QADDISIN GĦAL NOVEMBRU

 

1 TA’ NOVEMBRU

 

IL-QADDISIN KOLLHA

 

Illum il-Knisja tagħmel festa lill-Qaddisin kollha – lil dawk kollha li jinsabu fil-ġenna; ikkanonizzati jew mhumiex; qrabatna, ħbiebna u ġemgħa kbira ta’ oħrajn li ma nafuhomx; Maltin, Ingliżi, Taljani, nies ta’ kull sura u ta’ kull xorta, nies ta’ kull ġens u ta’ kull ilsien; dawk li għadhom kemm daħlu l-ġenna u dawk li ilhom hemm.

 

Il-Knisja tifraħ – tifraħ magħhom u tifraħ bihom.  Fl-istess ħin tfakkarna li huma kienu bnedmin bħalna jgħixu fuq din l-art.  Illum jinsabu fl-isbaħ, fl-ikbar, fl-aqwa stat li jista’ jakkwista l-bniedem – il-ġenna, fejn ma hemmx sadid, kamla jew taħsir; hemm il-paċi, l-hena, u l-għaqda l-iktar intima ma’ Alla.  San Pawl qalilna: “L-Erwieħ fil-ġenna qed jaraw dak il-ġmiel li ebda bniedem qatt ma ra f’din id-dinja; qed jisimgħu dak li ħadd minna qatt ma sama’; u qed igawdu dik il-hena li ħadd qatt ma gawda fuq din l-art”.

 

Il-Qaddisin mhux biss ifakkruna fit-tgawdija li qiegħda tistenniena, imma wkoll isejħulna biex ningħaqdu magħhom bħala ulied ta’ l-istess Missier fid-dar tiegħu tas-sema.

 

Din il-festa tgħollilna għajnejna lejn dik ‘is-sħaba kbira ta’ xhieda’, u tħeġġiġna biex naħdmu u nirsistu ħalli aħna wkoll ikun jistħoqqilna li wara din il-ħajja nidħlu f’dik is-sħaba ta’ kobor enormi.

 

Li jkollok pożizzjoni għolja fis-soċjeta’ hija ħaġa sabiħa tassew – tabib, avukat, perit qassis – imma niftakru li dawn jgħaddu u jintemmu fix-xejn.  Mhux hekk li tkun qaddis.  Jaqblilna tassew mela li nkunu qaddisin f’din il-ħajja biex nibqgħu qaddisin għal dejjem fil-ġenna.

 

Fit-talba li nagħmlu llum nuru xewqitna li nħobbu ‘l Alla b’qalbna kollha f’din id-dinja biex nibqgħu nħobbuh fl-eternita’.

 

 

Talba

Nadurawk u nfaħħruk minn qalbna, Mulej, Sid tas-sema u ta’ l-art, u nittamaw li bil-grazzja tiegħek, aħna wkoll għad ningħaqdu mal-Qaddisin kollha tiegħek fis-saltna tas-sema biex nibqgħu nadurawk u nfaħħruk għal dejjem.  Amen.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

2 TA’ NOVEMBRU

 

IL-FIDILI MEJTIN KOLLHA

 

Fit-2 ta’ Novembru, il-Knisja turi b’mod speċjali s-simpatija tagħha ma’ wliedha li qed jiġu ppurifikati fil-Purgatorju.  Dan il-jum huwa magħruf ukoll bħala l-Għid ta’ l-imwiet.

 

Il-Knisja fuq l-art tunura b’rispett kbir lill-mejtin tagħha, u billi huwa ħsieb qaddis u siewi li titlob għall-mejtin biex jinħelsu minn dnubiethom, (2 Mak. 12:46) toffri suffraġi għalihom.

 

Sa mill-bidu nett, l-Insara kellhom ġranet fis-sena li fihom kienu jiftakru b’mod iktar mis-soltu fil-mejtin tagħhom.  Fis-sena 800 kien sar ftehim bejn il-monasteri ta’ San Gall u ta’ Reichenaw li fl-14 ta’ Novembru ta’ kull sena ssir tifkira tar-reliġjużi mejtin taż-żewġ komunitajiet, u kull saċerdot iqaddes tliet quddisiet.  Fis-sena 998, San Odilo, abbati tal-monasteru ta’ Cluny, ordna li l-membri tiegħu josservaw it-2 ta’ Novembru bħala Jum it-Tifkira ta’ l-Insara mejtin kollha.  Dan il-Jum ta’ Tifkira daħal f’monasteri oħra.  Fl-1008, Lieġi, Belġju, kienet l-ewwel djoċesi li addottat dan l-użu.  Minn hemm baqa’ dejjem jixtered bla ma qatt ġie impost uffiċjalment mill-Knisja.

 

Fil-gwerra l-kbira, il-Papa Benedittu XV, fl-10 ta’ Awissu 1915, estenda dan l-użu mal-Knisja tal-Punent, u ddikjara li kull saċerdot jista’ joffri tliet quddisiet – waħda għall-Erwieħ tal-Purgatorju, oħra għall-intenzjoni tal-Papa, u oħra skond l-intenzjoni tas-saċerdot, li għal din ta’ l-aħħar biss is-saċerdot jista’ jieħu l-elemożina.

 

It-talb tagħna għal ħutna l-mejtin isaħħilna wkoll it-tama li aħna għad nieħdu sehem fir-Reżurrezzjoni ta’ Kristu.

 

Talba

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  Id-Dawl ta’ dejjem jiddi lilhom.  Jistrieħu fis-sliem.  Amen

 

 

 

 

 

 

 

 

3 TA’ NOVEMBRU

 

SAN MARTIN DE PORRES

Reliġjuż: 1579 – 1639

 

San Martin twieled fid-9 ta’ Novembru 1579, f’Lima, il-Perù, fl-istess belt u l-istess żmien ta’ Santa Roża ta’ Lima.  It-tnejn kienu ħbieb ħafna u t-tnejn saru reliġjużi Dumnikani.

 

Martin kien it-tifel ta’ sinjur kbir Spanjol u ta’ mara fqira sewda.  Meta twieled, missieru ma riedx jaf bih, għalhekk kellu jaqsam il-faqar ta’ ommu sakemm tmien snin wara missieru aċċettah.

 

Ta’ tnax-il sena daħal jaħdem ma’ wieħed tabib li kien ukoll parrukkier, għalhekk tgħallem is-sena ta’ parrukkier, u wkoll kif jagħmel xi mediċini, jamministrahom, u jdewwi l-ġrieħi.

 

Meta kellu sittax-il sena, talab lill-Patrijiet Dumnikani biex iħalluh jgħinhom fix-xogħol tagħhom.  Il-Patrijiet ħallewh, u wara disa’ snin, meta raw kemm kien żagħżugħ bil-għaqal, aċċettawh ukoll bħala fratell magħhom, fl-1603.

 

Bil-għajnuna ta’ xi nies li ssieħbu miegħu, waqqaf orfanatrofju, u ġabar flus biżżejjed għall-fondi permanenti ħalli xebbiet fil-bżonn tingħatalhom dota biex biha jkunu jistgħu jiżżewġu.  Barra minn hekk, kien jgħin ħafna lill-ilsiera suwed li kienu jinġiebu fil-Perù mill-Afrika.

 

Għex ħajtu jgħin lill-foqra u lill-morda, u jittrattahom bid-dinjita’ ta’ bnedmin, u kien ifakkarahom f’Alla u jħobb bl-istess mod lill-bnedmin kollha ta’ kull ġens u ta’ kull kulur.

 

Miet meta kellu sittin sena, fil-kunvent tar-Rużarju Mqaddes ta’ L:ima, fit-3 ta’ Novembru 1639.  Lima kollha bkietu, u l-kelmiet ”Miet l-ikbar ħabib tal-fqar”, kienu fuq fomm kulħadd.

 

Ġie kkanonizzat mill-Papa Ġwanni XXIII, fl-1962.

 

Ħsieb:

Probabilment hu diffiċli għalina li nwaqqfu xi fondi, kif għamel San Martin, ħalli nies bi bżonn partikulari jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom!  Iżda żgur li nistgħu, għall-inqas b’mod żgħir, nikkontribwixxu għal xi fondi ta’ karita’ li nisimgħu li qed jitwaqqfu minn żmien għal żmien, biex jgħinu lil min hu fil-bżonn.  Aħna, kemm tassew nikkontribwixxu?

 

 

 

 

 

 

4 TA’ NOVEMBRU

 

SAN KARLU BORROMEO Isqof: 1538 – 1584

 

San Karlu twieled fid-2 ta’ Ottubru 1538, f’familja nobbli u aristokratika f’Arona, qrib Milan, fl-Italja.  Meta kellu disa’ snin tilef ’l ommu. 

 

Kien intelliġenti ħafna.  Ta’ 21 sena, fl-1559, kien ġa laħaq avukat fil-Liġi Ċivili u fil-Liġi Kanonika.

 

Fl-1560. il-Papa Piju IV, li kien jiġi zijuh, ħu ommu, għamlu Amministratur ta’ l-Istati tal-Vatikan, ta’ ħafna bliet, Komunitajiet u Ordnijiet fosthom il-Kavalieri ta’ Malta.

 

Wara l-mewt għal għarrieda ta’ ħuh li ħasditu bil-kbir, iddeċieda li jagħti ħajtu għal Alla.  Sar saċerdot f’Lulju tal-1563, u f’Diċembru ta’ l-istess sena ġie kkonsagrat Isqof.  Fl-1564, ġie maħtur Kardinal-Arċisqof ta’ Milan, meta kellu biss 26 sena.

 

Il-Papa qabbdu biex jerġa jsejjaħ il-Konċilju ta’ Trento li kien fetaħ f’Diċembru 1545 u waqaf fl-1551.  Meta l-Konċilju reġa fetaħ f’Jannar 1562, San Karlu ħadem bil-kbir għas-suċċess tiegħu sakemm għalaq f’Diċembru 1563.

 

Fl-1566, San Karlu talab u qala’ l-permess mingħand il-Papa Piju V li kien għadu kif laħaq, biex imur jibda jgħix fl-arċidjoċesi tiegħu ta’ Milan.  Huwa ntefa’ b’ruħu u b’ġismu fix-xogħol enormi li kienet titlob minnu l-arċidjoċesi.  Kellu 600,00 ruħ taħt il-ħarsien pastorali tiegħu; bena bosta knejjes, sa fuq l-Alpi; waqqaf is-seminarju tal-belt, u oħrajn żgħar ’l hawn u ’l hemm, u s-seminarju għall-kleru Svizzeru; fetaħ 740 ċentru tad-duttrina, u beda l-iskejjel elementari fil-parroċċi; waqqaf ħafna istituzzjonijiet soċjali u kulturali; waqqaf l-Universita’ ta’ Brara li fdaha f’idejn il-Ġiżwiti; bena l-kulleġġ ta’ Pavia; żar il-parroċċi kollha tad-djoċesi , madwar elf; laqqa’ sitt konċilji provinċjali u ħdax-il sinodu djoċesan, l-aħħar wieħed ftit xhur qabel miet; barra minn dan u ħafna xogħol ieħor, meta faqqgħet l-epidemija tal-pesta f’Milan, li damet mill-1576 sal-1578, waqt li l-kbarat telqu mill-belt, hu baqa’ hemm, iqarben, ifarraġ u jgħin lill-morda b’idejh stess.  Iż-żelu li kellu kien bla tarf.

 

Għalkemm kellu difett f’ilsienu, kien itemtem, ma kienx jaqta’ qalbu mill-priedki.  Ġie li ppriedka tliet darbiet kuljum, l-aktar matul iż-żjajjar pastorali tiegħu.

 

Bħala Isqof, kellu wkoll l-għedewwa tiegħu.  Darba fl-1569, meta kien qed jitlob fil-knisja, wieħed sparalu, iżda ma laqtux serjament.

 

Miet f’Milan, fit-3 ta’ Novembru 1584, fl-eta’ ta’ 46 sena, meta kien għadu kif spiċċa jagħmel l-irtir tiegħu annwali.  Ġie kkanonizzat mill-Papa Pawlu V fl-1610.

 

Ħsieb:

Hija virtù mill-isbaħ li aħna niddedikaw lilna nfusna kompletament għad-doveri tagħna.  Hu dmirna li nwettquhom bl-aħjar mod li nistgħu.  ”Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom”. (Kol. 3:23)  B’liema impenn qegħdin inwettqu d-doveri tagħna?  San Karlu jagħtina l-eżempju.

 

 

 

 

 

 

 

9 TA’ NOVEMBRU

 

ID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKA TAL-LATERAN

 

Fil-bidu tal-Knisja l-kult kien isir f’xi dar privata, u fil-persekuzzjonijiet ġol-katakombi jew ċimiterji, li l-liġi ta’ Ruma kienet tipproteġi.  Iżda għall-ħabta tas-sena 225, insibu ġa postijiet speċjali wżati bħala knejjes, u fil-bidu tar-raba’ seklu kien hemm ġa xi erbgħin knisja.

 

L-Imperatur Kostantinu (306–337) ġab fit-tmiem tliet sekoli ta’ persekuzzjoni lill-Knisja.

 

Fis-sena 313, martu Fausta tat il-palazz tagħha, li kien bnieh Kostantinu fuq l-għolja tal-Lateran, lill-Papa San Milzjade.

 

Fid-9 ta’ Novembru 324, il-Papa San Silvestru I ikkonsagra solenniment nofs il-palazz bħala knisja li semmiet għas-Salvatur.  Probabbilment din kienet l-ewwel konsagrazzjoni pubblika ta’ knisja.  Il-Battisteru tagħha bnieh ġdid Kostantinu, kważi kif jinsab illum, u ġie ddedikat lil San Ġwann Battista, u fih bdew jiġu mgħammda l-Insara ta’ Ruma.

 

San Silvestru żamm in-nofs l-ieħor tal-palazz, bħala r-residenza u l-Kurja tiegħu, li dam jiġi wżat hekk għal aktar minn elf sena sakemm fl-erbatax-il seklu, il-Papa mar jgħix fl-eżilju ta’ Avignon. 

 

Sal-ġurnata ta’ llum, din il-knisja hija l-Katidral ta’ Ruma, fejn il-Papa għandu l-Katedra tiegħu.  Hi tiġi l-ewwel u hi l-iktar waħda antika fost l-erba’ Bażiliki Patrijarkali ta’ Ruma.  It-tlieta l-oħra huma: il-Vatikan, Santa Marija Maggiore, u San Paolo Fuore Le Mure.

 

Fil-Lateran saru ħames Konċilji Ekumeniċi, u għoxrin Sinodu.  Fih hemm relikwi prezzjużi għall-Knisja, fosthom l-irjus ta’ San Pietru u San Pawl, l-artal żgħir li fuqu San Pietru ġie li wżah biex iqaddes fi djar privati, u l-mejda ta’ l-aħħar ikla, li fuqa Sidna Ġesù waqqaf is-Sagrament ta’ l-Ewkaristija.

 

Permezz ta’ din it-tifkira l-Knisja titlobna biex nistqarru l-fedelta’ tagħna lejn il-Papa, u nwiegħdu li nżommu sħiħ it-tagħlim tiegħu; u biex turina wkoll li hi tagħraf il-knejjes kollha bħala postijiet tat-talb fejn il-Fidili jinġabru flimkien biex jaduraw ‘l Alla.

 

Talba:

Mulej Alla, aħna nsebbħuk permezz tat-tempji li nibnu b’idejna għall-glorja tiegħek.  Iżda wisq iktar nixtiequ nsebbħuk bit-tempju ta’ ġisimna li hu aħna.

 

 

 

 

 

10 TA’ NOVEMBRU

 

SAN LJUN IL-KBIR Papa u Duttur tal-Knisja: ? – 461

 

San Ljun twieled fit-tmiem tas-seklu erbgħa x’aktarx f’Ruma, imma ta’ nisel Toscan.  Huwa serva bħala Djaknu taħt San Ċelestinu I u San Sistu III.  Hu sar Papa fid-29 ta’ Settembru, 440, wara l-mewt ta’ Sistu III.  Kellu jkun l-ewwel wieħed fost it-tliet Papiet li minħabba l-ħidma kbira fi żmien il-pontifikat tagħhom qalgħu l-isem ta’ l-Kbir.  It-tnejn l-oħra huma San Girgor I (590-604), u San Nikola I (858-867).

 

Fis-sena 451 sar ir-raba’ Konċilju Ekumeniku ta’ Kalċedonja fejn inġabru xi 600 isqof.  Il-Papa bagħat ittra lill-Konċilju fejn fiha ddefinixxa ż-żewġ naturi u persuna waħda ta’ Kristu kontra l-ereżija ta’ Ewtike.  Dakinhar, minn fomm l-isqfijiet ħarġet l-espressjoni: ”Pietru tkellem permezz ta’ Ljun”.

 

Meta fis-sena 452, Attila kien nieżel bl-armata qawwija tiegħu lejn Ruma, il-Papa mexxa ambaxxata għand Attila, u rnexxielu jinnegozja miegħu li ma jaħbatx għal Ruma fuq wegħda li l-Papa jħallas lil Attila tribut annwali.

 

Tliet snin wara, meta Ġenseriku, Re tal-Vandali, ħabat f’daqqa waħda għal Ruma, il-Papa kien l-uniku li ddefenda l-belt u rnexxielu jwaqqaf il-kefrija u l-istraġi li kienu qed isiru, u salvaha minn qerda totali.

 

Il-Papa Ljun ddefenda wkoll it-tagħlim tal-Knisja kontra l-Manikej, il-Pelaġjani, il-Prixxiljanisti u n-Nestorjani.

 

Bil-qawwa kollha ddefenda u saħħaħ il-Papat, u wera ċar li l-awtorita’sħiħa tal-Knisja tinsab f’idejn il-Papa.

 

Fost il-kitba tiegħu għandna 96 priedka u 143 ittra magħrufin għall-għerf teoloġiku tagħhom.

 

San Ljun miet fl-10ta’ Novembru 461.  Illum il-fdal tiegħu jinsab midfun fil-Bażilika ta’ San Pietru, taħt artal iddedikat għalih.  Fl-1754 Benedittu XIV iddikjarah Duttur tal-Knisja.

 

Ħsieb:

Probabbilment aħna mhux ser ikollna nwettqu x-xogħol li għamel dan il-Qaddis, li niltaqgħu ma’ mexxejja ta’ armati qawwija u ninnegozjaw magħhom biex nevitaw qerda u ħerba kbira.  Iżda lkoll kemm aħna nistgħu, f’ħin jew ieħor, innislu l-ordni, l-kwiet u l-paċi, permezz ta’ kliem li jberred jew li jfarraġ jew ukoll billi nżommu s-skiet flok intawlu lsienna.

 

 

 

 

 

 

 

11 TA’ NOVEMBRU

 

SAN MARTIN TA’ TOURS Isqof: 316 – 397

 

San Martin twieled fis-sena 316, minn ġenituri pagani f’Sabaria, l-Ungerija, fejn missieru li kien fizzjal fl-Armata Rumana kien stazzjonat.  Ftit wara, missieru ġie trasferit f’Pavia, l-Italja.

 

Ta’ ħmistax-il sena, daħal fl-Armata Rumana, u xi sentejn wara ntbagħat f’Amiens, Franza.  Hawn iltaqa’ ma’ wieħed fqir, li kien qed iterter bil-bard, ġietu ħniena minnu, qabad il-mantell li kellu fuqu, qasmu fi tnejn u tah biċċa.  Bil-lejl kellu viżjoni li dak il-fqir kien Ġesù stess.

 

M’għaddiex  żmien twil, meta ħalla l-Armata, u tgħammed.  Wara mar Poitiers fejn ġie ordnat saċerdot minn San Ilarju, li kien Isqof ta’ Poitiers.

 

San Martin talab lill-Isqof biex jagħtih biċċa art biex hemm ikun jista’ jgħix fis-solitudini.  Hawn bdew jingħaqdu miegħu xi eremiti oħrajn, u bil-mod bena dak li kellu jkun l-ewwel monasteru ta’ Franza, ġo Linuge’, li malajr iffjorixxa.

 

Meta miet San Ilarju, in-nies bi ħġarhom marru għal San Martin, ġabuh u għamluh Isqof tagħhom fis-sena 371.

 

Bħala Isqof baqa’ jgħix ħajja umli u sempliċi, iżda kien sod ħafna kontra l-eretiċi, għalkemm flimkien ma’ San Ambroġ kien kontra li l-eretiċi jiġu kkundannati għall-mewt.

 

Miet fit-8 ta’ Novembru 397, fl-eta’ ta’ 81 sena.

 

San Martin huwa l-ewwel Qaddis fil-Knisja tal-Punent, li ġie pubblikament ivvenerat qaddis, għalkemm ma kienx miet martri.  Difnuh f’Tours.

 

Fi Franza hemm madwar 4,000 knisja msemmijin għalih.

 

Il-kelma kappella ġejja mill-Latin ”Cappella”, u din hi ġejja mill-Franċiż ”Chapele”.  Jgħidu li l-oratorju fejn kienet meqjuma l-kappa (bil-Franċiż Chape) li San Martin qasam mal-fqir iterter bil-bard, beda jissejjaħ ”Chapele”.

 

Ħsieb:

Il-karita’ u t-talb kienu żewġ virtujiet jiddominaw bis-sħiħ fil-ħajja ta’ San Martin.  Wara kollox dawn huma l-pedament tal-qdusija fil-ħajja ta’ kull nisrani.

 

 

 

 

 

 

 

12 TA’ NOVEMBRU

 

SAN ĠOSAFAT - Isqof u Martri: 1580? – 1623

 

Ġwanni Kunsevich twieled fl-Ukrajna, għall-ħabta ta’ l-1580, minn ġenituri Ortodossi.  Missieru kien neguzjant.  Meta kiber kellu jkun l-ewwel mexxej kbir tal-Kattoliċi Ruteni (Parti mill-Polonja u mir-Russja) li qabel ma’ ngħaqdu mal-Knisja ta’ Ruma fl-1595, kienu Xiżmatiċi.

 

Ma kellu l-ebda ħajra li  jsir negozjant, anzi wara li ħaddan il-fidi kattolika daħal reliġjuż fil-monasteru ta’ San Bażilju meta kellu madwar 24 sena, fl-1604.

 

Fl-1609 ordna saċerdot, u ħa l-isem ta’ Ġosafat.  Sa mill-bidu ta’ l-ordinazzjoni tiegħu beda jaħdem biex jgħaqqad il-Knisja Ortodossa ma’ ta’ Ruma.

 

Fl-1614 sar Abbati.  Fl-1617, sar Isqof ta’ Vitebsk, Russja, u ftit żmien wara, meta kellu 38 sena, inħatar Arċisqof ta’ Polotsk.  Bil-ħidma ħabrieka tiegħu, l-Arċidjoċesi saret kważi kollha Kattolika.

 

Fl-1620, meta San Ġosafat kien f’Varsavja, il-Patrijarka Xiżmatiku tal-Palestina waqqafr Ġerarkija Xiżmatika f’Polotsk, b’Melezju bħala Arċisqof.

 

Meta Ġosafat raġa’ lura fl-Arċidjoċesi sab taħwid kbir.  Għad li Polotsk baqgħet sħiħa, inħawi oħra ta’ l-Arċidjoċesi inħakmu minn tensjonijiet kbar, speċjalment Vitebsk li sar Ċentru ta’ ħafna nkwiet.

 

Bil-ħsieb li jnaqqas it-tensjoni, Ġosafat mar Vitebsk.  Iżda xi Xismatiċi fanatiċi armati, daħlu fid-dar fejn kien qed joqgħod, qabduh, sawtuh sa ma qatlu u tefgħu ġismu fix-xmara Dvina.  Wara, ġismu ttieħed Polotsk.

 

Miet fit-12 ta’ Novembru 1623.  Huwa sar magħruf bħala l-Appostlu ta’ l-għaqda bejn il-Knejjes Insara.

 

Il-martirju tiegħu ġab l-Għaqda fost l-Insara, u saħansitra xi snin wara, Melezju għamel penitenza.  L-Għaqda tar-Ruteni baqgħet sakemm l-Imperatriċi Katarina II tar-Russja u Nikola I għaqqdu bil-forza r-Ruteni Kattoliċi mal-Knisja Xiżmatika tar-Russja.

 

San Ġosafat kien l-ewwel wieħed mill-Lvant li ġie kkanonizzat formalment mill-Knisja, fl-1867.

 

Ħsieb:

Kull min jidħol għal xi kariga ma jaċċettax biss l-awtorita’, l-unur u l-benefiċċi, imma wkoll il-qadi sewwa u bla biża’ ta’ dmirijietu akkost li b’hekk iġib fuqu xi inkonvenjenzi kbar.

 

 

 

 

 

 

 

 

15 TA’ NOVEMBRU

 

SAN ALBERTU L-KBIR Isqof u Duttur tal-Knisja: 1206 – 1280

 

San Albertu twieled f’Lauingen f’xatt id-Danubju, il-Ġermanja, fl-1206.  Kien l-iben il-kbir ta’ familja sinjura ħafna, nobbli u aristokratika.

 

Kien qed jistudja fl-Universita’ ta’ Padova meta ħass li kellu jsir saċerdot, u kontra x-xewqat tal-familja tiegħu daħal mad-Dumnikani fl-1223.

 

In-novizzjat tiegħu għamlu f’Cologne, il-Ġermanja.  Ħames snin wara, beda jgħallem fil-kulleġġi tad-Dumnikani.

 

Fl-1245, ħa d-Dottorat fit-teoloġija mill-Universita’ ta’ Pariġi.  Kien l-ewwel Dumnikan li kiseb grad hekk għoli.  Minnufih beda jgħallem it-teoloġija fl-istess Universita’.  Hawn kellu lil San Tumkas ta’ Aquino bħala student tiegħu.

 

Fl-1428, ġie maħtur Reġġent ta’ l-istudji f’Cologne, fejn iż-żgħażagħ Dumnikani kienu jiġu mħarrġin biex isiru predikaturi tajbin kif kien jitlob minnhom l-Ordni.

 

San Albertu kien imżejjen b’intelliġenza straordinarja.  Kien awtorita’ fil-Fiżika, Ġometrija, Bioloġija, Ġografija, Astronomija, u oħrajn, flimkien max-Xjenzi Teoloġiċi.  Dawk li kienu jafuh, kienu jiskantaw kif moħħ ta’ bniedem wieħed sata’ jkollu dak l-għerf kollu, u fl-istess ħin ikun bniedem sempliċi, b’fidi kbira, umli u qaddis li kien iqatta’ ħafna ħin quddiem l-Ewkaristija.  Minħabba l-ġenju u l-għerf fenominali tiegħu huwa magħruf bħal Duttur Universali.

 

Fl-1254, ġie elett Provinċjal ta’ l-Ordni fil-Ġermanja, iżda wara sentejn irreżenja.

 

Fl-1260, il-Papa Urbanu IV ħatru Isqof ta’ Regensburg, il-Ġermanja.  Wara sentejn irreżenja.  Xtaq jiddedika ruħu għat-tagħlim.

 

Fl-1278, waqt li kien qed jagħti ’lecture’, f’daqqa waħda l-memorja ħallietu għal kollox, u ma ġietu qatt lura sakemm miet sentejn wara, f’Cologne, fil-15 ta’ Novembru 1280, meta kellu 75 sena.  Miet fil-paċi, ħelu ħelu, bilqiegħda fuq is-siġġu tiegħu, bla mard, imdawwar minn hutu d-Dumnikani.

 

Ġie ddikjarat Qaddis u pproklamat Duttur tal-Knisja mill-Papa Piju XI, fl-1931.

 

Ħsieb:

Hemm xi wħud li jixtiequ l-għerf biex jitkabbru, dik hi għarukaza.  Oħrajn biex isiru magħrufa, dik hi vanita’ u għajb.  Oħrajn biex jakkwistaw il-flus u l-favuri, dan hu skreditu.  Iżda hemm oħrajn li jixtiequ l-għerf biex ikunu jistgħu jgħinu lill-oħrajn, u dik hi karita’.  Oħrjn biex itejbu lilhom infushom., dik hi prudenza.  Minn dawn it-tipi kollha, it-tnejn ta’ l-aħħar biss jużaw l-għerf tajjeb u kif għandu jkun.

                                                (San Bernard: Priedka fuq l-Għanja ta’ l-Għanjiet)

 

 

 

 

 

 

 

 

16 TA’ NOVEMBRU

 

SANTA MARGERITA TA’ L-ISKOZJA - Reġina: 1046? – 1093

 

Santa Margerita twieldet aktarx fl-Ungerija, meta l-ġenituri tagħha li kienu Prinċpijiet ta’ nisel Ingliż, kienu qed jgħixu hemm waqt ir-renju ta’ Canute biex ikunu fiż-żgur.

 

Ma nafux sew meta twieldet, iżda żgur qabel mal-ġenituri tagħha marru lura fl-Ingilterra, fl-1057.  

 

Meta mbagħad l-Ingilterrra waqgħet taħt il-ħakma ta’ William the Conqueror, ommha u hi, għax missiera kien ġa miet, ħarbu u sabu refuġju fl-Iskozja.

 

Ir-Re Malcolm III ta’ l-Iskozja ħa grazzja ma’ Margerita u żżewwiġha, meta kellha 24 sena, fl-1070.  Kellhom tmint itfal, sitt subien u żewġt ibniet.

 

Żewġha kien wieħed minn dawk li jitlagħlu malajr, iżda Margerita b’imħabbitha u bil-għaqal tagħha għamlitu raġel mill-aħjar.  Hija ħadet ħsieb uliedha, edukathom, u nisslet fihom l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.

 

Tnejn minn uliedha saru patrijiet.  Tlieta oħra saru, wieħed wara l-ieħor, mexxejja ta’ pajjiżhom u ggvernaw b’għaqal kbir.  Waħda miż-żewġt ibniet tagħha saret qaddisa, Santa Matilda.

 

Hija ħabirket ħafna biex l-edukazzjoni u r-Reliġjon jissaħħu fost il-poplu.  Ħabirket ukoll u għenet kemm setgħet biex inbnew bosta knejjes u istituti tal-karita’.

 

Kienet mhux biss tmur fl-isptarijiet u fl-istituti u tgħinhom bi flusha, imma kienet ukoll tmidd idejha u ddur bil-morda hi stess.

 

Minkejja l-ħafna xogħol li kellha, kienet issib ħin għat-talb.  Kienet tiċċaħħad ħafna mill-ikel u ssum darbtejn fis-sena, għall-Għid u għall-Milied.

 

Meta kellha 47 sena, mardet u kienet fuq is-sodda tal-mewt x’ħin ġietha l-aħbar li  żewġha u binha l-kbir mietu f’battalja kontra r-Re William Rufus li kien invada l-Iskozja.  Erbat ijiem wara, mietet hi wkoll, fis-16 ta’ Novembru 1093, u l-Papa Innoċenzu IV ikkanonizzaha fl-1250.

 

Santa Margerita hija l-Patruna ta’ l-Iskozja.

 

Ħsieb:

Min jgħix ħajja tajba, ma jistax ma jispirax oħrajn biex huma wkoll jgħix ħajja tajba.  Il-kelma tqanqal, imma l-eżempju jkaxkar.

 

 

 

 

 

 

 

 

16 TA’ NOVEMBRU

 

SANTA GERTRUDE - Verġni: 1256 – 1301

 

Santa Gertrude twieldet fl-1256, f’Eisleben, Ġermanja.  Hi waħda mill-Mistiċi l-kbar tas-seklu tlettax.

 

Meta kellha ħames snin ġiet fdata f’idejn is-Sorijiet Benedittini, f’Helftne, fejn is-soru li kienet tieħu ħsiebha kienet Santa Mektilde.

 

It-tifla kienet intelliġenti u studjuża.  Tgħallmet il-Latin u saret taf tiktbu b’ħeffa u b’eleganza.

 

Ipprofessat Soru fl-istess monasteru li kienet daħlet fih meta kienet għadha tifla ċkejkna.

 

Ta’ 26 sena kellha l-ewwel esperjenza tal-viżjonijiet u r-rivelazzjonijiet li baqa’ jkollha sakemm mietet, għoxrin sena wara, fis-16 ta’ Novembru 1301.

 

Kellha mħabba kbira lejn Ġesù fl-Ewkaristija, u kienet waħda minn tal-bidu nett li bdiet ixxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb Santissima ta’ Ġesù.

 

Ħsieb:

In-nies li jħobbu ħafna ’l Alla joqogħdu tant attenti biex ma joffenduhx, u anke d-difetti żgħar tagħhom jarawhom kbar.  ”L-iktar miraklu li nara huwa, kif id-dinja tissaporti midinba li ma tiswa xejn bħali”.     (Santa Gertrude)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

17 TA’ NOVEMBRU

 

SANTA ELIŻABETTA TA’ L-UNGERIJA 1207 – 1231

 

Fil-ħajja qasira tagħha, Santa Eliżabetta spikkat fl-imħabba kbira li kellha lejn il-foqra u lejn il-morda.

 

Aktarx li twieldet fl-1207, f’Sarospatak, fl-Ungerija.  Missierha kien ir-Re Indri II ta’ l-Ungerija, u ommha kienet ir-Reġina Ġertrude ta’ Merano, għalhekk trabbiet f’ħafna kumdita’.

 

Fl-1221, meta kellha biss 14-il sena, iżżewġet lil Ludoviku IV, Landgraf tat-Turinġja, fil-Ġermanja.  Żewġha kellu 21 sena , 7 snin akbar minnha.  Kien żwieġ qasir, imma kien tassew hieni għax kienu jinħabbu ħafna.  Kellhom tlitt itfal.

 

Sa minn ċkunitha kellha qalba tajba mal-fqar u l-morda.  Meta żżewġet sabet l-għajnuna ta’ żewġha għax hu wkoll kien karitattiv.

 

Bl-għajnuna ta’ żewġha, bniet sptar ħdejn il-palazz tagħha, u hi stess kienet tmur iddur bil-morda.  Ġie li ġara li meta l-isptar kien ikun mimli bil-pazjenti, kienet tieħu l-morda fil-palazz tagħha.

 

Fil-knisja qatt ma daħlet bil-kuruna fuq rasha, kienet tgtħid: ”Kif nista’ jien nidher bil-kuruna tad-deheb u l-ħaġar prezzjuż fuq rasi, meta Ġesù hu nkurunat bix-xewk?”

 

Wara sitt snin ta’ ħajja l-iktar kuntenta fiż-żwieġ, żewġha miet fl-Italja minn marda li ħakmitu waqt li kien qed jieħu sehem fil-Kruċjata ta’ l-Imperatur Frederiku II, fl-1227.

 

L-għedewwa politiċi ta’ żewġha keċċewha mill-palazz, u eżiljawha.  Hi ma kkonfondietx.  Irtirat f’post jismu Marburg, bniet sptar ieħor, u ntefgħet b’ruħha u b’ġisimha ddur bil-morda.

 

Mietet fis-16 ta’ Novembru 1231, meta kellha 24 sena.  Il-Papa Girgor IX iddikjaraha Qaddisa fl-1235, erba’ snin biss wara mewtha.  Hija l-Patruna ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Karita’ tal-Knisja.

 

Ħsieb:

Santa Eliżabetta saret Qaddisa mhux għaxiżżewġet meta kellha 14-il sena, lanqas għax kellha tlitt itfal qabel għalqet l-għoxrin, lanqas għax romlot ta’ għoxrin, lanqas għax mietet ta’ 24 u ħalliet warajha tlitt itfal żgħar; iżda għax uriet imħabbitha lejn Alla fil-proxxmu, billi saret fqira biex tgħin il-foqra,  ħliet saħħitha ddur bil-morda.  Aħna kemm narawh ’l Alla f’ħutna li naslu niftaqru u naħħlu saħħitna għalihom?  Sa fejn tasal imħabbitna għal Alla fl-oħrajn?

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

18 TA’ NOVEMBRU

 

ID-DEDIKAZZJONI TAL-BAŻILIKI TA’ SAN PIETRU U TA’ SAN PAWL

 

Hemm tradizzjoni li tgħid li l-Papa San Anakletu, it-tieni Papa li laħaq wara San Pietru, bena żewġ kappelli, waħda fuq il-qabar fejn kien hemm midfun San Pietru, taħt l-għolja tal-Vatikan, f’Ruma, u oħra fuq il-qabar fejn kien hemm midfun San Pawl, ftit ’il barra minn Ruma, fit-triq lejn il-belt ta’ Osita.

 

Fis-sena 326, Kostantinu l-Kbir bena knisja flok il-kappella li kien hemm fuq il-qabar ta’ San Pietru, li għal kważi tnax-il seklu baqgħet kważi l-istess.  Magħha nbena palazz li serva bħala residenza tal-Papiet wara l-eżilju ta’ Avignon.

 

Biż-żmien din il-knisja saret żgħira wisq, u fl-1506, il-papa Ġulju II beda jibni l-Bażilika li hemm illum fuq il-pjani ta’ Bramante.  Damet tinbena 120 sena, b’ħafna tibdil ta’ pjani u adattamenti, l-iktar mill-Papa Pawlu V u minn Mikelanġlu.

 

Din il-knisja msemmija għal San Pietru, illum hi magħrufa wkoll bħala ”Il-Vatikan”.  Hi l-ikbar knisja fid-dinja, tesa’ 50, 000, u l-Papa Urbanu VIII ikkonsagraha fit-18 ta’ Novembru 1626.

 

Il-martirju ta’ San Pawl ġara ftit kilometri ’l bogħod minn dak ta’ san Pietru, fil-post ta’ Aquae Salviae (Tre Fontane), fit-triq Ostia, u difnuh xi ħames kilometri ’l bogħod.

 

Anke fuq il-qabar ta’ San Pawl, Kostantinu kien bena knisja flok il-kappella li kien kien bena San anakletu.

 

Din il-knisja wkoll kienet saret żgħira, u l-Papa San Ljun il-Kbir u l-Imperatur Teodozju bnew Bażilika flokha, li nħarqet fl-1823, iżda reġgħet inbniet mill-ġdid.  Hi twila 400 pied, u hi wkoll sabiħa bħal dik ta’ San Pietru.  Ġiet ikkonsagrata mill-Papa Piju IX fl-10 ta’ Diċembru fl-1854, jumejn wara l-proklamazzjoni tad-Domma ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni, iżda l-kommemorazzjoni tagħha ssir llum ma’ dik ta’ San Pietru.

 

Ħsieb:

Għall-ewwel kien hemm kappelli żgħar, imbagħad inbidlu fi knejjes, u llum hemm bażiliki kbar il-ġmiel tagħhom.  Dejjem ikbar, dejjem isbaħ, dejjem aħjar!  Hekk ukoll fil-perfezzjoni nisranija hemm tliet gradi: L-ewwel grad hu li tobgħod il-ħażen għall-imħabba ta’ Alla;  it-tieni li tagħmel il-ġid u t-tajjeb biex togħġob ’l Alla;  it-tielet li tħobb ’l Alla għalih innifsu u l-proxxmu għall-imħabba t’Alla.

 

 

 

 

 

21 TA’ NOVEMBRU

 

IL-PREŻENTAZZJONI TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 

Din il-festa tfakkar il-jum tal-konsagrazzjoni (fis-sena 543) tal-knisja ta’ Santa Marija mibnija qrib it-tempju f’Ġerusalemm.

 

Permezz ta’ din il-festa aħna niċċelebraw il-”konsagrazzjoni” ta’ Marija lil Alla, li sa minn ċkunitha tatu lilha nnifisha kollha kemm hi, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu li mlieha bil-grazzja tiegħu fit-tnissil tagħha bla tebgħa.

 

Skond tradizzjoni antika ħafna, meta l-Madonna kienet għadha tifla żgħira, il-ġenituri tagħha, Santa anna u San Ġwakkin, għamlu vjaġġ ta’ madwar mija u tletin kilometru, minn Nazaret għal Ġerusalemm, biex jippreżentawha lil Alla, u jħalluha f’idejn in-nisa twajba tat-tempju.  Dan għamluh biex iżommu wegħda li kienu għamlu li jekk ikollhom tarbija jikkonsagrawha lil Alla.  Minn dak iż-żmien, il-Madonna ġiet imrobbija u edukata ma’ tfal oħra, minn dawn in-nisa.  Għalhekk il-Madonna kibret f’ambjent ta’ talb, meditazzjoni, u fil-qadi tas-sagrifiċċju lil Alla.

 

Din il-festa oriġinat fis-Sirja u daħlet fil-Punent fiż-żmien meta l-Papiet kienu f’Avignon, mill-Papa Girgor XI.  Għall-ewwel kienu jiċċelebrawha biss il-patrijiet Franġiskani Minuri, iżda ma damietx ma bdiet tiġi ċċelebrata wkoll fil-kurja tal-Papa f’Avignon.

 

Ħsieb:

O Marija, Omm qaddisa ta’ Alla, inti tempju tal-Mulej, u santwarju ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Ħadd daqsek ma għoġob lil Sidna Ġesù Kristu.  Għinna biex aħna wkoll nogħġbu lil Ġesù bl-aħjar mod li nistgħu.

 

 

 

 

 

 

22 TA’ NOVEMBRU

 

SANTA ĊEĊILJA Verġni u Martri: it-Tieni jew it-Tielet Seklu

 

Skond leġġenda Rumana, Santa Ċeċilja kienet mill-belt ta’ ruma.  Sa minn ċkunitha bdiet tħobb lil Ġesù, u iktar ma kienet qed tikber, iktar kienet issir tħobbu.  Kienet għadha daqsxejn ta’ tfajla meta offrietlu ħajjitha u l-verġinita’ tagħha.  Iżda biex tobdi lill-ġenituri tagħha, iżżewġet lil żagħżugħ nobbli pagan, jismu Valerjanu.  Ftit wara ż-żwieġ, ikkonvertietu, u hu kkonverta wkoll lil ħuh, Tiburzju.  It-tnejn inqabbdu li kienu Nsara, u ġew ikkundannati għall-mewt flimkien ma’ uffiċjal jismu Maximus.  Santa Ċeċilja ddispjaċiha ħafna li kellhom imutu fil-fjur ta’ ħajjithom, iżda fl-istess ħin ferħet li mietu martri għal Ġesù.  Hi stess difnithom.  Ftit ġranet wara, hi wkoll mietet martri, wara agunija ta’ tlett ijiem. Minħabba ferita li sofriet bid-daqqa tal-mannara fuq għonqha.

 

Għalkemm din hi storja sabiħa ta’ mara nisranija li ħarset xbubitha u tat ħajjitha għall-imħabba ta’ Kristu, mhix ibbażata fuq materjal awtentiku.  Bdanakollu fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu, f’Ruma, hemm qabar b’lapida li ġġib isimha, u sa mis-seklu ħamsa ġa kienet inbniet knisja f’Ruma għall-ġieħ tagħha.

 

Santa Ċeċilja hija l-patruna tal-mużiċisti.

 

Ħsieb:

Min iħobb lil Ġesù ma jkunx kuntent li jħobbu waħdu, imma jħabrek biex jarah maħbub minn oħrajn.  Mhux hekk għamlet Santa Ċeċilja?  Għalhekk filwaqt li aħna nikbru dejjem iżjed f’imħabbitna lejn Ġesù, infittxu li permezz tagħna oħrajn ukoll isiru jħobbuH iżjed.

 

 

 

 

 

 

 

23 TA’ NOVEMBRU

 

SAN KLEMENT I   Papa u Martri: ? – 101?

 

Mill-ittra li San Klement stess kiteb lill-Korintin, nafu li kien ta’ nisel Lhudi, imwieled f’Ruma.

 

Hemm tradizzjoni li tgħid li San Klement kien ikkonvertiet minn San Pietru, mar Ruma ma’ San Pawl, u kien ikkonsagrat minn San Pietru.

 

San Pawl isemmih fl-ittra tiegħu lill-Filippin. (4:3)

 

Meta San Pietru miet, laħaq floku San Linu.  Wara San Linu sar San Anakletu, u wara laħaq San Klement I.

 

F’madwar is-sena 96 kiteb ittra lill-Insara tal-Belt ta’ Korintu, minħabba xiżma li kienet nibtet fosthom, fejn ħeġġiġhom biex jibqgħu magħqudin fl-imħabba bejniethom u mal-Mulej Ġesù.  Din l-ittra hija l-ewwel dokument li għandna sal-ġurnata tal-lum miktub mill-ewwel Papiet.

 

It-tradizzjoni li San Klement I kien eżiljat fil-Krimea u sofra l-martirju billi rabtulu mażżra ma’ għonqu u tefgħuh il-baħar u ħallewh jegħreq hi bla fondazzjoni.  Iżda t-tradizzjoni l-oħra li l-knisja ta’ San Klement f’Ruma nbniet fuq il-post fejn qabel kien hemm id-dar tiegħu, hi ta’ min joqgħod fuqha.

 

Ħsieb:

Bla dubju aħna qatt ma nistgħu nkunu fl-istess pożizzjoni għolja li fiha kien San Klement.  Iżda m’hemmx dubju li bħalu nistgħu nagħtu sehemna biex ma nħallu l-ebda firda tinbet bejnietna, u li nsaħħu dejjem iżjed l-għaqda li ġa teżisti.

 

 

 

 

 

 

23 TA’ NOVEMBRU

 

SAN KOLUMBANU

Abbati: 545? – 615

 

San Kolumbanu twieled f’Leinster, fl-Irlanda, fl-ewwel nofs tas-seklu sitta.

 

Biex jaħrab mit-tlellix tad-dinja, u fuq il-parir ta’ san Comgall, daħal patri fil-Monasteru ta’ Bangor, Ulster.

 

Għall-ħabta tas-sena 585, flimkien ma’ tnax minn sħabu, mar Franza, fejn is-sultan tal-Borgonja, Gontram, tah biċċa art xagħrija li fuqha kien hemm il-kastell ta’ Annegray nofsu mwaqqa’.  F’dan il-kastell San Kolumbanu waqqaf l-ewwel monasteru tiegħu.  Tant iffjorixxa, li f’qasir żmien kellu jibni żewġ monasteri oħra, wieħed f’Luxeuil, u l-ieħor f’Fontaine.

 

Il-monasteri ta’ San Kolumbanu, bħall-monasteri l-oħra fl-Ewropa, kienu jservu bħala sptarijiet, lukandi rziezet, u postijiet ta’ kultura u tagħlim.  Ir-regola li ppreskiva għall-monasteri tiegħu kellha bħal l-għan ewlieni l-imħabba t’Alla u tal-proxxmu, u kienet ibbażata fuq dixxiplina stretta ta’ talb, studju u xogħol.

 

Fis-sena 610 ħalla Franza u mar il-Ġermanja.  Minn kull fejn kien jgħaddi kien iqanqal vokazzjonijiet.  Mill-Ġermanja mar l-Italja, fejn bena l-monasteru famuż ta’ Bobbio, fis-sena 614.  Sena wara, miet f’dan il-monasteru, fit-23 ta’ Novembru.

 

Ir-relikwi tiegħu jinsabu fil-kripta tal-knisja ta’ l-istess monasteru.

 

San Kolumbanu sar wieħed mill-ikbar missjunarji Irlandiżi.  Għalhekk jistħoqqlu ġieħ kbir għall-ħidma siewja li wettaq b’risq il-ħajja nisranija u reliġjuża.

 

Ħsieb:

B’ħilitna u b’qalbna kollha nfittxu li nipperfezzjonaw ħajjitna f’għajnejn Alla, billi ħsibijietna, xewqatna, għemilna, kemm jekk nieklu jew nixorbu jew nagħmlu x’magħmlu, nagħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla.

 

 

 

 

 

 

24 TA’ NOVEMBRU

 

SAN ANDRIJA DUNG-LAC - Saċerdot, u sħabu Martri: 1839 – 1867

 

Il-kanonizzazzjoni ta’ 117-il martri tal-Vietnam saret mill-Papa Ġwanni Pawlu II fid-19 ta’ Ġunju 1988.  Kienet waħda mhix tas-soltu fl-istorja tal-kanonizzazzjoni tal-Qaddisin.

 

In-nunru 117 kien l-ikbar għadd ta’ qaddisin martri li qatt ġew ikkanonizzati f’daqqa.  Fosthom kien hemm tmien isqfijiet, ħamsin saċerdot, seminarista, u lajċi.  Minnhom, 96 kienu Vietnamiżi, 11 Spanjoli u 10 Franċiżi.  Kien hemm 35 patri mill-Ordni Dumnikan, 10 kienu saċerdoti tas-Soċjeta’ tal-Missjoni Estera’ ta’ Pariġi, oħrajn kienu minn fost il-kleru indiġenu, u seminarista.  Barra minn hekk fost il-lajċi kien hemm missirijiet ta’ familji, omm, 16-il katekist,sitt suldati, erba’ tobba, ħajjat, bdiewa, sajjieda u kapijiet ta’ komunitajiet insara.

 

Sitta minnhom mietu bil-qtugħ tar-ras, oħrajn mgħallqin, oħrajn maħruqin ħajjin, oħrajn qattgħulhom ġisimhom biċċa biċċa, oħrajn mietu minħabba t-turmenti kbar li sofrew.

 

Ngħidu xi ħaġa fil-qosor fuq xi wħud minnhom:

 

San Andrija Dung Lac twieled fit-tramuntana tal-Vietnam fl-1795, minn ġenituri fqar pagani li fdawh f’idejn wieħed katekista.  Meta kiber sar katekista, imbagħad sar saċerdot fl-1823, u ħadem f’bosta nħawi tal-pajjiż.  Tefgħuh il-ħabs iktar minn darba.  Miet martri fl-1839, fl-eta’ ta’ 44 sena.

 

San Vinċens Liem miet martri fl-1773.  Kien l-ewwel wieħed fost il-Vietnamiżi li ta’ ħajtu għal Kristu.

 

San Tumas Tran Van twieled fl-1820 fin-nofs tal-Vietnam.  Arrestawh meta kien seminarista, u qatluħ fl-1838, ta’ 18-il sena.

 

San Manwel de Van Phung twieled fin-nofsinhar tal-Vietnam, sar katekista, u kien missier ta’ familja.  Miet martri  fl-1859.

 

San Valentin Berrio Ochoa, patri Dumnikan Spanjol mar il-Vietnam fl-1858, sar Isqof u miet martri fl-1861 fl-eta’ ta’ 34 sena.

 

San Jean-Theophane Venard, Franċiż mis-Soċjeta’ tal-Missjoni Estera ta’ Pariġi, mar fil-Vietnam fl-1854 u sofra l-martirju fl-1861 fl-eta’ ta’ 32 sena.

 

Ħsieb:

”Meta Alla jiġi għalihom, huma jiddu, bħal xrar tan-nar li jżiġġ f’għalqa bil-qasab.” (Għerf 3:7) (Il-Papa applika dan il-vers għall-martri tal-Vietnam fl-omelija tal-quddiesa tal-kanonizzazzjoni tagħhom)

 

 

 

 

 

 

 

30 TA’ NOVEMBRU

 

SAN ANDRIJA Appostlu: L-ewwel Seklu

 

San Andrija, bħal missieru Ġona, u ħuh San Pietru, kien sajjied, minn Betsajda.  Il-familja tiegħu kellha dar f’Kafarnahum, fejn Ġesù ġie li mar.

 

Għall-ewwel kien dixxiplu ta’ San Ġwann il-Battista, u l-ewwel darba li ra ’l Ġesù kien f’Bedsajda, meta kien ma’ San Ġwann li kien qiegħed jgħammed.  Dak il-ħin li kien għaddej Ġesù, San Ġwann qal:”Hekk hu l-Ħaruf t’Alla”.

 

San Andrija flimkien ma’ dixxiplu ieħor, mar ħdejn Ġesù, u Ġesù staqsieh x’kellu bżonn.  Hu wieġbu li xtaq ikun jaf fejn joqgħod, u Ġesù qallu:”Ejja, u ara”.  Imbagħad, San Andrija u sieħbu qattgħu l-kumplament tal-jum ma’ Ġesù.

 

L-għada mar sab lil ħuh, Xmun, u qallu: ”Sibna l-Messija”, u ġabu għand Ġesù li bidillu ismu f’Pietru.

 

Hekk iż-żewġ aħwa saru dixxipli ta’ Ġesù, iżda ma qagħdux kontinwament miegħu, għax ġie li marru d-dar.

 

Darba waħda Ġesù ltaqa’ magħhom it-tnejn waqt li kienu qed jistadu u qalilhom: ”Ejjew, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.  Marru, u minn dak in-nhar baqgħu dejjem ma’ Ġesù.

 

Ftit qabel il-Passjoni, meta Ġesù kien f’Betanja fid-dar ta’ Lażżru, xi Griegi ltaqgħu ma’ Filippu u qalulu li xtaqu jaraw lil Ġesù.  Filippu qal b’dan lil Indri u flimkien marru jgħidu lil Ġesù. (Ġn. 12:20)

 

Darb’oħra meta Ġesù xabba’ bl-ikel ħamest elef ruħ, kien San Andrija li qal lil Ġesù li kien hemm tifel li kellu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. (Ġn. 6:9)

 

Wara l-mewt ta’ Ġesù, San Andrija mar jippriedka l-Vanġelu fil-ġreċja, u fit-Turkija, u x’aktarx fil-Polonja u fir-Russja.

 

Sofra l-martirju f’Akajja, fiż-żmien il-persekuzzjoni ta’ Neru.  Ġie marbut ma’ salib forma ta’ X biex idum iktar ma jmut.  Infatti miet wara jumejn.

 

Ġismu ttieħed f’Kostantinopli fis-sena 357, u mqiegħed fil-knisja ta’ l-Appostli, mibnija minn Kostantinu l-Kbir.

 

Ħsieb:

Wara li San Andrija kien iltaqa’ ma’ Ġesù, mar ġab lil ħuh ukoll, (u wara, min jaf kemm nies saru jafu, u jħobbu lil Ġesù permezz tiegħu).  X’qed nagħmlu aħna biex l-ewwelnett aħna stess insiru nafu aħjar u nħobbu iktr lil Ġesù,u biex ukoll narawh iktar magħruf u maħbub mill-oħrajn?