SENA B, IL-ĦAMES  ĦADD TAR-RANDAN

 

KRISTU JWETTAQ IL-PATT IL-ĠDID

 

 

L-1 QARI -  Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija. - Ġer 31, 31-34

Ara, għad jiġi żmien
- kelma tal-Mulej -
meta jien nagħmel patt ġdid
ma’ dar Iżrael u dar Ġuda;
mhux bħall-patt li għamilt ma’ missirijiethom
fiż-żmien meta mexxejthom minn idejhom
biex ħriġthom mill-art ta’ l-Eġittu,
il-patt tiegħi li huma kisru,
għalkemm jien kont il-għarus tagħhom;
- kelma tal-Mulej.
Imma dan ikun il-patt
li għad nagħmel ma’ dar Iżrael
wara dawk il-jiem
- kelma tal-Mulej:
Inqiegħed il-liġi tiegħi fihom
u niktibha f’qalbhom;
u jiena nkun Alla tagħhom,
u huma jkunu l-poplu tiegħi.
Ebda bniedem ma jgħallem iżjed il-liġi lil għajru,
u ebda wieħed ma jgħid lil ħuh:
”Agħraf il-Mulej”,
għax ilkoll kemm huma jkunu jafuni,
miż-żgħir sal-kbir
- kelma tal-Mulej.
Għax jien naħfrilhom ħżunithom,
u ħtijiethom ma niftakarhomx aktar.

Il-Kelma tal-Mulej.



SALM RESPONSORJALI - Salm 50


Oħloq fija, o Alla, qalb safja.


Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek,
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi,
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

Oħloq fija, o Alla, qalb safja,
ġedded ġewwa fija ruħ sewwa.
La twarrabnix minn quddiemek,
u tneħħix minni l-Ispritu qaddis tiegħek. R/.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Jiena ngħallem triqatek lill-ħatjin,
u lejk jiġu lura l-midinbin. R/.



IT-2 QARI -  Qari mill-Ittra lill-Lhud. - Lhud 5, 7-9

Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb, u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Jekk xi ħadd irid jaqdini, jimxi warajja,
jgħid il-Mulej;
u fejn inkun jien, hemm ikun il-qaddej tiegħi.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!



L-EVANĠELJU -  Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. - Ġw 12, 20-33


F’dak iż-żmien: Fost dawk li telgħu Ġerusalemm biex jagħtu qima ’l Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu, li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù.”


Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu ’l Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem għandu jkun igglorifikat. Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħdiha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’did-dinja, jżommħa sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, dan għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, lilu Missieri jweġġah.


Issa qiegħed inħossni mħawwad. U x’naqbad ingħid? Missier salvani minn din is-siegħa. Imma jiena għalhekk ġejt, għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek.” Dak il-ħin instema’ leħen mis-sema: “Jiena diġa gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah.” In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħad. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu.” Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom. Il-ġudizzju ta’ did-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkecca l-prinċep ta’ did-dinja. U meta nintrefa’ mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.” Hu qal dan biex juri b’liema mewt kien sejjer imut.

Il-Kelma tal-Mulej.