QADDISIN GĦAL ĠUNJU

 

1 TA’ ĠUNJU

 

SAN ĠUSTINU

Martri: lejn 100 - 165

 

San Ġustinu twieled f’Nablus, fis-Samarja, f’madwar is-sena 100, għand familja ta’ oriġini Grieg.

 

Sar filosofu kbir pagan li kien jammira ħafna lil Plato.   Imma, bil-għerf u bit-tagħlim kollu li kellu, qatt ma ħassu sodisfatt.

 

Darba, meta kien qrib Lixandra, l-Eġittu, iltaqa’ ma’ raġel xiħ li kien Nisrani u dan tah ħjiel li r-Reliġjon Nisranija setgħet twieġeb tajjeb għall-mistoqsijiet li kienu qed jinkwetawh, l-iżjed dwar l-eżistenza  u  l-ħajja.

 

Sadattant hu kien jistagħġeb bil-ferħ, bil-paċi u bil-kuraġġ li l-Insara kienu juru fil-martirju tagħhom.  Din il-fidi ħajja ta’ l-Insara, flimkien ma’ l-istudju li kien beda jagħmel ta’ l-Iskrittura, ġabu fih il-konverżjoni tiegħu, u tgħammed meta kellu madwar tletin sena.  Hekk sar l-ewwel filosofu Nisrani.

 

Għallem u ddefenda b’ħila kbira u b’kuraġġ qawwi r-Reliġjon Nisranija f’bosta postijiet, minn Efesu fejn kien dam bosta snin, sa Ruma fejn fetaħ skola li dawk li jattendu fiha kien jeħtiġilohom jistudjaw ir-Reliġjon Nisranija.

 

Il-kitba fuq ir-Reliġjon u l-apoloġiji tiegħu li tnejn minnhom huma indirizzati lill-Imperatur Antoninus u lis-Senat, jagħmluh bħala wieħed mill-aqwa difensuri tal-Fidi Nisranija.

 

Fi żmien Marku Awrelju, ġie akkużat li kien Nisrani, u flimkien ma’ sitt għorrief oħra Nsara, ħamest irġiel u mara, ġie msawwat u wara sofra l-martirju ta’ qtugħ ir-ras, meta kellu madwar 65 sena, fis-sena 165.

 

Hu u San Efrem huma l-uniċi Missirijiet tal-Knisja li ma kinux saċerdoti jew isqfijiet jew papiet.

 

Talba

Ix-xewqa tiegħi hi li nħobb lilek, Mulej Ġesù biex wara ningħaqad miegħek fil-ġenna.  (San Ġustinu)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

2 TA’ ĠUNJU

 

SAN MARĊELLINU U SAN PIETRU

Martri: ? – 304

 

San Marċellinu kien qassis u San Pietru kien eżorċista.

 

Fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu ġew mitfugħin il-ħabs għax kienu Nsara.

 

Kemm damu l-ħabs saħħew il-fidi ta’ sħabhom il-priġunieri, u saħansitra kkonvertew lill-gwardjan tal-ħabs, lil martu u ’l bintu.

 

Mill-ħabs ħaduhom bil-moħbi fil-foresta fejn qatluhom bi qtugħ ir-ras u difnuhom malajr f’ħofra li kienu ħaffru minn qabel biex żgur li ħadd ma jkun jaf fejn ġew midfuna.  Iżda ġara li l-bojja li qatilhom, hu stess sar Nisrani, u flimkien ma, Nsara oħra ħadu l-iġsma tagħhom, u difnuhom ħdejn il-katakombi ta’ Triq Labicana, fejn wara, l-Imperatur Kostantino l-Kbir bena Bażilka għall-unur tagħhom, u fiha difen ukoll lil ommu, Sant’ Elena.

 

Il-Papa Damasu I għamel skrizzjoni fuq il-qabar tagħhom, dwar dak li kien sama’ meta kien għadu tifel, minn fomm dak stess li kien qatħalhom rashom.

 

Isimhom insibuh fil-Kanoni Ruman, ta’ l-Ewwel Talba Ewkaristika tal-Quddiesa.

 

Ħsieb

Wara li tkunu batejtu għal ftit żmien, Alla li jagħti kull grazzja, li sejħilkom għas-sebħ tiegħu ta’ dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġa’ jqajjimkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod.  Tiegħu hi s-setgħa għal dejjem.                                               (1 Piet. 5:10)

 

 

 

 

 

 

3 TA’ ĠUNJU

 

SAN KARLU LWANGA U SĦABU

Martri: ? – 1886

 

Fl-1879, il-White Fathers kellhom permess mis-Sultan Mtesa ta’ l-Uganda biex jippridkaw l-Evanġelju f’pajjiżu u f’qasir żmien beda jkollhom suċċess ġmielu.

 

Iżda Mwanga, is-Sultan li laħaq wara Mtesa, qajjem persekuzzjoni qalila kontra l-Kattoliċi, li bdiet meta hu ried li l-paġġi tiegħu joqogħdu għax-xewqat żienja tiegħu, u Karlu Lwanga li kien il-kap tagħhom ma ħallihomx u waqaf bis-sħiħ lis-Sultan.

 

Is-Sultan sejħilhom ilkoll quddiemu u nsista magħhom biex ma jibqgħux Insara.  Iżda huma weġbuh li kienu ser jibqgħu Nsara sal-mewt.  Meta s-Sultan samagħhom jgħidu hekk, b’rabja kbira fuqu għajjat: ”Mela, agħtuhom il-mewt!”

 

Karlu kien l-ewwel wieħed, fost tnejn u għoxrin, li ġie mgeżwer f’tapiti tal-qasab u mogħti n-nar fil-belt ta’ Namugongo.  Tnax oħra ġew mawqtula maħruqa jew b’rashom maqtugħa iktar tard f’dik l-istess ġurnata, nhar il-festa ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema, 3 ta’ Ġunju 1886.  L-oħrajn ġew maqtula fi ġranet oħra.

 

Sa sena wara, in-numru ta’ Kattoliċi fl-Uganda kien kiber b’mod straordinarju, u llum ilaħħaq kważi nofs il-popolazzjoni kollha.

 

Meta fis-6 ta’ Ġunju 1920 dawn il-Martri ta’ l-Uganda ġew ibbeatifikati mill-Papa Benedittu XV, preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm tlett irġiel li erbgħin sena qabel meta kienu tfal raw il-martirju ta’ dawk il-qaddisin isir quddiem għajnejhom.  Fit-18 ta’ Ottubru 1964, il-Papa Pawlu VI, ikkanonizzahom.

 

Ħsieb

Il-martri kienu mmanettjati, mitfugħin il-ħabs, imsawtin, ifflaġellati, maħruqin, imqattgħin, maqtulin – u baqgħu jikbru fil-għadd.                                                               (San Wistin)

 

 

 

 

 

5 TA’ ĠUNJU

 

SAN BONIFAZJU

Isqof u Martri: 673 – 754

 

San Bonifazju, l-Appostlu tal-Ġermanja, twieled f’Devonshire, l-Ingilterra fis-sena 673, bl-isem ta’ Winfrid.

 

Ta’ seba’ snin beda l-edukazzjoni tiegħu għand il-enedittini fil-monasteru ta’ Exeter, u ta’ erbatax, daħal magħhom fil-monasteru ta’ Nursling.  Sar saċerdot meta kellu 30 sena b’xewqa kbira li jmur missjunarju fil-Ġermanja.

 

Qata’ xewqtu fis-sena 719, meta bil-Barka Appostolika tal-Papa Girgor II mar il-Ġermanja.

 

Inċident li ġara, għenu ħafna fil konverżjoni tal-Ġermanja.  Kien hemm siġra kbira f’Hessja, iddedikata lil wieħed mill-allat foloz, u n-nies kienu jmorru jagħmlu ċerimonji reliġjużi, jitolbu u joffru s-sagrifiċċji quddiemha.  San Bonifazju ddeċieda li jeqridha, u bil-għajnuna ta’ xi Nsara qaċċatha.  Hu ħaseb li kien ser jinqala inkwiet kbir, u forsi anke jitlef ħajtu, iżda ġara l-kuntrarju għax tribù wara tribù bdew ġejjin għandu biex jikkonvertu, tant li kellu jitlob lis-Superjuri tiegħu biex jibagħtulu iżjed patrijiet u magħhom sorijiet biex jgħinuh.

 

Fis-sena 722, mar Ruma biex jagħti tagħrif dwar il-ħidma tiegħu, u qabel ma telaq lura lejn il-missjoni tiegħu, ġie kkonsagrat isqof mill-Papa San Girgor II, u bidel ismu f’Bonifazju (jagħmel tajjeb).

 

Fis-sena 748, il-Papa San Ż akkarija ħatar lil Bonifazju Arċisqof ta’ Mainze u Primat tal-Ġermanja.

 

Fil-5 ta’ Ġunju 754, lejlet il-Pentekoste, kien fl-Olanda biex jamministra l-Griżma ta’ l-Isqof lil numru ta’ Nsara li kienu għadhom kemm ikkonvertew.  Ġara li waqt li kien qed ilesti ruħu għaċ-ċerimonja grupp ta’ pagani qabżu fuqu u qatlu lilu u xi ħamsin Nisrani li kienu preżenti.

 

Il-fdalijiet tiegħu tqiegħdu fil-monasteru ta’ Fulda, il-Ġermanja.

 

Ħsieb

Kollox jista’ jkun għal min jemmen. (Mk. 9:22)

 

 

 

 

 

 

6 TA’ ĠUNJU

 

SAN NORBERTU

Isqof: 1080 – 1134

 

San Norbertu twieled minn familja nobbli u sinjura Hafna f’Xanten, fuq ix-xmara Rhine, il-Ġermanja.  Ġie mrobbi fil-lussu, fil-kumdita’, fil-ħela.  Għalkemm ġie ordnat Suddjaknu, u kien ukoll Elemożinier fil-Qorti ta’ Enriku V, Imperatur tal-Ġermanja, tela’ bniedem tad-dinja.

 

Darba waħda, waqt li kien fuq żiemel għaddej mill-kampanja nqabad f’maltempata, u minħabba sajjetta fil-qrib, iż-żiemel sfratta u Norbertu waqa’ minn fuqu u ntilef minn sensih.  Meta ġie f’tiegħu għaraf kemm kien qrib tal-mewt, u li bil-ġid kollu li kellu, kien ser jidher quddiem Alla b’idu f’idu, u għalhekk iddeċieda li jbiddel ħajtu.

 

Minkejja l-ostakli li għamlulu niesu u ħbiebu baqa’ determinat li jgħix ħajja tajba, sakemm sar saċerdot fl-1115 meta kellu 35 sena.  Imbagħad mar bil-mixi, ħafi, u bla sold, jiltaqa’ mal-Papa Ġelasju II, li kien f’St. Giles, fi Franza, u akkwista min għandu s-setgħa li jippriedka kull fejn kien iħoss il-bżonn.

 

Sar predikatur kbir, u mar jippriedka wkoll fil-Belġju, u fi Franza.

Fl-1121, fuq talba tal-Papa Kallistu II, li kien fil-Konċilju ta’ Rheims, il-Ġermanja, waqqaf Ordni li billi l-bidu tiegħu kien fil-wied ta’ Premontre ġie msejjaħ l-Ordni tal-Premonstrati li f’qasir żmien infirex f’numru ta’ monasteri..

 

Fl-1126, Norbertu ġie maħtur Isqof ta’ Magdeburg.

 

Huwa ddefenda bil-qawwa kollha l-Papat.  Kien favur il-Papa Innoċenzju II, kontra l-antipapa, Anakletu.

 

Miet f’Magdeburg fis-6 ta’ Ġunju, 1134, fl-eta’ ta’ 54 sena.

 

Ħsieb

Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejħulu sakemm hu fil-qrib.  Ħa jħalli triqtu l-midneb u l-bniedem il-ħażin fehmtu; ħa jerġa lura għand il-Mulej u jħenn għalih, għand alla tagħna għax hu jaħfer ħafna. (Is. 55:7)

 

 

 

 

 

 

9 TA’ ĠUNJU

 

SAN EFREM

Djaknu u Duttur tal-Knisja: 306 –373

 

San Efrem twieled fis-sena 306, fil-belt ta’ Nisibi, fil-Mesopotamja li dak iż-żmien kienet taħt il-ħakma tar-Rumani (illum Nusaybin fit-Turkija qrib il-fruntiera mas-Sirja).

 

Ta’ tmintax-il sena sar Nisrani, u ma damx ma sar ħabib kbir ta’ l-Isqof ta’ Nisibi, San Ġakbu, li probabbilment akkumpanjah fil-Konċilju ta’ Niċea, fis-sena 325.

 

Dak iż-żmien, l-Imperu Ruman kien qed jiddgħajjef, u kien qed jitlef ħafna artijiet lill-Persjani.  Fis-sena 363, Nisibi waqgħet f’idejn il-Persjani, li kienu qed jippersegwitaw bl-aħrax lill-Insara, Efrem, li kellu madwar 57 sena, ħarab flimkien ma’ għadd kbir ta’ Nsara, mar f’Edessa (illum Urfa fit-Turkija).

 

Hemmhekk ġie ordnat djaknu minn San Bażilju l-Kbir, imma ma riedx isir saċerdot.

 

Intefa’ għall-kitba.  Fost kollox kiteb ħafna innijiet biex jitkantaw fil-knejjes, tant li ġie msejjaħ ”l-Arpa ta’ l-Ispirtu s-santu”.  Kiteb ukoll ħafna kummentarji fuq il-Bibbja, u ddefenda t-tagħlim nisrani kontra l-ereżija ta’ żmienu.

 

Miet f’Edessa, fis-sena 373.  Hu l-uniku Duttur tal-Knisja li kien Sirjan, u hu u San Ġustinu huma l-uniċi Missirijit tal-Knisja li ma kellhomx l-Ordni tas-Saċerdozju.

 

Talba

Iċcaħħadniex, Mulej, mis-sinjali tal-preżenza spiritwali tiegħek fostna; twarrabx minn qalbna l-qawwa u l-ħlewwa tal-preżenza tiegħek.  Agħtina, li nħaffu lejn is-sema pajjiżna, u agħtina minn issa xi ħjiel tiegħu. (San Efrem)

 

 

 

 

 

 

 

 

11 TA’ ĠUNJU

 

SAN BARNABA

Appostlu: L-ewwel Seklu

 

San Barnaba ma kienx wieħed mit-tnax li Ġesù sejjaħ biex ikunu appostli.  Imma sa mill-bidu nett ġie msejjaħ appostlu minħabba l-ħidma kbira tiegħu għall-Knisja.

 

Kien Lhudi, twieled f’Ċipru, trabba f’Ġerusalemm, u x’aktarx li studja fl-iskola ta’ Gamaliel, fl-istess żmien ma’ san Pawl.

 

Kien wieħed minn ta’ l-ewwel li kkonvertew għall Kristjaneżmu, f’Ġerusalemm, wara l-Pentekoste, fis-sena 29 jew 30.  kien jismu Ġużeppi, imma l-appostli bidlulu ismu f’Barnaba – Bin il-Faraġ.  Kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi.  (Atti 11:24)

 

Kellu għalqa, u biegħha, u dak li daħħal tagħha tah lill-appostli biex iqassmuh lill-foqra.

 

Meta San Pawl, tliet snin wara li kkonverta, mar Ġerusalemm, kien San Barnaba li laqgħu u ntroduċieh lil San Pietru u lill-Insara li għall-ewwel sabuha bi tqila biex jemmnu kif minn presekutur qalil, isir wieħed minnhom mimli b’ħeġġa l-iktar kbira.

 

Minn Ġerusalemm, San Barnaba mar iżur il-Knisja ta’ Antjokja.  Kien f’din il-belt li s-segwaċi ta’ Kristu bdew għall-ewwel darba jiġu msejħa Nsara.  Darba minnhom san Barnaba mar Tarsu, sab lil San Pawl, u wara li stiednu, ħadu miegħu u ħadmu flimkien biex isaħħu l-Komunita’ ġdida ta’ Antjokja.

 

Meta waqa’ għaks kbir f’Ġerusalemm u l-Insara kienu qed ibatu, San Barnaba u San Pawl ġabulhom l-għajnuna li kienu ġabru minn għand l-Insara ta’ Antjokja.

 

Imbagħad San Barnaba ngħaqad ma’ San Pawl u mar miegħu fl-ewwel vjaġġ missjunarju.  Magħhom ħadu lil Mark (l-Evanġekista, li kien il-kuġin ta’ Barnaba) li wara telaqhom f’nofs triq.

 

Meta nqalgħet il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni San Barnaba kien jaqbel ma’ san Pawl u mar miegħu għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm.

 

San Barnaba u San Pawl kienu ser jerġgħu jmorru jippridkaw flimkien iżda ma qablux fuq Mark.  San Barnaba ried li jeħduh magħhom iżda San Pawl ma riedx.  Spiċċaw biex San Barnaba ħa lil Mark u mar Ċipru, waqt li San Pawl ħa lil Sila u mar is-sirja.  Wara dan ma nafux x’sar minn San Barnaba.

 

Iżda nafu li miet martri, mħaġġar, f’Salamis, Ċipru, fis-sena 61.

 

 Ħsieb

Aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu stess u skond il-grazzja mogħtija lilna fi Kristu Ġesù sa minn dejjem.  (2Tim 1:9)

 

 

 

 

 

13 TA’ ĠUNJU

 

SAN ANTNIN TA’ PADOVA

Saċerdot u Duttur tal-Knisja: 1191 – 1231

 

Padova hi l-isem tal-belt fl-Italja fejn San Antnin għex l-aħħar snin ta’ ħajtu.  Twieled Lisbona, il-Portugall, fl-1191, minn familja nobbli, u fil-magħmudija semmewh Ferdinandu.

 

Beda l-iskola fil-Katidral ta’ Lisbona.  Ta’ ħmistax-il sena daħal mal-Kanoniċi Regolari ta’ San Wistin, iżda bill kien qed ikollu ħafna żjajjar minn qrabatu u ħbiebu talab biex ibiddel il-monasteru, u ġie mibgħut f’Koimbra.  Hawnhekk studja sew l-Iskrittura u s-Santi Padri, u ħa wkoll il-Quddiesa.

 

Fis-16 ta’ Jannar 1220 ġew maqtula fil-Marokk l-ewwel ħames martri Franġiskani, u f’dik is-sena stess ġabu l-iġsma tagħhom f’Koimbra.  Meta Ferdinandu ra l-proċessjoni għaddejja tqanqal ħafna biex jidħol mal-Franġiskani ħalli jkun jista’ jmur il-Missjoni u jmut martri.

 

Fl-1221, daħal mal-|Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Anton.  Fil-ħarifa ta’ l-istess sena telaq lejn il-Marokk.  Hemmhekk marad, u wara ftit xhur kellu jirritorna lejn pajjiżu, iżda billi l-vapur li kien fuqu ltaqa’ ma’ tempesta, flok il-Portugall sab ruħu Sqallija ġo Messina.

 

Minn Messina mar assisi fejn kellu jiltaqa’ l-Kapitlu Ġenerali, hawn ra u sama’ lil San Franġisk.  Minn hemm mar Montepaulo mal-Provinċjal fejn għex ħajja ta’ ġabra.  Darba minnhom ġie mitlub biex jagħmel kelmtejn fil-Katidral ta’ Forli, u tant ippriedka tajjeb li wara, il-Provinċjal talbu biex jagħti ruħu għall-priedki.

 

Hekk għamel, filwaqt li baqa’ jistudja u ħa d-Dottorat fit-Teoloġija.  San Franġisk sama’ b’għerfu u ħatru biex jgħallem it-teoloġija lill-Patrijiet sħabu.

 

Għamel ħafna ġiri jippriedka fl-Italja, fi Spanja, u fi Franza.  Fl-1224 kien Gwardjan, u fl-1226 ġie maħtur Ministru Provinċjal.  Fl-1228 mar ruma fuq xogħol ta’ l-Ordni.  Hemm ippriedka quddiem il-Papa Girgor IX, li sejjaħlu ”Arka tat-testment u moħba ta’ l-Iskrittura”.

 

Fl-1230, fuq talba tiegħu biex ikompli jippriedka, ġie meħlus mill-uffiċċju ta’ Ministru, u mar fil-Kunvent ta’ Padova li kien bena hu nnifsu.  Hawn ħadem bla heda speċjalment għall-fqar, li sal-lum għadna nisimgħu bil-”ħobż ta’ San Antnin”.

 

Fil-priedki tar-Randan ta’ dik is-sena l-folla ta’ nies li marret tisimgħu laħqet it-30,000.

 

Miet meta kellu 40 sena, fit-13 ta’ Ġunju 1231.  Ħdax-il xahar wara, il-Papa Girgor IX iddikjarah Qaddis.  Fl-1946 il-Papa Piju XII ipproklamah Duttur tal-Knisja.  San Antnin hu meqjum ħafna fil-Bażilika li bnewlu l-Franġiskani Konventwali f’Padova, fejn hemm il-fdal tiegħu.

 

 

Ħsieb

Min ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu jitkellem b’bosta ilsna.  Dawn l-ilsna huma x-xhieda li tingħata lill-Kristu, bħalma huma l-umilta’, il-faqar, is-sabar u l-ubbidjenza li aħna nitkellmu bihom mata nuruhom lill-oħrajn fina nfusna.  Għax il-kelma toħroġ ħajja jekk jitkellem l-għemil.  Mela ħa jieqaf il-kliem u jitkellem l-għemil. (San Antnin)

 

 

 

 

 

 

 

 

19 TA’ ĠUNJU

 

SAN ROMWALDU

Abbati: 950 – 1027

 

San Romwaldu twieled f’Ravenna, l-Italja, fis-sena 950, għand familja nobbli.

 

Meta kellu għoxrin sena ra lil missieru joqtol fi dwell lil wieħed raġel li kien jiġi minnu fuq kwistjoni ta’ propjeta’.  Dan id-delitt daħħlu f’qoxortu, u baqa’ sakemm telaq mid-dar u daħal fil-monasteru ”San Appollinare” tal-Benedittini fi Classe, qrib Ravenna.

 

Tliet snin wara ħalla dan il-monasteru u mar jgħix ħajja iktar iebnsa, u sar eremita.

 

Madwar għaxar snin wara, ġie maħtur Abbati tal-monasteru San Appollinare.

 

Sadanittant, missieru kien sar patri, u issa San Romwaldukien jiggwidah fil-ħajja spiritwali.

Fis-sena 990, San Romwaldu mar l-Ungerija bħala missjunarju, iżda billi marad kellu jirritorna f’qasir żmien.

 

Għadda l-kumplament ta’ ħajtu jiġri minn post għal ieħor isaħħah il-monasteri u eremitaġġi, u jwaqqaf oħrajn ġodda.

 

Fl-1012 kien f’Toscana meta ddobba biċċa art minn għand ċertu wieħed jismu Maldolu.  Fuq din il-biċċa art, li semmewha Camaldoli (Camp Maldoli – l-Għalqa ta’ Maldoli), San Romwaldu bena monasteru u fih beda l-Ordni tiegħu li ġie msejjaħ l-Ordni tal-Kamaldoleżi.

 

Fl-1027 mar jgħix fil-monsateru ta’ Val di Castro, fejn fid-19 ta’ Ġunju miet waħdu fiċ-ċella kif kien ħabbar snin qabel meta kien qed iżur dak il-monasteru.

 

Talba

O Alla, int xettilt mill-ġdid fil-nisja tiegħek il-ħajja ta’ l-eremiti permezz ta’ San Romwaldu; agħmel li aħna niċħdu lilna nfusna u nimxu wara Kristu, biex naslu fil-hena tas-saltna tas-sema.                            

 

 

 

 

21 TA’ ĠUNJU

 

SAN ALWIĠI GONZAGA

Reliġjuż: 1568 – 1591

 

San Alwiġi twieled fil-kastell ta’ Castiglione qrib Mantova fil-Lombardija, l-Italja, fid-9 ta’ Marzu 1568.

 

Missieru kien il-Markiż ta’ Castiglione qrib Mantova fil-Lombardija, l-Italja,

fid-9 ta’ Marzu 1568.

 

Darba waħda San Alwiġi, meta kien għadu daqxejn ta’ tifel sama’ xi kliem ħażin, u innoċentament irrepetih id-dar.  Meta ġie mċanfar mill-għalliem tiegħu, mill-ewwel iddispjaċih, u baqa’ jiddispjaċih għomru kollu.  Minn dakinhar baqa’ jħoss abborriment kbir għall-kliem ħażin.

 

Fl-1577, Lwiġi u ħuh Ridolfo marru Firenze bies jitgħallmu l-Latin u t-Taljan.  Wara sentejn marru Mantova għand id-Duka Gonzaga.  Għal xi żmien Lwiġi kien marad bil-kliewi li baqgħu jinkwetawh sal-mewt.  Ta’ tnax-il sena mar Brescia fejn kien iqerr għand San Karlu Borromeo, u għamel l-Ewwel Tqarbina.

 

Fl-1581, missieru kellu jmur jikkumpanja lill-Imperatriċi Marija ta’ l-Awstrija fi Spanja, u ħa miegħ l-familja.  Lwiġi u ħuh saru paġġi fil-Qorti tal-Prinċep Don Diego u sadanittant komplew l-istudji tagħhom.  F’dan iż-żmien Lwiġi kien qara ktieb fuq il-Misjunarji Ġiżwiti fl-Indja, u tnisslet fih ix-xewqa li jsir Ġiżwita.

 

Fl-1584 il-familja Gona marret lura l-Italja, u fit-2 ta’ Novembru 1585, wara li ċaħad għall-jedd ereditarju tiegħu ta’ prinċep u ħallieh lil ħuh, daħal mal-Ġiżwiti f’Ruma.  Dawn bagħtuh jistudja f’Milan fejn fil-25 ta’ Novembru beda n-Novizzjat.  Sentejn wara ntrabat bil-voti u dlonk wara beda l-kors tat-Teoloġija.

 

Meta fl-1591 faqqgħet l-epidemija tal-pesta, il-Ġiżwiti fetħu sptar għall-morda, u mill-Ġeneral l-isfel, fosthom San Alwiġi, bdew iduru bil-morda. Bosta minnhom waqgħu vittmi tal-marda u mietu.  Anke San Alwiġi ttieħed u kellu jintefa’ fis-sodda.  Għaddew tliet xhur, meta fil-21 ta’ Ġunju 1591, wara li San Roberto Bellarmino li kien il-konfessur tiegħu qarbnu u amministralu l-Aħħar Sagramenti, miet fl-eta’ ta’ 23 sena.

 

San Bellarmino jaħseb li San Alwiġi qatt ma għamel dnub mejjet f’ħajtu.

 

Il-Papa Benedittu XIII ikkanonizzah fl-1726.  Ir-relikwi tiegħu jinsabu fil-knisja ta’ San Injazju, f’Ruma.

 

Talba

Fraħt meta smajthom jgħidu:  Immorru f’dar il-Mulej.

(It-talba li ħarġet minn fomm San Alwiġi meta sar jaf li kien ittieħed mill-marda.)

 

 

 

 

22 TA’ ĠUNJU

 

SAN PAWLINU TA’ NOLA

Isqof: 355 – 431

 

San Pawlinu twieled f’Bordeaux, Franza, fis-sena 355, minn familja Rumana.  Missieru kien Prefett Ruman, jikkmanda Provinċji fl-Italja u fi Franza u kellu ħafna propjeta’ fiż-żewġ pajjiżi.

 

Pawlinu beda l-istudji tiegħu taħt l-għalliem poeta Awsonju.  Imbagħad studja l-liġi u ħa d-dottorat.

 

Iżżewweġ lil Terasja li kienet Nisranija minn familja nobbli Spanjola; ftit wara tgħammed minn idejn San Delfinu, l-Isqof ta’ Bordeaux.

 

Fis-sena 390, hu u martu marru jgħixu fi Spanja fejn Terasja kellha propjeta’ kbira.

 

Wara ħafna snin bla tfal kellhom tifel, iżda miet ġimgħa biss wara li twieled.

 

Fuq din l-esperjenza qarsa ddeċidew li jagħtu ħajjithom lil Alla, u bdew iqassmu l-ġid li kellhom fi Spanja lill-Knisja u lill-foqra.

 

Terasja daħlet soru, u Pawlinu ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Barċellona.  Mar Milan u qagħad għal xi żmien ma l-Isqof San Ambroġ.  Minn Milan mar Nola, qrib Napli, fejn kellu xi propjeta’ tiegħu.

 

F’Nola bena sptar minn flusu u għen ħafna biex inbniet il-Bażilka għall-unur ta’ San Feliċ, l-Isqof martri ta’ Nola, li lejh kellu devozzjoni kbira.

 

Fis-sena 409, ġie maħtur Isqof ta’ Nola, u mexxa d-djoċesi b’suċċess kbir għal iktar minn għoxrin sena.  Kiteb ukoll poemi tassew sbieħ.

 

Ħsieb

Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ. (2 Kor. 9:7)

 

 

 

 

 

 

 

 

22 TA’ ĠUNJU

SAN ĠWANN FISHER

Isqof u Martri: 1469 – 1535

 

San Ġwann Fisher twieled f’Beverly, l-Ingilterra fl-1469, u kellu tmien snin meta tilef lil missieru li kien negozjant żgħir tal-ħwejjeġ.  Ommu reġgħet iżżewġet negozjant ieħor, u tat lil uliedha edukazzjoni tajba.  Waħda minn ħutu wara saret soru Dumnikana.

 

Ta’ erbatax-il sena Ġwanni daħal fl-Universita’ ta’ Cambridge, u ta’ tnejn u għoxrin, ġie ordnat saċerdot fl-1491.

 

Fl-1504 ġie maħtur Kanċillier ta’ l-Universita’, u fl-istess sena sar Isqof ta’ Rochester.

 

L-għerf, il-qdusija u d-devozzjoni li kellu għad-dmirijiet tiegħu pastorali ġagħlu liż-żagħżugħ Re Neriku VIII jgħid li ma kienx hemm Isqof aħjar minnu fid-dinja kollha.

 

Iżda meta fl-1527 ir-Re ried jiddivorzja lil martu Katarina ta’ Aragon biex jiżżewweġ lil Anna Boleyn, u l-Isqof Fisher ma kienx ta’ l-istess opinjoni, kisirha miegħu bl-aħrax.

 

Fl-1531 ir-Re ried li jkun magħruf bħala l-Kap Suprem tal-Knisja ta’ l-Ingilterra; iżda l-Isqof Fisher irnexxielu jdaħħal il-klawsola ”sakemm tippermetti l-liġi t’Alla”.

 

Fl-1534 il-Parlament għadda l-Att tas-Suċċessjoni li kien jagħraf in-nisel tar-Re Neriku u Anna bħala s-suċċessur leġittmu tat-tron.  Billi l-Isqof Fisher ma riedx jieħu l-ġurament li jagħmel hekk, ġie arrestat u mitfugħ il-ħabs f’April ta’ dik is-sena.

 

F’Mejju ta’ l-1535 l-Isqof Fisher minkejja li kien il-ħabs, ġie maħtur Kardinal mill-Papa ġdid, Pawlu III, bil-ħsieb li r-Re ma jkomplix jimmaltrattah.

 

Iżda f’Ġunju, ir-Re Ingliż ħasad id-dinja meta fi proċess li għamel kontra l-Kardinal xlieħ li ċaħad jagħraf ir-Re bħala l-Kap tal-Knisja, fl-Ingilterra, u kkundannah għal mewt.

 

Il-Kardinal mar fil-post ta’ l-esekuzzjoni jġorr kopja żgħira tal-Bibbja f’idejh, u meta wasal, qal lin-nies li kienu nġabru hemm li hu kien qed jagħti ħajtu għal fidi li kellu fil-Knisja Kattolika.

 

Miet bi qtugħ ir-ras, fit-22 ta’ Ġunju 1535.  Ġismu tħalla l-ġurnata kollha mixħut fuq il-forka u rasu ġiet imdendla mal-London Bridge u mbagħad mixħuta fix-xmara Thames.

 

Fl-1886, il-Papa Ljun XIII iddikjarah Martri u Beatu flimkien ma’ 53 oħra martri Ingliżi; u fil-15 ta’ Mejju 1935, il-Papa Piju XI ikkanonizzah ma’ San Tumas More.

 

Talba

Ħares u weġibni, Mulej, Alla tiegħi.  Jien fit-tjieba tiegħek nitma, tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.  Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli.  (Kliem mis-Salm XIII, li San Ġwann Fisher qal qabel miet)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

22 TA’ ĠUNJU

 

SAN TUMAS MORE

Martri: 1478 – 1535

 

San Tumas More twieled Londra, l-Ingilterra, fl-1478.  Attenda l-Universita’ ta’ Oxford, studja l-liġi u fl-1501 laħaq avukat.  Fl-1504 daħal fil-Parlament Ingliż.  Fl-1505 iżżewweġ lil Jane Holt.  Kien żwieġ tassew feliċi u kellhom erbat itfal, Margaret, Elizabeth, Cecilia, u John.  Iżda Jane mietet żgħira, u ftit wara, Tumas reġa żżewweġ lil Alice Middleton, armla, seba’ snin ikbar minnu, li rabbiet ’l uliedu f’għożża kbira.

 

Ħa ħsieb jeduka ’l uliedu sew, avolja dak iż-żmien ma kenitx komuni li l-bniet jiġu edukati ħafna.  Kien ilaqqa’ l-familja biex jitolbu flimkien, jaqraw l-iskrittura u jiddiskutu l-affarijiet importanti tal-ġurnata.  Kien jilqa’ f’daru mhux biss lil San Ġwann Fisher u lil Erasmus iżda wkoll lil l-foqra li kellu rispett kbir lejhom.

 

Fl-1529 Tumas ġie maħtur Kanċillier mir-Re Neriku VIII ta’ L-Ingilterra.  Iżda meta r-Re beda l-proċeduri biex jiddivorzja lil martu Katarina, Tumas ma qabilx, u fl-1532 irriżenja.

 

F’April 1534 ġie mitlub jieħu ġurament biex jagħraf id-drittijiet tas-Suċċessjoni ta’ wlied Anna Boleyn, iżda hu ma riedx.  Ġie mitfugħ il-ħabs u wara ħmistax-il xahar fis-6 ta’ Lulju 1535, ġie maqtul bi qtugħ ir-ras.  Rasu ġiet imdendla mal-London Bridge għal xahar sħiħ, sakemm fl-aħħar bintu Margaret irnexxielha tiksibha mingħand l-għassies.

 

Il-Papa Ljun XIII, iddikjarah Martri u Beatu fl-1886, u l-Papa Piju XI iddikjarah Qaddis fl-1935.

 

Talba

Ma naqtax qalbi mill-ħniena Tiegħu, għalkemm inħossni dgħajjef u mbażża’.  Niftakar kif San Pietru minħabba buffura ta’ riħ qawwi beda jegħreq għax naqsitu l-fidi, u nagħmel kif għamel hu, indur lejn Ġesù u nitolbu jgħinni.  Imbagħad nistennieh jistendi idejh lejja u jżommni qawwi u sħih minkejja t-tempesta.

                                                (San Tumas fl-aħħar ittra li kiteb li bintu Margaret qabel miet)

 

 

 

 

 

 

24 TA’ ĠUNJU

 

IT-TWELID TA’ SAN ĠWANN BATTISTA

 

Is-soltu l-Knisja tagħmel il-festa tal-Qaddis fil-jum tal-mewt tiegħu.  Illum, qed tagħmel eċċezzjoni għax qed tiċċelebra l-festa ta’ San Ġwann Battista fil-jum tat-twelid tiegħu, ”għax hu jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu”. (Lq. 1:15)

 

Missieru kien Zakkarija, qassis mit-tribù ta’ Aronne u mill-ordni ta’ Abija, u ommu kien jisimha Eliżabetta, ukoll mit-tribù ta’ Aronne.

 

Ġara li Zakkarija kien fit-tempju meta deherlu l-Arkanġlu Gabrijel u qallu li martu, li kienet imdaħħla fiż-żmien, kien se jkollha tarbija.  Zakkarija ddubita, u tbikkem u baqa’ mbikkem sat-twelid ta’ ibnu.

 

Ftit taż-żmien wara, l-istess Arkanġlu deher lill-Madonna u ħabbrilha li hi kellha ssir omm il-Messija, u nfurmaha wkoll li Eliżabetta kien ser ikollha tarbija sitt xhur qabilha.

 

Min jaf kemm ferħet il-Madonna b’din l-aħbar!  Fil-fatt ħalliet kollox u marret tħaffef biex tgħin u ddur bil-kuġina tagħha sakemm welldet, u forsi wkoll sa wara ċ-ċirkonċiżjoni tat-tarbija.

 

Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tifel qabeż fil-ġuf tagħha u ġie mnaddaf mid-dnub.  Imbagħad, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, kienet l-ewwel waħda li sellmet lil Marija bħala Omm il-Mulej.  Bi tweġiba l-Madonna nfexxet tfaħħar ’l Alla bil-”Magnificat”. (Lq. 1:46)

 

Meta t-tarbija twieldet inħall ilsien Zakkarija li tenna kliem ta’ tifħir ’l Alla, il-”Benedictus”. (Lq. 1:57)

 

Sakemm kellu tletin sena San Ġwann għex ħajtu fid-deżert.  Imbagħad beda l-missjoni li għaliha kien mibgħut fid-dinja billi kien jinsisti man-nies biex jindmu għall-maħfra tad-dnubiet.  ”Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ’Wittu triq il-Mulej’”. (Ġn. 1:23)

 

Ġwanni kien ikun ħdejn ix-xmara Ġordan jgħammed, u meta darba waħda ra ’l Ġesù riesaq lejh, urieh lin-nies u qal: ”Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”. (Ġn. 1:29)

 

Ġesù faħħru fuq li faħħru.  Darba minnhom qal għalih: ”Fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista”. (Lq. 7:28)

 

Ġesù beda l-missjoni tiegħu billi ġie jitgħammed mingħand Ġwanni li meta għaraf lil Ġesù li ”lanqas il-qorq Tiegħu ma kien jistħoqqlu jħoll” (Ġn. 1:26) bil-kemm ried jgħammdu.  Iktar tard, Ġwanni bl-umilta’ tiegħu qal: ”Jeħtieġ li jikber hu u niċkien jien”. (Ġn. 3:30)  Xi kummentaturi jinnutaw li wara l-24 ta’ Ġunju, id-dawl tax-xemx ta’ matul il-ġurnata jkun qed jonqos, waqt li wara l-25 ta’ Diċembru, ikun qed jiżdied.

 

San Ġwann temm ħajtu b’rasu maqtugħa mis-Sultan Erodi, għax kien ċanfru fuq ir-relazzjoni adultera li kien qed ikollu ma’ Erodja, il-mara ta’ ħuh.

 

Talba

Mulej, Int, bil-kelma u l-eżempju tal-Battista, urejtna t-triq ta’ l-indiema:  rattbilna qalbna u reġġagħna lura lejn il-kmandamenti tas-saltna tiegħek. (Mill-Brevjar – Preċi ta’ Sbiħ il-Jum)

 

 

 

 

 

 

27 TA’ ĠUNJU

 

SAN ĊIRILLU TA’ LIXANDRA

Isqof u Duttur tal-Knisja: 370 – 444

 

San Ċirillu twieled Lixandra, l-Eġittu, fis-sena 370.  Għall-ewwel mar jgħix bħala eremita, imbagħad ordna saċerdot u mar ma’ zijuh, Teofilu, li kien il-Patrijarka ta’ Lixandra.  Meta fis-sena 412 il-Patrijarka miet, Ċirillu laħaq floku.

 

Għall-bidu, Ċirillu kien awtoritarju u aħrax, u beda jagħlaq il-knejjes ta’ l-eretiċi Novazjani, u kellu ħafna konfronti mal-Lhud tal-belt.  Iżda wara ftit snin inbidel u beda juri l-kwalitajiet kbar tiegħu speċjalment fid-difiża tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni.

 

Fis-sena 428, Nestorju, Isqof ta’ Kostantinopli, ħareġ bl-ereżija li Ġesù kellu żewġ persuni, waħda umana u l-oħra divina, u għalhekk ċaħad li l-Madonna hi Omm Alla.  Ċirillu ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jgħallem bil-kelma tal-pinna u tal-fomm kontra din l-ereżija.  Anke appella lill-Papa San Ċelestinu I.

 

Fis-sena 431, Ċirillu, bħala r-rappreżentant tal-Papa, mexxa u ppresieda t-Tielet Konċilju ta’ Efesu li għalih kienu attendew aktar minn mitejn isqof, u li fih Nestorju kien ġie kkundannat u skomunikat u eventwalment eżiljat fid-deżert ta’ l-Eġittu.

 

Kiteb ħafna fuq it-Teoloġija u fuq l-Ispiritwalita’ biex b’għaqal kbir ifisser u jiddefendi l-fidi Nisranija, speċjalment fuq il-Madonna li hi Omm Alla; fuq l-unjoni taż-żewġ naturi, divina u umana ta’ Kristu, u li l-Persuna Divina sofriet fin-natura umana.  It-tagħlim tiegħu għen il-Knisja għal sekli sħaħ wara mewtu.

 

Hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, bħalma San Wistin hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru tal-Grazzja.

 

Miet fis-27 ta’ unju tas-sena 444.

 

Talba

Is-sliem għalik, O Marija, Omm Alla, teżor għani tad-dinja, dawl li ma jintefa qatt, kuruna tax-xbubija, xettru tas-sewwa, tempju li ma jistax jaqa’, dar fejn jgħammar dak li mkien ma jista’ jesgħu, Omm u Verġni, li minnek hu Dak li ġej Imbierek f’isem il-Mulej.  (San Ċirillu)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

28 TA’ ĠUNJU

 

SAN IRINEW

Isqof u Martri: 130 – 202

 

San Irinew wieħed mill-akbar teoloġi tat-tieni seklu, twieled fi Smirna, fil-Friġja (illum Ismir fit-Turkija) f’madwar is-sena 130.  Hu kellu l-privileġġ li jkun dixxiplu ta’ San Polikarpu li kien ħabib ta’ San Ġwann l-Appostlu.

 

Fis-sena 154 jew 155 San Irinew mar Ruma flimkien ma San Polikarpu. 

 

Min Ruma mar Lyons, Franza, fejn kien ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Lyons, San Potinu.

 

Fis-sena 177, l-Isqof Potinu bagħtu Ruma b’ittra għall-Papa San Elewterju.  Sadattant l-Isqof Potinu u numru ta’ Nsara ġew maqtula fil-persekuzzjoni ta’ l-Imperatur Mark Awrelju.

 

Meta San Irinew raġa’ lura f’Lyons, fis-sena 178, ġie elett Isqof bħala suċċessur ta’ San Potinu.

 

Fis-sena 190, San Irinew għen biex tinżamm il-paċi bejn il-Papa San Viktor I u l-Isqfijiet tal-Lvant fuq il-kwistjoni tad-data tal-festa ta’ l-Għid. 

 

F’madwar is-sena 155, l-istess kwistjoni kienet ġiet ittrattata mill-Papa San Aniċetu u San Plokarpu.  Ġiet solvuta għal kollox wara l-Konċilju ta’ Niċea (325), meta l-Knisja tal-Lvant minn rajha bdiet tiċċelebra l-festa ta’ l-Għid bħall-Knisja tal-Punent.

 

San Irinew kiteb ħafna kontra t-tagħlim qarrieqi ta’ żmienu speċjalment kontra l-Injostiċi.  L-iktar xogħol famuż tiegħu hu trattat f’ħames kotba jismu “Adversus Haereses” (Kontra l-Ereżiji).

 

X’aktarx li miet martri, fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Settimu Severu f’madwar is-sena 202, wara li kien ilu Isqof ta’ Lyons xi 24 sena.

 

Ħsieb

Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ’l Alla u tithenna bi tjubitu. (San Irinew)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

29 TA’ ĠUNJU

 

SAN PIETRU U SAN PAWL

Appostli: L-ewwel Seklu

 

Il-festa ta’ San Pietru u San Pawl hija għażiża ħafna għall-Knisja speċjalment għalina l-Maltin li nsejħulha ”l-Imnarja”.  San Pietru hu l-Kap tal-Knisja, u San Pawl waqqaf il-Knisja f’Malta.

 

San Pietru kien sajjied, jismu Xmun u kien wieħed minn ta’ l-ewwel li ġie msejjaħ minn Ġesù biex ikun appostlu tiegħu, li bidillu ismu f’Pietru.

 

MetaĠesù ġie arrestat, san Pietru ċaħdu tliet darbiet, iżda malajr iddispjaċih u patta bil-kbir.

 

Wara li qam mill-mewt Ġesù staqsa lil Pietru tliet darbiet wara xulxin jekk kienx iħobbu, u wara li għal tliet darbiet Sabn Pietru wieġeb fl-affermattiv, Ġesù fdalu l-merħla tiegħu.

 

Hekk kif ħeles mill-ħabs fil-persekuzzjoni ta’ Erodi Agrippa f’Ġerusalemm, fis-sena 43, San Pietru mar Antjokja, u wara Ruma, il-belt kapitali tad-dinja ta’ dak iż-żmien.

 

Baqa’ Ruma, barra mill-ftit żmien li fih kien f’Ġerusalemm għall-ewwel Konċilju tal-Knisja, sakemm ġie msallab rasu l-isfel fil-ġnien ta’ Neruni fuq l-għolja tal-Vatikan, aktarx bejn is-sena 64 u s-67.  Kostantinu l-Kbir bena knisja fuq il-qabar tiegħu;  wara nbniet flokha l-knisja maestuża ta’ San Pietru li hemm illum.

 

San Pawl kien Lhudi akkanit, Fariżew, li wara l-konverżjoni tiegħu fit-triq lejn Damasku sar appostlu l-iktar ferventi ta’ Ġesù.

 

Billi kien bniedem ta’ għerf kbir u kien jaf tajjeb il-kultura sew Griega u sew Lhudija, kien ta’ għajnuna kbira għall-Knisja fil-bidu tat-tixrid tagħha.

 

Iżda l-ħaġa l-iktar li spikkat fih, kienet l-imħabba kbira tassew li kellu lejn Ġesù.  “Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu.”  (Gal. 2:20)

 

Għadda ħamsa u għoxrin sena jiġri minn pajjiż għal ieħor jippriedka ‘l Ġesù.  Aħna l-Maltin għandna l-kbira xorti li ġejna, bħala nazzjon, ikkonvertiti minnu, fis-sena 60.

 

Fl-istess persekuzzjoni ta’ Neruni, li fiha kien miet San Pietru, San Pawl ġie arrestat, mitfugħ il-ħabs u wara ġie maqtul bi qtugħ ir-ras, aktarx ukoll bejn is-sena 64 u s-67.

 

Ħsieb

Niċċelebraw il-festa ta’ dawn iż-żewġ appostli f’jum ikkonsagrat għalina b’demmhom.  Inħobbu l-fidi, il-ħajja, it-taħbit, it-tbatijiet, l-istqarrijiet u x-xandir kollu tagħhom.

 

 

 

 

30 TA’ ĠUNJU

 

L-EWWEL MARTRI TA’ RUMA

? – 64

 

Fis-sena 64, Ruma ġiet maħkuma u meqruda minn nirien kbar.  L-Imperatur Neruni li kien qed jiġi akkużat li hu kien il-kawża tagħhom, malizzjożament tefa’ l-ħtija fuq il-komunita’ Nisranija ta’ Ruma, u fetaħ persekuzzjoni l-iktar ħarxa kontrieha, li fiha San Pietru u San Pawl flimkien ma bosta Nsara, nisa u rġiel, żgħażagħ u xjuħ, u tfal subien u bniet, sofrew il-martirju.

 

Uħud mill-Insara mietu maħruqin, oħrajn mikulin mill-annimali selvaġġi, oħrajn mis-swat li qalgħu, u oħrajn mit-turmenti u kefrijiet oħra bla ħniena.

 

Il-Papa San Klement f’ittra li kiteb faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.

 

Din kienet l-ewwel persekuzzjoni maġġuri kontra l-Knisja.  Warajha kien hemm oħrajn, kważi waħda wara l-oħra.

 

Fis-sena 313, Kostantinu l-Kbir, bil-famuż Editt ta’ Milan ta’ l-liberta’ lir-Reliġjon Nisranija.  B’hekk l-Insara setgħu jipprattikaw il-kult tagħhom bla ebda xkiel.  Hekk tista’ tgħid intemmet persekuzzjoni kontinwa ta’ 250 sena.  Hekk bdiet ħajja ġdida għall-Knisja, perjodu ta’ paċi.  Imbagħad l-Imperatur Teodosju, fis-sena 381, ipproklama l-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon ta’ l-Istat.

 

Talba

O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom.  (Talba ta’ Sbiħ il-Jum)