SENA B, IR-RABA'  ĦADD TAR-RANDAN

 

IL-FEDELTA’ DEJJIEMA TA’ ALLA

 

 

L-1 QARI -  Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki. - 2 Kron 36, 14-16.19-23

F’dak iż-żmien: Il-kbarat kollha tal-qassisin u l-poplu żiedu jidinbu u jagħmlu l-qżiżijiet kollha tal-ġnus, u niġġsu t-Tempju tal-Mulej li hu kien qaddes għalih f’Ġerusalemm. U billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu u mill-għamara tiegħu; il-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, kien sikwit jibgħat iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu jwaqqgħu għaċ-ċajt ’il-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha iktar.
U qajjem għalihom is-sultan tal-Kaldin, li ħarqilhom it-Tempju ta’ Alla, ġarraf is-swar ta’ Ġerusalemm, ta n-nar lill-palazzi kollha tagħha u hekk qerdilha kull ma kellha prezzjuż. U dawk li ħelsu mill-qerda tas-sejf Nebukadnessar kaxkarhom lejn Babel, u kienu lsiera tiegħu u ta’ wliedu sa ma ġew jaħkmu fuqhom il-Persjani. Hekk seħħ dak li qal Alla b’fomm Ġeremija: “Sakemm tgawdi l-art il-mistrieħ ta’ Sibtijietha, ma tinħadimx l-art iż-żmien kollu tal-ħerba tagħha, sa ma jgħaddu sebgħin sena.”
Fl-ewwel sena ta’ Ċiru, sultan tal-Persja, biex isseħħ il-kelma tal-Mulej li kienet intqalet b’fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal ruħ Ċiru, sultan tal-Persja, li fis-saltna kollha tiegħu xandar digriet, bil-miktub ukoll, li kien jgħid: “Dan jgħid Ċiru, sultan tal-Persja: Il-Mulej, Alla tas-sema, tani s-saltniet kollha ta’ l-art, u hu qabbadni nibnilu Tempju f’Ġerusalemm, li hi f’Ġuda. Kull min minnkom hu mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu, u ħa jitla’ f’Ġerusalemm.”

Il-Kelma tal-Mulej.



SALM RESPONSORJALI - Salm 136


Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi jekk ma niftakarx fik, Ġerusalemm!


F’xatt ix-xmajjar ta’ Babel,
hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna,
aħna u niftakru f’Sijon.
Mas-siġar tal-luq ta’ mad-dwar
dendilna ċ-ċetri tagħna. R/.

Għax hemm, dawk li jassruna,
talbuna xi għanjiet,
u dawk li għakksuna
stennew minna l-ferħ:
“Għannulna mill-għana ta’ Sijon”. R/.

Kif ngħannu l-għana tal-Mulej,
f’art barranija?
Ħa tibbiesli idi l-leminija
jekk ninsa lilek, Ġerusalemm! R/.

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi
jekk ma niftakarx fik,
jekk ma nqegħidx ’il Ġerusalemm
fuq il-ferħ tiegħi! R/.



IT-2 QARI - ari mill- Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin. - f 2, 4-10

Ħuti: Alla, għani fil-ħniena, bis-saħħa ta’ l-imħabba kbira li biha ħabbna, meta konna mejta minħabba dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja intom salvi! – qajjimna miegħu, u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin il-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù.


Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Alla hekk ħabb id-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni;
kull min jemmen fih għandu l-ħajja ta’ dejjem.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!



L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. - Ġw 3, 14-21

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lil-Nikodemu: “Kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilefx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha, imma biex bih hija ssalva. Min jemmen fih ma jkunx iġġudikat, imma min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem ta’ l-Iben il-waħdieni ta’ Alla.


U l-ġudizzju hu dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax għemilhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixefx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu.”

Il-Kelma tal-Mulej.