltan 

     permezz tal-ġustizzja għall-ħajja ta' dejjem

     bis-saħħa ta' Ġesù Kristu Sidna.

 

6. Mejta għad-dnub, ħajja fi Kristu

 

[Rum:6:1] Xi ngħidu mela? Nibqgħu fid-dnub biex toktor                                 il-grazzja? [Rum:6:2] Ma jkun qatt! Aħna li mitna għad-dnub kif nistgħu ngħixu fih? [Rum:6:3] Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? [Rum:6:4] Ndfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.

 

[Rum:6:5] Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f'mewt tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt. [Rum:6:6] Dan nafu: li l-bniedem il-qadim tagħna ssallab miegħu, biex jinqered dan il-ġisem tad-dnub, sabiex ma nkunux aktar ilsiera tad-dnub. [Rum:6:7] Min imut, jeħles mid-dnub. [Rum:6:8] Jekk aħna mitna ma' Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma' Kristu. [Rum:6:9] Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu. [Rum:6:10] Hu li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla. [Rum:6:11] Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù.

[Rum:6:12] Tħallux, mela, li d-dnub isaltan fuq dan il-ġisem tagħkom li jmut u toqogħdu għall-ġibdiet tiegħu; [Rum:6:13] anqas ma għandkom tħallu l-membri ta' ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu l-ħażen għas-servizz tad-dnub; imma offru ruħkom lil Alla bħala nies li reġgħu mill-mewt għall-ħajja ħalli l-membri ta' ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu t-tajjeb għas-servizz ta' Alla għall-ġustizzja tagħkom. [Rum:6:14] Għax lilkom id-dnub ma għandux jaħkimkom, ladarba m'intomx tgħixu taħt il-Liġi, imma taħt il-grazzja.

 

Lsiera tal-ġustizzja

 

[Rum:6:15] X'nagħmlu, mela? Ladarba m'aħniex taħt il-Liġi imma taħt  il-grazzja, allura għandna nidinbu? Ma jkun qatt! [Rum:6:16] Ma tafux li jekk intom toffru ruħkom lil xi ħadd b'ilsiera biex tobduh, ta' min tobdu tkunu l-ilsiera, kemm jekk dan ikun id-dnub, li jwassal għall-mewt, u kemm jekk tkun l-ubbidjenza li twassal għall-ġustifikazzjoni? [Rum:6:17] Imma niżżu ħajr lil Alla: intom kontu lsiera tad-dnub, imma issa obdejtu minn qalbkom dik il-kwalità ta' tagħlim li ngħatalkom biex timxu fuqu; [Rum:6:18] nfdejtu minn taħt id-dnub, imma tjassartu għall-ġustizzja. [Rum:6:19] Qiegħed nitkellem magħkom ta' bnedmin li aħna, għax in-natura tagħkom dgħajfa. Bħalma l-membri ta' ġisimkom kontu jassartuhom għaż-żína u l-ħażen, hekk issa dawn l-istess membri jassruhom għall-ġustizzja biex tkunu qaddisin. [Rum:6:20] Meta kontu lsiera tad-dnub, kontu ħielsa f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġustizzja. [Rum:6:21] Xi frott ħsadtu dak iż-żmien mill-ħwejjeġ li issa qegħdin iħammrulkom wiċċkom? It-tmiem ta' dawk il-ħwejjeġ hija  l-mewt. [Rum:6:22] Imma issa li ħlistu mid-dnub u sirtu lsiera ta' Alla, qegħdin taħsdu għalikom frott li jwassal għall-qdusija, u għandkom bħala tmiem il-ħajja ta' dejjem. [Rum:6:23] Għax il-ħlas tad-dnub hu               l-mewt, imma d-don li tana Alla huwa l-ħajja ta' dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.

 

7. Ix-xbieha taż-żwieġ

 

[Rum:7:1] Ma tafux intom, ħuti - qiegħed nitkellem ma' nies li jafu l-Liġi - li l-liġi taħkem bniedem sakemm jibqa' ħaj? [Rum:7:2] Hekk, il-mara miżżewwġa hi marbuta bil-liġi ma' żewġha sakemm hu jdum ħaj; jekk żewġha jmut tinħall mil-liġi ta' żewġha. [Rum:7:3] Għalhekk, sakemm żewġha jkun għadu ħaj, jekk tiżżewweġ raġel ieħor, tkun adultera. Jekk żewġha jmut hi tkun ħielsa minn dik il-liġi u jekk tiżżewweġ raġel ieħor, ma tkunx adultera. [Rum:7:4] Hekk intom, ħuti, mittu għal-Liġi permezz tal-ġisem ta' Kristu, biex intom tkunu ta' ħaddieħor, jiġifieri, ta' dak li kien imqajjem mill-imwiet, sabiex nagħmlu l-frott għal Alla. [Rum:7:5] Sakemm konna fil-ġisem, il-ġibdiet tad-dnub kienu jaħkmu fina permezz tal-liġi fil-     membri tal-ġisem tagħna biex nagħmlu l-frott għall-mewt. [Rum:7:6] Issa aħna nħallejna mil-Liġi għax mitna għal dak li kien iżommna lsiera, biex issa nservu skond il-ħajja l-ġdida ta' l-Ispirtu u mhux aktar skond l-ittra l-qadima.

 

Il-jasar tad-dnub fina

 

[Rum:7:7] Xi ngħidu, mela? Li l-Liġi hi dnub? Ma jkun qatt! Imma ma kontx inkun naf x'inhu d-dnub, kieku ma kinitx il-Liġi; ma kontx inkun naf x'inhuma x-xewqat ħżiena kieku l-Liġi ma qaltlix: "Ma jkollokx xewqat ħżiena." [Rum:7:8] Id-dnub ħa l-okkażjoni mill-kmandament u qajjem kull xorta ta' passjoni fija. Mingħajr il-Liġi, id-dnub kien ikun ħaġa mejta. [Rum:7:9] Jien kont darba ngħix mingħajr il-Liġi, mbagħad ġie l-kmandament u d-dnub ħa r-ruħ. [Rum:7:10] Jien mitt:                              il-kmandament li kien maħsub biex iġib il-ħajja, spiċċa biex ġiebli l-mewt. [Rum:7:11] Id-dnub ħa okkażjoni mill-kmandament biex qarraq bija u qatilni. [Rum:7:12] Il-Liġi hi qaddisa u l-kmandament hu qaddis, ġust u tajjeb.

 

[Rum:7:13] Mela dak li hu tajjeb sar mewt għalija? Ma jkun qatt! Iżda d-dnub, biex jurini li hu dnub, ġiebli l-mewt b'dak li hu tajjeb biex permezz tal-kmandament id-dnub jurini sa fejn jasal il-ħażen  tad-dnub. [Rum:7:14] Nafu li l-Liġi hi spiritwali, imma jien tad-demm u l-laħam mibjugħ lid-dnub. [Rum:7:15] Ma nafx x'jien nagħmel; naf li mhux dak li rrid nagħmel iżda dak li ma rridx. [Rum:7:16] Jekk nagħmel dak li ma rridx, naqbel mal-Liġi li hi tajba. [Rum:7:17] Issa mela mhux aktar jien li qiegħed nagħmel dan iżda d-dnub li hemm jgħammar ġewwa fija. [Rum:7:18] Naf li t-tajjeb ma jgħammarx fija, jiġifieri f'ġismi. Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb m'hux hemm. [Rum:7:19] M'iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx. [Rum:7:20] Jekk jien nagħmel sewwasew dak li ma rridx, mhux jien mela qiegħed nagħmlu iżda d-dnub li hemm jgħammar fija. [Rum:7:21] Nħoss din il-liġi ġewwa fija: meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiemi l-ħażin. [Rum:7:22] Skond il-bniedem ta' ġewwa togħġobni l-liġi ta' Alla; [Rum:7:23] iżda nilmaħ fil-membri ta' ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi ta' moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi. [Rum:7:24] Msejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt? [Rum:7:25] Niżżi ħajr lil Alla permezz ta' Ġesù Kristu Sidna!

 

Mela, minni nnifsi jien naqdi lil-liġi ta’ Alla b’moħħi. Iżzda b’ġismi naqdi l-liġi tad-dnub.

 

8. Il-ħajja ta' l-Ispirtu

 

[Rum:8:1] Mela issa ma hemm ebda kundanna għal dawk li jgħixu  fl-għaqda ma' Kristu Ġesù. [Rum:8:2] Għax il-liġi ta' l-Ispirtu li jagħti  l-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsitni mil-liġi tad-dnub u tal-mewt. [Rum:8:3] Għax dak li ma felħitx tagħmel il-Liġi, għax kienet bla saħħa minħabba l-ġisem, għamlu Alla meta bagħat 'l Ibnu stess f'sura ta' ġisem tad-dnub, bħala vittma għad-dnub. B'hekk ikkundanna d-dnub fil-ġisem, [Rum:8:4] biex dak li b'ġustizzja titlob il-Liġi jseħħ fina li ngħixu, imma skond l-Ispirtu u mhux skond il-ġisem. [Rum:8:5] Dawk li jgħixu skond il-ġisem, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-ġisem; dawk li jgħixu skond l-Ispirtu, ħsiebhom fil-ħwejjeġ ta' l-Ispirtu. [Rum:8:6] Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu  għall-mewt; ix-xewqat ta' l-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem. [Rum:8:7] Għalhekk ix-xewqat tal-ġisem huma għedewwa ta' Alla; ma joqogħdux għal-liġi ta' Alla, u anqas jistgħu joqogħdu. [Rum:8:8] Dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. [Rum:8:9] Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma ta' l-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta' Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih  l-Ispirtu ta' Kristu, dan m'huwiex tiegħu. [Rum:8:10] Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. [Rum:8:11] Jekk l-Ispirtu ta' dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa ta' l-Ispirtu li jgħammar fikom.

 

[Rum:8:12] Hekk mela, ħuti, aħna m'aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skond il-ġisem. [Rum:8:13] Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewwtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu. [Rum:8:14] Dawk kollha li jmexxihom  l-Ispirtu ta' Alla huma wlied Alla. [Rum:8:15] Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża', imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajjtu: "Abbà! Missier!" [Rum:8:16] Dan l-Ispirtu jixhed flimkien ma' l-              ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. [Rum:8:17] Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta' Alla, werrieta ma' Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

 

Il-glorja li ġejja

 

[Rum:8:18] Jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta' issa ma għandhom xejn x'jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina. [Rum:8:19] Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta' wlied Alla; [Rum:8:20] għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa - mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha - [Rum:8:21] bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta' wlied Alla. [Rum:8:22] Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s'issa jitniehed  bl-uġigħ tal-ħlas; [Rum:8:23] u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta' l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta' wlied, il-fidwa ta' ġisimna. [Rum:8:24] Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista' wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? [Rum:8:25] Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m'aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.

 

[Rum:8:26] Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta' ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; [Rum:8:27] u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x'inhi x-xewqa ta' l-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla. [Rum:8:28] Aħna nafu li Alla, ma' dawk li jħobbuh, ma' dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu, f'kollox jaħdem id f'id għall-ġid tagħhom. [Rum:8:29] Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta' Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; [Rum:8:30] lil dawk li ppredestinahom, sejjħilhom ukoll; lil dawk li sejjħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.

 

Il-glorja ta' l-imħabba ta' Alla

 

[Rum:8:31] Xi ngħid, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna min jista' jkun kontra tagħna? [Rum:8:32] Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? [Rum:8:33] Min se jakkuża l-magħżulin ta' Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. [Rum:8:34] Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta' Alla, hu li jidħol għalina. [Rum:8:35] Min se jifridna mill-imħabba ta' Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? [Rum:8:36] Bħalma hu miktub:

 

     “Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna  għall-mewt;

     jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.”

 

[Rum:8:37] Imma f'dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta' dak li ħabbna. [Rum:8:38] Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t'issa u la ta' li ġej, la setgħat, [Rum:8:39] la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta' Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.

 

9. L-għażla ta' Iżrael

 

[Rum:9:1] Ngħidilkom is-sewwa fi Kristu, m'iniex nigdeb, tixhidli l-istess kuxjenza tiegħi fl-Ispirtu s-Santu, [Rum:9:2] li jiena mnikket għall-aħħar, u dejjem qalbi maqsuma; [Rum:9:3] nixtieq li kont jiena stess maqtugħ minn Kristu minħabba f'ħuti, nies ġensi skond il-ġisem: [Rum:9:4] l-Iżraelin. Tagħhom hija l-adozzjoni ta' wlied Alla u l-glorja, il-pattijiet u l-Liġi, il-liturġija u l-wegħdiet; [Rum:9:5] tagħhom huma l-patrijarki; u kien minnhom li, skond il-ġisem, ħareġ Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem ta' dejjem. Amen!

 

[Rum:9:6] Mhux li l-wegħda ta' Alla sfat fix-xejn; għax mhux dawk kollha li huma mnissla minn Iżrael huma Iżraelin. [Rum:9:7] Mhux dawk kollha li huma min-nisel ta' Abraham huma wliedu għax il-wegħda kienet din: "Minn Iżakk jissejjaħ in-nisel tiegħek." [Rum:9:8] Dan ifisser, mhux ulied il-ġisem huma wlied Alla, imma l-imwielda bis-saħħa tal-wegħda huma magħduda b'ulied Abraham. [Rum:9:9] Il-wegħda kienet tgħid: "Bħal dan iż-żmien jien nerġa' niġi għandek u Sara jkollha iben." [Rum:9:10] U mhux hekk biss, imma l-istess ġara meta Rebekka kellha ż-żewġ uliedha minn Iżakk missierna. [Rum:9:11] Kienu għadhom ma tweldux, bla ma kienu għadhom għamlu xejn la tajjeb u anqas ħażin - biex il-pjan ta' l-għażla ta' Alla jseħħ bis-saħħa ta' Alla, li sejjaħ, [Rum:9:12] u mhux bis-saħħa ta' l-opri - Alla qalilha: "Il-kbir iservi liż-żgħir" [Rum:9:13] kif inhu miktub ukoll:

 

     "Ħabbejt lil Ġakobb

     u bgħadt lil Għesaw.” 

 

[Rum:9:14] "Xi ngħidu mela? Li Alla ma jagħmilx sewwa? Ma jkun qatt. [Rum:9:15] Alla qal lil Mosè:

 

     "Inhenn għal min iħenn;

     u nitħassar lil min nitħassar.”

 

[Rum:9:16] Mhux x'wieħed irid jew kemm jitħabat li jgħodd, iżda għal min Alla jħenn. [Rum:9:17] L-Iskrittura tgħid lill-Fargħun: "Għalhekk qajjimtek, biex nuri l-qawwa tiegħi bik u nxandar ismi ma' l-art kollha." [Rum:9:18] Hu jħenn għal min irid, u jwebbes il-qalb ta' min irid.

 

Il-ħniena u l-korla ta' Alla

 

[Rum:9:19] Imma tista' tgħidli: "Għaliex jibqa' jċanfar? Min jista' jieqaf  lir-rieda tiegħu?" [Rum:9:20] Ja bniedem, int min int biex teħodha ma' Alla? Forsi l-fuħħar jeħodha kontra l-ħaddiem u jgħidlu: "Għaliex għamiltni hekk?" [Rum:9:21] Ma jistax il-ħaddiem tal-fuħħar jagħmel  mit-taħlita tat-tafal oġġett ta' ġieħ jew oġġett ta' għajb? [Rum:9:22] Jekk Alla li jrid juri l-korla tiegħu u jgħarraf il-qawwa tiegħu, issaporta b'sabar kbir l-oġġetti tal-korla lesti għall-qerda; [Rum:9:23] biex imbagħad jgħarraf l-għana tal-glorja tiegħu għall-oġġetti tal-ħniena, li hu ħejja għall-glorja minn qabel, jiġifieri, [Rum:9:24] lilna li hu sejjaħ, mhux biss mil-Lhud, imma wkoll mill-Ġentili... [Rum:9:25] Bħalma jgħid fil-Ktieb ta' Hosegħa:

 

     "Nsejjaħ lil dak li m’hux poplu tiegħi:

     ‘Il-Poplu Tiegħi’

     u lil dik li m’hiex maħbuba, ’Maħbuba,’

     [Rum:9:26] U jiġri li fejn kienu jsejjħulhom:

     ‘Intom m’intomx il-Poplu Tiegħi,’

     hemm isejjhulhom: ‘Ulied Alla l-Ħaj.’ ”

 

[Rum:9:27] Isaija għolla leħnu u qal dwar Iżrael: "Ukoll jekk stess l-għadd ta' wlied Iżrael ikun daqs ir-ramel tal-baħar, il-fdal biss isalva, [Rum:9:28] għax il-Mulej dalwaqt jagħmel il-kont u jaqtagħha fil-qasir mad-dinja kollha." [Rum:9:29] Kif ukoll il-profeta Isaija qal minn qabel:

 

     "Li kieku l-Mulej ta’ l-eżerċti ma

     ħallilniex nisel, konna nsiru bħal Sodoma,

     u ’l Gomorra konna nixbhu.”

 

 

 

[Rum:9:30] Xi ngħidu mela? Ngħidu dan: li l-pagani li ma kinux ifittxu l-ġustizzja kisbu l-ġustizzja, il-ġustizzja li ġejja mill-fidi; [Rum:9:31] imma Iżrael, li kienu jfittxu l-Liġi li tieħu għall-ġustizzja, ma laħqux l-iskop tal-Liġi. [Rum:9:32] Għaliex? Għax ma fittxewhiex permezz tal-fidi, imma permezz ta' l-opri. Tfixklu fil-ġebla tat-tfixkil [Rum:9:33] skond ma hu miktub:

 

     "Arawni! Jien inqiegħed f’Sijon ġebla

     għat-tfixkil u blata tat-tiġrif, u min

     jemmen fiha ma jitħawwadx.”

 

10. [Rum:10:1] Ħuti, nixtieq tassew minn qalbi nitlob quddiem Alla li niesi jsalvaw. [Rum:10:2] Jien xhud għalihom li huma għandhom il-ħeġġa għal Alla, iżda din m'hijiex ħeġġa skond l-għerf veru. [Rum:10:3] Għax m'għarfux il-ġustizzja ta' Alla, imma fittxew il-ġustizzja tagħhom, u għalhekk ma qagħdux għall-ġustizzja ta' Alla. [Rum:10:4] L-iskop tal-Liġi hu Kristu għall-ġustizzja għal min jemmen fih.

 

Is-salvazzjoni għal kulħadd

 

[Rum:10:5] Fuq il-ġustizzja li tiġi mil-Liġi, Mosè kiteb: "Il-bniedem li jħarisha jgħix biha." [Rum:10:6] U dwar il-ġustizzja li tiġi mill-fidi jgħid hekk: "Tgħidx f'qalbek, 'Min sa jitla' fis-sema?' jiġifieri biex iniżżel lil Kristu; [Rum:10:7] anqas: 'Min sa jinżel fil-qiegħ?' jiġifieri, biex iġib lil Kristu mill-imwiet." [Rum:10:8] Imma xi tgħid l-Iskrittura?

 

     "Il-kelma qiegħda ħdejk,

     f’fommok u f’qalbek”;

 

jiġifieri, il-kelma tal-fidi li aħna nxandru. [Rum:10:9] Għax jekk inti tistqarr b'fommok, "Ġesù hu l-Mulej", u temmen b'qalbek li Alla qajjmu mill-imwiet, inti ssalva. [Rum:10:10] Wieħed jemmen f'qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr b'xufftejh biex ikollu  s-salvazzjoni. [Rum:10:11] L-Iskrittura tgħid, "Kull min jemmen fih ma jintilifx." [Rum:10:12] Ma hemmx għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta' kulħadd u għani ma' dawk kollha li jsejjħulu. [Rum:10:13] Għax kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.

 

[Rum:10:14] Imma kif jistgħu jsejjħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f'dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx? [Rum:10:15] Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta? Bħalma hemm miktub: "Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid." [Rum:10:16] Iżda mhux kulħadd qagħad għall-kelma ta' l-Evanġelju. Isaija ħabbar: "Mulej, min emmen il-kelma li sama' mingħandna?" [Rum:10:17] Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta' Kristu. [Rum:10:18] Imma ngħid jien, jaqaw ma semgħux? Żgur li semgħu. L-Iskrittura tgħid:

 

     "Leħinhom xtered ma’ l-art kollha,

     u l-kelma tagħhom laħqet truf id-dinja.”

 

[Rum:10:19] Imma nistaqsi jien: "Jaqaw Iżrael ma fehemx?" L-

ewwel  ma jwieġeb Mosè:

 

     "Jien inqajjimlek l-għira permezz ta’ ġens mhux poplu;

     permezz ta’ poplu bla ras ngħaddabkom.”

 

[Rum:10:20] Isaija mbagħad b'wiċċu minn quddiem jgħid:

 

     "Sabuni dawk li ma kinux ifittxunu,

     dhert lil dawk ma li ma kinux jistaqsu għalija.”

 

[Rum:10:21] U dwar Iżrael jissokta:

 

     "Il-jum kollu jien ftaħt idejja lil poplu

      li ma jemminx u li qam kontrija."

 

11. Is-salvazzjoni tal-fdal ta' Iżrael

 

[Rum:11:1] Issa nistaqsi jien,"Forsi Alla ċaħad il-poplu tiegħu?" Żgur li le! Għax jien ukoll Iżraeli, min-nisel ta' Abraham, mit-tribù ta' Benjamin. [Rum:11:2] Alla ma ċaħdux lill-poplu tiegħu, li hu kien għażlu sa minn qabel. Ma tafx xi tgħid fuq Elija l-Iskrittura? Kif tkellem ma' Alla kontra Iżrael: [Rum:11:3] "Mulej, qatlu lill-profeti tiegħek, kissru l-artali tiegħek, jien waħdi bqajt u issa qegħdin ifittxuli ħajti?" [Rum:11:4] Iżda x'wieġbu Alla? "Jien ħallejt għalija sebat elef raġel li ma niżlux għarkubbtejhom quddiem Bagħal." [Rum:11:5] Hekk issa wkoll f'dan iż-żmien hemm il-fdal skond l-għażla tal-grazzja. [Rum:11:6] U, jekk inhu bis-saħħa tal-grazzja, mela m'hux aktar bis-saħħa ta' l-opri; inkella l-grazzja ma tibqax aktar grazzja.

 

[Rum:11:7] Xi ngħidu, mela? Il-poplu ta' Iżrael ma sabx dak li kien ifittex, iżda dawk li kienu magħżula sabuh; il-bqija webbsu rashom [Rum:11:8] kif inhu miktub:

 

     "Alla tahom spirtu ta’ ngħas fuqhom,

     għajnejn biex ma jarawx,

     widnejn biex ma jisimgħux,

     sal-ġurnata ta’ llum."

 

 [Rum:11:9] U David iżid:

 

     "Jalla tkun il-mejda tagħhom nasba u nassa,

     it-tfikil u l-ħlas li ħaqqhom.

     [Rum:11:10] Ħalli jiddallmu għajnejhom biex ma jarawx;

     u lwielhom daharhom għal dejjem."

 

Is-salvazzjoni tal-pagani

 

[Rum:11:11] Mela, ngħid jien, jaqaw tfixklu biex waqgħu għal kollox? Żgur li le! Imma bis-saħħa tal-ħtija tagħhom waslet is-salvazzjoni għand il-pagani biex il-Lhud tiġihom l-għira għalihom. [Rum:11:12] Jekk, mela, il-ħtija tal-Lhud sfat ta' ħafna ġid għad-dinja, u l-waqgħa tagħhom ta' ħafna ġid għall-pagani, kemm se tkun aktar is-salvazzjoni tagħhom ilkoll.

 

[Rum:11:13] U issa ngħid lilkom il-pagani. Sakemm jiena appostlu tal-pagani nibqa' nagħmel ġieħ lill-ministeru tiegħi, [Rum:11:14] bit-tama li nqajjem l-għira ta' ġensi u hekk insalva lil xi wħud minnhom. [Rum:11:15] Għax jekk it-tkeċċija tagħhom ġiebet il-ħbiberija tad-dinja ma' Alla, l-ilqugħ tagħhom mill-ġdid xi jkun ifisser, jekk mhux ħajja mill-imwiet? [Rum:11:16] Jekk l-ewwel frott hu mqaddes, hekk ukoll hi l-għaġna kollha; u jekk hu mqaddes l-għerq, hekk ukoll huma                     l-friegħi.

 

[Rum:11:17] Jekk xi wħud mill-friegħi tqaċċtu, int li int żebbuġa selvaġġa, li kont imlaqqam fuqhom u taqsam magħhom l-għerq u terda' s-sustanza taż-żebbuġa, [Rum:11:18] la tiftaħarx minn fuq il-friegħi mqaċċta. Jekk int tiftaħar, ftakar li mhux int iżżomm l-għerq, imma  l-għerq iżomm lilek. [Rum:11:19] Int għandek mnejn tgħid: "Il-friegħi tqaċċtu, biex nitlaqqam jien flokhom." [Rum:11:20] Tajjeb! Tqaċċtu, għax ma emmnux; imma int qiegħed iżżomm bil-fidi. Timliex rasek, iżda ibża'. [Rum:11:21] Jekk Alla ma ħafirhiex lill-friegħi naturali, anqas ma jaħfirha lilek. [Rum:11:22] Qis, mela, it-tjieba u l-ħruxija ta' Alla: ħruxija għal dawk li waqgħu, u t-tjieba għalik jekk tibqa' fit-tjieba tiegħu; inkella int ukoll titqaċċat. [Rum:11:23] Huma wkoll jerġgħu jitlaqqmu jekk ma jibqgħux ma jemmnux; għax Alla għandu l-qawwa li jerġa' jlaqqamhom.

 

[Rum:11:24] Jekk int ġej miż-żebbuġa selvaġġa u kontra  n-natura kont imlaqqam f'żebbuġa tajba, kemm iktar jistgħu jitlaqqmu fiż-żebbuġa tagħhom stess dawk li skond in-natura ġejjin minnha!

 

Is-salvazzjoni ta' Iżrael

 

[Rum:11:25] Ma rridx li ma tkunux tafu, ħuti, dan il-misteru, li ma tmorrux taħsbu li intom xi għorrief; l-ebusija tal-qalb li waqgħet fuq parti minn Iżrael tibqa' sakemm tidħol il-milja tal-pagani; [Rum:11:26] u hekk Iżrael kollu jkun salv. Kif inhu miktub:

 

     "Għad joħroġ minn Sijon il-Feddej;

     ineħħi l-ħażen minn Ġakobb.

     [Rum:11:27] U dan ikun il-patt tiegħi magħhom:

     meta nneħħilhom dnubiethom."

 

[Rum:11:28] Skond l-Evanġelju huma għedewwa minħabba fikom; skond l-għażla huma maħbuba minħabba missirijiethom.

 

Alla ma jiħux lura d-doni tiegħu

 

[Rum:11:29] Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu. [Rum:11:30] Bħalma fl-imgħoddi intom ma kontux tobdu lil Alla, imma issa sibtu l-ħniena tiegħu minħabba d-diżubbidjenza tagħhom; [Rum:11:31] hekk huma wkoll m'humiex jobduh minħabba l-ħniena li sibtu intom mingħandu, ħalli issa huma wkoll isibu l-ħniena. [Rum:11:32] Għax Alla ħalla 'l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma' kulħadd.

 

[Rum:11:33] Kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta' Alla! Kemm tassew ħadd ma jista' jgħarbel il-ġudizzju tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu!  

 

     [Rum:11:34] Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej?

     Min qatt kien il-kunsillier tiegħu ?

     [Rum:11:35] Min qatt tah l-ewwel biex jistħoqqlu l-ħlas?  

 

[Rum:11:36] Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih. Lilu l-glorja għal dejjem ta' dejjem. Amen!

 

12. Il-ħajja ġdida fi Kristu

 

[Rum:12:1] Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta' Alla, offru ġisimkom b'sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. [Rum:12:2] Timxux max-xejra ta' din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta' fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x'inhi r-rieda ta' Alla, x'inhu t-tajjeb li jogħġbu, x'inhu perfett.

 

[Rum:12:3] Jiena ngħidilkom ilkoll bis-saħħa tal-grazzja li tani Alla: tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun! Iżda kull wieħed minnkom iżomm ruħu ta' li hu skond il-qjies tal-fidi li tah Alla. [Rum:12:4] Bħalma aħna għandna ħafna membri f'ġisem wieħed, iżda mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol, [Rum:12:5] hekk aħna ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minna membru ta' l-ieħor. [Rum:12:6] Aħna għandna doni differenti skond il-grazzja li Alla tana; jekk għandna d-don tal-profezija, ħa nħaddmuh skond il-qjies tal-fidi; [Rum:12:7] jekk għandna d-don tal-ministeru, ħa nservu; min għandu d-don tat-tagħlim, ħa jgħallem; [Rum:12:8] min id-don tat-tħeġġiġ, ħa jħeġġeġ; min id-don tat-tqassim, ħa jqassam b'idejh miftuħa; min għandu l-awtorità fuq l-oħrajn, ħa jmexxi bil-ħerqa; min id-don ta' l-opri tal-ħniena, ħa jagħmel dan  bil-ferħ.

 

Il-liġi tal-ħajja nisranija

 

[Rum:12:9] Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b'ieħor; taħmlux  il-ħażen; żommu mat-tajjeb. [Rum:12:10] Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin. [Rum:12:11] Tħallux il-ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, aqdu lill-Mulej. [Rum:12:12] Ifirħu bit-tama, stabru  fl-hemm, itolbu bla waqfien. [Rum:12:13] Aqsmu ġidkom mal-qaddisin li jinsabu fil-bżonn; ilqgħu f'darkom lill-barranin. [Rum:12:14] Bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku, u la tisħtu lil ħadd. [Rum:12:15] Ifirħu ma' min jifraħ, ibku ma' min jibki. [Rum:12:16] Aħsbu f'xulxin l-istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli. Tagħmluhiex ta' għorrief. [Rum:12:17] Troddu lil ħadd deni b'deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. [Rum:12:18] Jekk jista' jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma' kulħadd. [Rum:12:19] Tivvendikawx ruħkom b'idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta' Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: "Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej." [Rum:12:20] Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma' ġamar jaqbad fuq rasu. [Rum:12:21] Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen   bit-tajjeb.

 

13. Ubbidjenza lill-awtorità

 

[Rum:13:1] Kull bniedem għandu jobdi lill-awtorità ta' fuqu. Ma hemmx awtorità jekk m'hix ġejja minn Alla; u l-awtoritajiet li hemm, qegħdin hemm bl-ordni ta' Alla. [Rum:13:2] Għalhekk, dawk li jeħduha kontra  l-awtorità jkunu qegħdin jeħduha kontra l-ordni mwaqqaf minn Alla; u dawk li jeħduha kontra Alla, ikunu qegħdin jiġbdu l-kundanna fuqhom infushom. [Rum:13:3] Jibżgħu mill-awtoritajiet mhux dawk li jagħmlu  t-tajjeb, iżda dawk li jagħmlu l-ħażin. Trid ma tibżax minn min għandu s-setgħa? Agħmel it-tajjeb, u jkollok it-tifħir mingħandu. [Rum:13:4] Għax qaddej ta' Alla hu għall-ġid tiegħek. Jekk inti tagħmel il-ħażin, ibża' minnhom. Mhux għal xejn li l-kap iġib ix-xabla; hu l-ministru ta' Alla biex jikkastiga u jitħallas minn min jagħmel il-ħażen. [Rum:13:5] Għalhekk jeħtieġ li toqogħdu għall-awtoritajiet, mhux biss minħabba              l-korla, imma wkoll minħabba l-kuxjenza. [Rum:13:6] Għalhekk ukoll ħallsu t-taxxi; għax l-awtoritajiet huma uffiċjali ta' Alla għal dan  ix-xogħol. Meta jagħmlu dan, ikunu qegħdin jaqdu dmirhom.

 

[Rum:13:7] Agħtu lil kulħadd dak li ħaqqu, taxxi lil min imissu t-taxxi, dazju lil min imissu d-dazju, rispett lil min imissu r-rispett, ġieħ lil min imissu l-ġieħ.

 

Ħobbu lil xulxin

 

[Rum:13:8] Tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin. Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi. [Rum:13:9] Għax il-kmandamenti: "La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib," u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f'kelma waħda: "Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek." [Rum:13:10] L-imħabba ma tagħmilx deni  lill-proxxmu; mela l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.

 

Inqumu min-ngħas

[Rum:13:11] Barra minn dan, intom tafu f'liema żmien qegħdin. Waslet  is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu. [Rum:13:12] Il-lejl għoddu għadda, u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl. [Rum:13:13] Ngħixu kif jixraq, bħal f'binhar; mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żína u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u                  l-għira. [Rum:13:14] Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom   mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.

 

14. Tiġġudikax lil ħuk

 

[Rum:14:1] Lil min hu dgħajjef fil-fidi ilqgħuh mingħajr ma toqogħdu tiddiskutu l-fehmiet tiegħu. [Rum:14:2] Hemm min jaħseb li jista' jiekol kollox, u hemm min, mbagħad, għax hu dgħajjef fil-fidi, jiekol ħaxix biss. [Rum:14:3] Min jiekol kollox m'għandux imaqdar lil min ma jikolx; u min ma jikolx m'għandux jiġġudika lil min jiekol, għax Alla laqa' lilu wkoll. [Rum:14:4] Int min int, biex tagħmel ħaqq mill-qaddej ta' ħaddieħor? Jekk iżommx wieqaf jew jaqax, dan jarah sidu. Iżda huwa jżomm wieqaf, għax il-Mulej għandu kull ħila li jżommu wieqaf.

 

[Rum:14:5] Hemm min jagħżel bejn jum u ieħor, u hemm min iqis il-jiem kollha xorta. Ħa jżomm kulħadd il-fehma tiegħu. [Rum:14:6] Min iħares il-jum, iħarsu għall-ġieħ tal-Mulej; u min jiekol, jiekol għall-ġieħ tal-Mulej, ladarba b'hekk ikun qiegħed jiżżi ħajr lil Alla. U min ma jikolx, ma jikolx għall-ġieħ tal-Mulej, u hu wkoll ikun qiegħed jiżżi ħajr lil Alla. [Rum:14:7] Għax ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. [Rum:14:8] Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, mmutu għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. [Rum:14:9] Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun Sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.

 

[Rum:14:10] Imma int, għax għandek tagħmel ħaqq minn ħuk? Jew lil ħuk, għaliex għandek tmaqdru? Aħna lkoll għad nidhru quddiem it-tribunal ta' Alla; [Rum:14:11] għax hemm miktub:

 

     "Daqs kemm jien ħaj,  jgħid  il-Mulej,  quddiemi għad jinżel

     għarkubbtejh kull bniedem,

     u kull ilsien għad ifaħħar lil Alla."

 

[Rum:14:12] Għalhekk kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.

 

Tfixkilx lil ħuk

 

[Rum:14:13] Ma niġġudikawx iżjed, mela, lil xulxin. Aħjar taraw li ma tkunux ta' tfixkil jew ta' skandlu għal ħukom. [Rum:14:14] Għax jiena naf, u minn dan jiena żgur fil-Mulej Ġesù, li xejn ma hemm imniġġes minnu nnifsu. Imma jekk xi ħadd jidhirlu li ħaġa hi mniġġsa, għalih tkun imniġġsa. [Rum:14:15] Jekk minħabba l-ikel tiegħek tħalli lil ħuk iġarrab il-ħsara, inti ma tkunx qiegħed timxi bl-imħabba. Qis li ma tmurx, minħabba l-ikel tiegħek, iġġarraf lil dak li għalih miet Kristu. [Rum:14:16] Tħallux illi t-tajjeb li għandkom ikun kaġun ta' tkasbir għalik. [Rum:14:17] Is-Saltna ta' Alla m'hijiex ikel u xorb, imma hi ġustizzja, u sliem, u grazzja fl-Ispirtu s-Santu. [Rum:14:18] Min jaqdi lil Kristu f'dan, ikun jogħġob lil Alla, u jinġieb mill-bnedmin.

 

[Rum:14:19] Ħalli nfittxu, mela, dak li jġib is-sliem u dak li jservi għall-edifikazzjoni ta' xulxin. [Rum:14:20] Tħallix li bl-ikel tiegħek titħassar l-opra ta' Alla. Kollox safi, imma jagħmel ħażin il-bniedem li jiekol xi ħaġa li biha jiskandalizza lil ħaddieħor. [Rum:14:21] It-tajjeb hu li la tiekol laħam u lanqas tixrob inbid u ma tagħmel xejn li jista' jfixkel lil ħuk. [Rum:14:22] Il-konvinzjoni tal-kuxjenza tiegħek żommha għalik quddiem Alla. Hieni l-bniedem li ma jikkundannax lilu nnifsu meta jaqtagħha x'se jagħmel. [Rum:14:23] Min jiekol bid-dubju hu kkundannat għax m'hux miexi skond il-konvinzjoni tal-kuxjenza tal-fidi, u kull ma m'hux  mill-konvinzjoni tal-fidi hu dnub.

 

15. Fittxu għoġbu lil ħutkom

 

[Rum:15:1] Aħna li aħna sħaħ fil-fidi għandna ngħinu lid-dgħajfa jerfgħu l-piż tagħhom u mhux infittxu nogħġbu lilna nfusna. [Rum:15:2] Kull wieħed minna għandu jfittex jogħġob lil għajru għall-ġid tiegħu. [Rum:15:3] Għax Kristu ma fittixx jogħġob lilu nnifsu, kif inhu miktub: "It-tagħjir ta' dawk li għajjru lilek waqa' fuqi."

 

[Rum:15:4] Kull ma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, nkiteb għat-tagħlim tagħna, biex is-sabar u bil-faraġ li tagħtina  l-Iskrittura, aħna jkollna tama. [Rum:15:5] Alla, li minnu ġej kull sabar u faraġ, jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda bejnietkom skond Kristu Ġesù, [Rum:15:6] biex b'fomm wieħed u b'qalb waħda tfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu.

 

L-Evanġelju għal-Lhud u l-pagani

 

[Rum:15:7] Għalhekk ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu wkoll laqa' lilkom, għall-glorja ta' Alla. [Rum:15:8] Jiena ngħidilkom li Kristu sar qaddej  tal-Lhud ċirkonċiżi minħabba l-fedeltà ta' Alla, biex iseħħu l-wegħdiet li għamel lill-Patrijarki, [Rum:15:9] u biex il-pagani wkoll ifaħħru lil Alla minħabba l-ħniena tiegħu bħalma hu miktub:

 

     "Għalhekk  jien  nfaħħrek  fost  il-ġnus  u  ngħanni   tifħir

      ismek. "

 

     [Rum:15:10] U ttenni tgħid:

 

     "Ifirħu, intom ġnus, flimkien mal-poplu tiegħu";

 

     [Rum:15:11] u terġa':

 

     "Faħħru lill-Mulej, intom ġnus kollha, ħa jfaħħruk il-popli  

     kollha."

 

     [Rum:15:12] U jerġa' jgħid ukoll Isaija:

 

     "U joħroġ għerq minn Ġesse;

     iqum biex jaħkem il-ġnus;

     u fih l-ġnus iqiegħdu t-tama tagħhom."

 

[Rum:15:13] U Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa ta' l-Ispirtu s-Santu.

 

Il-missjoni u x-xewqa ta' Pawlu

 

[Rum:15:14] Jien żgur minnkom ħuti, li intom ilkoll mimlija bit-tjieba u bl-għerf kollu, kapaċi twiddbu lil xulxin. [Rum:15:15] Imma jien għamilt il-qalb u ktibtilkom biex infakkarkom f'xi ħwejjeġ. Dan għamiltu  bil-grazzja li tani Alla [Rum:15:16] li nkun ministru ta' Kristu Ġesù fost il-pagani, ikkonsagrat biex naħdem għall-Evanġelju ta' Alla u nagħmel mill-ġnus offerta mqaddsa mill-Ispirtu s-Santu u li togħġob lil Alla. [Rum:15:17] Għalhekk jien għandi biex nitkabbar fi Kristu Ġesù fis-servizz tiegħi għal Alla. [Rum:15:18] Ma nissogra nsemmi xejn, jekk mhux dak li għamel Kristu permezz tiegħi biex inwassal il-pagani  għall-ubbidjenza bil-kelma u bl-għemil, [Rum:15:19] bil-qawwa  tas-sinjali u l-mirakli, bil-qawwa ta' l-Ispirtu ta' Alla. Hekk permezz tiegħi seħħ ix-xandir ta' l-Evanġelju ta' Kristu minn Ġerusalemm u                  l-inħawi ta' madwarha sa l-Illirja. [Rum:15:20] Ix-xewqa tiegħi hi li nxandar l-Evanġelju fejn qatt ma ssemma Kristu, sabiex ma nkunx bnejt fuq sisien li jkun qiegħed ħaddieħor; [Rum:15:21] kif inhu miktub:

 

     "Biex dawk li qatt ma kellhom l-aħbar jaraw;

     u dawk li qatt ma semgħu bih jifhmuh."

 

Pawlu jrid iżur Ruma

 

[Rum:15:22] Għalhekk dejjem kien hemm xi jżommni li niġi għandkom. [Rum:15:23] Issa, billi f'dawn l-inħawi ma għandix post ieħor fejn immur u billi minn ħafna snin 'l hawn kelli x-xewqa li niġi sa għandkom, [Rum:15:24] nittama li meta nkun fi triqti lejn Spanja, ngħaddi narakom, jiena u għaddej minn hemm; u nieħu mingħandkom li jkolli bżonn għall-vjaġġ, wara li nkun gawdejt il-kumpanija tagħkom għal xi ftit żmien. [Rum:15:25] Issa sa mmur Ġerusalemm biex naqdi                        lill-qaddisin; [Rum:15:26] għax in-nies tal-Maċedonja u l-Akaja għoġobhom jaqsmu ġidhom mal-fqar li hemm Ġerusalemm fost  il-qaddisin. [Rum:15:27] Hekk għoġobhom, iżda dan hu dmirhom: jekk  il-pagani għandhom mingħand il-Lhud il-ġid spiritwali, huma fid-dmir li jservuhom fil-ħwejjeġ materjali. [Rum:15:28] Meta nkun temmejt dan u nkun tajthom din il-ġabra, nitlaq lejn Spanja u ngħaddi għandkom. [Rum:15:29] Jiena naf li meta nasal għandkom, il-miġja tiegħi tkun mimlija bil-barka ta' Kristu.

 

[Rum:15:30] Nħeġġiġkom, ħuti, permezz ta' Sidna Ġesù Kristu u permezz ta' l-imħabba ta' l-Ispirtu, tqabdu miegħi intom u itolbu lil Alla għalija [Rum:15:31] biex jeħlisni minn dawk fil-Lhudija li ma jemmnux, u biex is-servizz tiegħi jkun milqugħ tajjeb mill-qaddisin f'Ġerusalemm. [Rum:15:32] Mbagħad, jekk Alla jrid, niġi għandkom ferħan u jkolli ftit tal-mistrieħ għandkom. [Rum:15:33] Alla tas-sliem ikun magħkom ilkoll. Amen.

 

16. Rakkomandazzjonijiet u tislijiet

 

[Rum:16:1] Nirrikkmandalkom lil Febi oħtna, li qiegħda sservi lill-knisja ta' Kenkri; [Rum:16:2] ilqgħuha fil-Mulej, kif jixraq lill-qaddisin, u agħtuha kull ma teħtieġ mingħandkom, għax hi stess kienet ta' għajnuna għal ħafna, u għalija wkoll.

 

[Rum:16:3] Selluli għal Priska u Akwila, li ħadmu miegħi fi Kristu Ġesù, [Rum:16:4] għax huma wkoll issugraw ħajjithom għalija biex isalvawni; u mhux jien biss għandi għax nirringrazzjahom iżda wkoll il-knejjes kollha tal-Ġentili; [Rum:16:5] nselli wkoll għall-knisja li tiltaqa' f'darhom. Sellu għal Epenetu, il-maħbub tiegħi, l-ewwel frott għal Kristu fl-Asja. [Rum:16:6] Sellu għal Marija, li tħabtet ħafna għalikom. [Rum:16:7] Sellu għal Androniku u Ġunja, qraba tiegħi u priġunieri miegħi, magħrufa fost l-appostli, u li emmnu fi Kristu qabli. [Rum:16:8] Sellu għal Amplijatu, il-maħbub tiegħi                                  fil-Mulej. [Rum:16:9] Sellu għal Urbanu li ħadem magħna fi Kristu, u Staki l-maħbub tiegħi. [Rum:16:10] Sellu għal Apelli li ta x-xhieda tiegħu nnifsu għal Kristu. Sellu għall-familja ta' Aristobulu. [Rum:16:11] Sellu għal Erodjon, il-qarib tiegħi. Sellu wkoll għal dawk li huma fil-Mulej fid-dar ta' Narċissu. [Rum:16:12] Sellu għal Trifena u Trifosa li qegħdin jitħabtu              fil-Mulej. Sellu għal Persi l-maħbuba, li tħabtet ħafna                             fil-Mulej. [Rum:16:13] Sellu għal Rufu l-magħżul fil-Mulej, u għall-omm tiegħu u tiegħi. [Rum:16:14] Sellu għal Asinkretu, Felgon, Ermi, Patroba, Erma, u l-aħwa li għandhom magħhom. [Rum:16:15] Sellu għal Filologu u Ġulja, Nerija, u oħthom, u Olimpja, u l-qaddisin kollha li hemm magħkom. [Rum:16:16] Sellmu lil xulxin b'bewsa qaddisa. Il-knejjes kollha ta' Kristu jsellmulkom.

 

[Rum:16:17] Nħeġġiġkom, ħuti, biex toqogħdu attenti minn dawk li jġibu l-firda u t-tfixkil kontra t-tagħlim li intom tgħallimtu, u żommu 'l bogħod minnhom. [Rum:16:18] Dawn m'humiex jaqdu lil Kristu Sidna, iżda l-passjonijiet tagħhom; bil-kliem u t-tmellis iqarrqu bil-qlub ta' nies bla malizzja. [Rum:16:19] L-ubbidjenza tagħkom sar jaf biha kulħadd. Jien nifirħilkom u rridkom tkunu għorrief fit-tajjeb imma sempliċi fil-ħażen. [Rum:16:20] Alla tas-sliem ma jdumx ma jisħaq taħt riġlejkom lil Satana.

 

Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù  tkun magħkom.

 

[Rum:16:21] Isellmulkom Timotju, sieħbi fix-xogħol, Luqa u Ġason, u Sosipater, qrabati. [Rum:16:22] Nsellmilkom jiena Terzju, li ktibt din l-ittra, fil-Mulej. [Rum:16:23] Isellmilkom Gaju li laqa' mhux biss lili, imma l-knisja kollha. Isellmilkom Erastu, l-amministratur tal-belt, u Kwartu ħuna.

 

Glorja lil Alla

 

      [Rum:16:25] Lil Alla li għandu l-qawwa

      li jwettaqkom fl-Evanġelju li nħabbar jien,

      jien u nxandar lil Ġesù Kristu,

      skond ir-rivelazzjoni  tal-misteru

      li kien moħbi fis-skiet ta' l-eternità;

 

     [Rum:16:26] Lil dan Alla li issa rrivelalna dan il-misteru,

     u għarrfu lill-ġnus bil-Kitba tal-Profeti,

     skond l-ordni tiegħu, Alla ta' dejjem,

     biex iwassalhom għall-ubbidjenza tal-fidi;

 

     [Rum:16:27] lil dan Alla, waħdu fl-għerf,

      il-glorja għal dejjem ta' dejjem

      b'Ġesù Kristu. Amen.