SENA B, L-EWWEL  ĦADD TAR-RANDAN

 

ALLA JIDĦOL F’PATT MAGĦNA



L-1 QARI - Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi. - Ġen 9, 8-15

Alla qal lil Noè u lil uliedu miegħu: “Arani, qiegħed nagħmel patt magħkom, mat-tajr, mal-bhejjem u l-annimali kollha ta’ l-art li qegħdin magħkom, ibda minn dawk li joħorġu mill-arka u spicca bl-annimali kollha ta’ l-art. Nagħmel patt magħkom li qatt iżjed ma tinqered il-ħajja bid-dilluvju, u li qatt iżjed ma jkun hemm dilluvju ieħor biex jisħet l-art.”


U żied jgħid Alla: “Dan hu l-patt li nagħmel magħkom u mal-ħlejjaq kollha ħajjin li jinsabu magħkom għal dejjem ta’ dejjem. Qegħidt il-qaws tiegħi fis-sħab, biex ikun is-sinjal tal-patt li għamilt ma’ l-art. Meta niġma’ s-sħab fuq l-art, tidher ukoll il-qawsalla fis-sħab, u hekk niftakar fil-patt tiegħi li għamilt magħkom u mal-ħlejjaq ħajjin kollha; u l-ilma qatt iżjed ma jinżel dilluvju biex jisħet il-ħlejjaq kollha tal-laħam.”

Il-Kelma tal-Mulej.



SALM RESPONSORJALI - Salm 24


Il-mogħdijiet tiegħek, Mulej, kollha tjieba u fedeltà għal dawk li jħarsu l-patt tiegħek.

Triqatek, Mulej, urini,
il-mogħdijiet tiegħek għarrafni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

Ftakar fil-ħniena u fit-tjieba tiegħek, Mulej,
għax huma minn dejjem.
Ftakar fija int skond tjubitek,
minħabba fil-ħlewwa tiegħek, Mulej.  R/.

Twajjeb u sewwa l-Mulej,
għalhekk juri t-triq lill-ħatjin.
Imexxi l-imsejknin fis-sewwa,
jgħallem triqtu lill-fqajrin. R/.



IT-2 QARI - Qari mit-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu. - 1 Piet 3, 18-22

Għeżiez: Kristu miet darba għal dejjem minħabba dnubietna; hu li hu ġust, miet għalina li aħna inġusti, biex iressaqna lejn Alla. Ġie mogħti għall-mewt tal-ġisem, imma ħa l-ħajja fir-ruħ.


Ħaj fir-ruħ, hu mar ixandar lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs. Dawn darba ma ridux jisimgħu, meta Alla qagħad jistenna bis-sabar fiż-żmien ta’ meta Noè kien jibni l-arka, li fiha ftit, jiġifieri tmienja min-nies biss, salvaw bis-saħħa ta’ l-ilma. Dan l-ilma kien ifisser l-ilma tal-magħmudija, li issa jsalva lilkom ukoll, u li mhux ilma biex inaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma hu talba li ssir lil Alla biex niksbu kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu, li tela’ s-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla u għandu taħtu s-setgħat u l-qawwiet ta’ l-anġli.

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark. - Mk 1, 12-15

F’dak iż-żmien: L-Ispirtu ħareġ ’il Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-xitan. U kien jgħix qalb il-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli. Wara li arrestaw ’il Ġwanni, Ġesù mar fil-Galilija jxandar il-Bxara t-tajba ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-saltna ta’ Alla waslet: indmu u emmnu fil-Bxara t-tajba.”


Il-Kelma tal-Mulej.