SENA B, IT-TIELET  ĦADD TAR-RANDAN

 

KIF INĦARSU L-PATT



L-1 QARI - Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu. - Eż 20, 1-17

F’dak iż-żmien: Alla tkellem u qal dan kollu lill-poplu: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta’ l-Eġittu, minn dar il-jasar. Ma jkollokx allat oħra quddiemi.
(La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta’ xi ħaġa li hemm fil-għoli tas-sema jew isfel fl-art jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx ruħek quddiemhom: għaliex jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, Alla għajjur, li npatti l-ħażen tal-missirijiet fuq l-ulied sat-tielet u r-raba’ nisel lil dawk li jobogħduni, imma nagħder sa l-elf nisel lil min iħobbni u jżomm il-kmandamenti tiegħi.)
La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min issemmi l-isem tiegħu fix-xejn il-Mulej ma jħallihx bla kastig.
Ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu.


(Sitt ijiem taħdem u tagħmel kull ma għandek tagħmel; imma s-seba’ jum hu jum il-mistrieħ lill-Mulej, Alla tiegħek. Dak in-nhar ma tagħmel ebda xogħol, int, ibnek, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-bhejjem tiegħek, u l-barrani li jkun ġewwa bwiebek. Għax f’sitt ijiem il-Mulej għamel is-smewwiet u l-art u l-baħar u kull ma hemm fihom, u strieħ fis-seba’ jum. Għalhekk il-Mulej bierek is-seba’ jum u qaddsu.)
Weġġah ’il missierek u ’l ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.
La toqtolx.
La tiżnix.
La tisraqx.
La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek.
La tixtieqx il-mara ta’ għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, il-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kulma għandu għajrek.”

Il-Kelma tal-Mulej.



SALM RESPONSORJALI -  Salm 18


Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.


Il-liġi tal-Mulej sħiħa,
tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej sewwa,
tgħallem lil min ma jafx. R/.

Il-preċetti tal-Mulej tajbin,
iferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
idawwal il-għajnejn. R/.

Il-biża’ tal-Mulej nadif,
jibqa’ għal dejjem;
l-ordnijiet tal-Mulej sewwa,
imseddqa għal kollox. R/.

Huma egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
u mill-qtar tax-xehda. R/.



IT-2 QARI  - Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. - 1 Kor 1, 22-25

Ħuti: Il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani; iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla.
Għax il-bluha ta’ Alla hi iktar għarfa mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hi aqwa mill-bnedmin.

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Araw, issa hu ż-żmien it-tajjeb;
araw, issa hu jum is-salvazzjoni.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ SanĠwann. - Ġw 2, 13-25

Kien qorob il-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qed ibigħ barrin, ngħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula; u keċċiehom ilkoll mit-Tempju, bin-ngħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex suq.” Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub: “Il-ħeġġa għal darek kilitni”.


Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal turina biex qiegħed tagħmel dan?” Ġesù wieġeb u qalilhom: Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa ntellgħu.” Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-Tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?” Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu.


Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli ftakru f’dak li kien qal; u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.
Waqt li kien f’Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf ’il kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bnedmin, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.

Il-Kelma tal-Mulej.