QADDISIN GĦAL DIĊEMBRU

 

3 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN FRANĠISK SAVERJU

Saċerdot: 1506 – 1552

 

San Franġisk Saverju twieled ħdejn Pamplona, Spanja, fil-Kastell Xavier, fis-7 ta’ April 1506.

 

Fl-1524, daħal l-Universita’ ta’ Pariġi biex jistudja l-filosofija, u ħa l-Grad mill-Kulleġġ ta’ Santa Barbara.  Hawn iltaqa’ u sar ħabib ma’ San Injazu ta’ Loyola, u wara, sar wieħed mill-ewwel sitt kumpanni tiegħu li ħadu l-voti f’Montmartre, fl-1534.  San Injazju kien jgħidlu: ”Franġisk, x’jiswielek li tirbaħ id-dinja kollha, imbagħad titlef ruħek?”

 

Fl-1537, San Franġisk flimkien ma’ San Injazju u erba’ Ġiżwiti oħra kien ordnat saċerdot f’Venezja.

 

Fl-1540, San Injazju talab lil Franġisku biex imur ma’ Patri Simon Rodriguez bħala l-ewwel missjunarji Ġiżwiti fl-Indja.  Fl-1541, maħtur bħala unzju Appostoliku tal-Lvant, Franġisku telaq lejn l-Indja.  Wara vjaġġ twil u diffikultuż li dam tlettax-il xahar wasal Goa li kienet kolonja Portugiża, f’Mejju tal-1542.  Ħadem bla heda matul il-kosta ta’ l-Indja u għammed numru kbir ta’ Indjani.  Huwa żar Cape Camorin, Malabar, Travancor, Malakka, Molukkas ħdejn New Guinea u Montai ħdejn il-Filippini.

 

Meta kien fil-Malakka ltaqa’ ma’ Ġappuniż maħrub li tah l-idea li jmur il-Ġappun.

 

Fil-15 ta’ Awissu 1548 daħal il-Ġappun u bil-għajnuna ta’ Ġappuniżi kkonvertiti huwa qaleb fil-Ġappuniż xi tagħlim nisrani u kien jippriedka kif jista’.  Dam sentejn fil-Ġappun.  Għamel madwar 2000 Ġappuniż nisrani li kellhom ikunu l-pedament tal-Knisja fil-Ġappun.  Ħalliehom fil-kura ta’ Patri Cosmas u Fratell Fernandez, u rritorna fl-Indja fl-1551, meta nħatar l-ewwel Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Indja u fil-Lvant.

 

B’xewqa kbira li jwassal il-Vanġelu fiċ-Ċina li dak iż-żmien kienet magħluqa għall-barranin, Franġisku mar f’Sancian, gżira żgħira ħdejn Hong Kong, ftit’il bogħod miċ-Ċina.  Hawn marad u miet fit-3 ta’ Diċembru 1552, fl-eta’ ta’ 46 sena.

 

Għaxar ġimgħat wara, fetħu t-tebu u sabu li ġismu kien għadu talekwale.  Wara ħaduh fil-Malakka, u minn hemm lejn Goa kważi sena wara mewtu, fejn it-tobba ċċertifikaw li ġismu kien għadu bla mittiefes.  U hemm għadu miżmum fil-knisja ta’ Ġesù.

 

Il-Papa Girgor XV iddikjarah Qaddis fl-1662.  Flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Lisieux hu l-Patrun tal-Missjonijiet.

 

Hsieb:

”Morru għallmu ’l ġnus kollha.”  Mhux bil-fors irridu nħallu x-xtut tagħna.  Nistgħu nagħmlu hekk fid-dar tagħna, mal-mara, mar-raġel, mat-tfal, fuq il-post tax-xogħol jew tad-divertiment.  Ngħallmu mhux biss b’fomma iżda wkoll bil-kitba, bl-imġiba tagħna, b’daqxejn ta’ għajnuna, nisimgħu bis-sabar, nuru li qed nagħtu kas, nagħtu ftit mill-ħin tagħna għall-ħaddieħor.  San Franġisk ta’ ħinu kollu.

 

 

 

4 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN ĠWANN DAMAXXENU

Saċerdot u Duttur tal-Knisja: 674? – 749?

 

San Ġwann twieled għall-ħabta tas-sena 674, f’Damasku, il-belt ewlenija tas-Sirja.  Missieru, li kien uffiċjal fid-Dipartiment tal-Finanzi tal-belt ta’ Damasku, xtaq jagħti edukazzjoni tajba lil ibnu, u fdah f’idejn patri Kożma.

 

Taħt patri Kożma ż-żagħżugħ għamel progress ġmielu kemm fix-xjenza reliġjuża u kemm fix-xjenzi profani.

 

Meta l-Insara tilfu l-kontroll ta’ Damasku, u l-Musulmani ħadu t-treġija tal-belt f’idejhom, missieru kompla jservi lill-Gvern Musulman. 

 

Hu mifhum li Ġwanni laħaq flok missieru.

 

Meta l-Musulmani bdew inaqqu d-drittijiet reliġjużi ta’ l-Insara, Ġwanni ddeċieda li jkun jaqbel iktar għal ruħu u għall-ġid tal-komunita’ nisranija li jirriżenja mill-post li kellu mal-Gvern, u daħal fil-monasteru ta’ San Saba, ħdejn Ġerusalemm, għall-ħabta tas-sena 715, u sar saċerdot.

 

Fis-sena 726 l-Imperatur tal-Lvant, Ljun minn Iżawrja, ikkundanna l-użu tax-xbihat reliġjużi mill-Insara.  San Ġwann mill-ewwel ħadha kontra dan l-indħil minn Gvern sekular f’materji reliġjużi.  Hu sostna li l-insara kellhom kull dritt li jirrapreżentaw lil Ġesù, lill-Madonna u lill-Qaddisin permezz ta’ stampi u xbihat.  Minħabba f’hekk Ġwanni ġibed fuqu l-korla ta’ l-Imperatur, u tas-suċċessur tiegħu Kostantinu Kopronimu.  Ġwanni kiteb ħafna wkoll kontra ereżija oħra li kienu qed iħabbtu l-Knisja f’dawk iż-żminijiet.

 

Fost il-kitbiet tiegħu nsibu wkoll l-opri ”Il-Għajn tal-Għerf”, ”Dwar l-Ereżija”, ”Tifsir bir-reqqa tal-Fidi Nisranija”, u bosta omeliji sbieħ fuq Marija, l-Omm t’Alla.  Hu kien teologu brillanti, poeta u kittieb mill-aqwa u oratur elokwenti, tant li qala’ l-isem ta’ ”Kriżorroas” (Xmara tad-deheb).  Huwa l-aħħar wieħed fost is-Santi Padri Griegi.

 

Miet fl-4 ta’ Diċembru tas-sena 749.  Il-kamra li fiha għex għadha ppreservata fil-monasteru tiegħu ħdejn Ġerusalemm.

 

Il-Papa Ljun XIII iddikjarah Duttur tal-Knisja, fl-1890.

 

Hsieb:

Iż-żmien u dejjem għaddej, u aħna nikbru fl-eta’.  Il-ħin kollu resqin lejn it-tmiem tagħna f’din id-dinja.  San Ġwann uriena li l-iktar xogħol importanti f’ħajjitna hu li nieħdu ħsieb ruħna billi ninsġu ħajjitna f’għaqda kontinwa ma’ Alla.

 

 

 

 

 

6 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN NIKOLA

Isqof: Ir-Raba’ Seklu

 

San Nikola twieled lejn is-sena 270, minn familja sinjura f’Patara, Liċja, fl-Asja ż-Żgħira fejn San Pawl kien ħawwel il-Fidi.  Sar Isqof ta’ Mira, illum Dembre, raħal fit-Turkija.  Kien mitfugħ il-ħabs fil-persekuzzjonji ta’ Djokleżjanu u ġie meħlus minn Kostantinu.  X’aktarx li attenda l-Konċilju ta’ Niċea fis-sena 325, u miet f’Mira bejn 345 u 352.

 

Fl-1087, wara l-invażjoni ta’ l-Asja ż-Żgħira mill-Musulmani, il-fdal tiegħu ġie miġjub f’Bari, l-Italja, fejn għadu hemm sal-lum.  Bħal-lum f’Bari jsiru festi kbar lil dan il-Qaddis.

 

San Nikola hu magħruf mad-dinja kollha speċjalment għall-istejjer ta’ karita’ li xterdu dwaru.  Fosthom meta darba sama’ b’wieħed raġel li ma kellux flus biżżejjed biex iżewweġ it-tliet xebbiet li kellu.  San Nikola mar bil-lejl u tefagħlu mit-tieqa tliet boroż tal-flus biex ikun jista’ jżewwiġhom.

 

Storja oħra tgħid li San Nikola fi żmien Kostantinu rnexxielu jipprova l-innoċenza ta’ tliet żgħażagħ li kienu kkundannati għall-mewt mill-Gvernatur Estathius, u b’hekk ġew meħlusin.

 

Stejjer bħal dawn għamluh popolari ħafna, u fil-festa tiegħu bdew jitqassmu rigali lit-tfal.  Billi din il-festa tiġi qrib il-Milied, bdiet tiġi meqjusa bħala l-bidu tal-festi tal-milied.  Biż-żmien l-isem ta’ San Nikola sar Santa Klaus.  Illum, din id-drawwa li Santa Klaus iqassam ir-rigali lit-tfal ftit ġranet qabel il-Milied, daħlet sewwa fid-dinja Nisranija kollha.  Daħlet ukoll u qabdet sew fil-Gżira tagħna, u f’bosta parroċċi qed tiġi organizzata fuq skala kbira.

 

Hsieb:

Hija ħaġa tassew ta’ min jammirha u jfaħħarha li nkunu karitattivi!  Mhux ta’ b’xejn li isem San Nikola hu hekk magħruf, u l-eżempju tiegħu u hekk imfakkar mad-dinja kollha!  Kemm tkun ħaġa sabiħa li bil-karita’ tagħna nferrħu xi qalb li tkun tassew fil-bżonn, speċjalment fil-ġranet ħelwin tal-Milied!

 

 

 

 

 

7 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN AMBROĠ

Isqof u Duttur tal-Knisja: 340? – 397

 

San Ambroġ twieled fi Treviri, il-Ġermanja, minn familja aristokratika Rumana, fis-sena 340 jew ta’ qabilha.

 

Wara l-mewt ta’ missieru, ommu mat-tliett itfal li kellha, reġgħet lura f’Ruma.  Ambroġ li kien l-iżgħar, kien għadu żgħir.

 

San Ambroġ irċieva edukazzjoni tajba mingħand ommu u mingħand oħtu Santa Marċellina, studja l-Grieg, sar poeta u oratur tajjeb.  Meta kellu madwar 28 sena sar avukat fejn kiseb isem kbir.  L-Imperatur Valentinjanu għaraf l-gta’ tiegħu u ħatru Gvernatur ta’ Ligurja u Emilja, fis-sena 372.

 

Fis-sena 374, l-Isqof ta’ Milan, li kien Arjan, miet.  Biex jagħżlu suċċessur tiegħu l-Insara li kienu maqsumin f’Kattoliċi u Arjani, ma setgħux jiftiehmu bejniethom lil min jagħżlu.  Biex iġib il-paċi, Ambroġ mar il-knisja biex jindirizza l-ġemgħa.  Waqt li kien qed jitkellem, xi ħadd għajjat: ”Ambroġ Isqof”.  F’daqqa waħda, kulħadd, kattoliċi u Arjani bdew jgħajtu l-istess.  Ambroġ li lanqas biss kien għadu tgħammed, irrifjuta, iżda b’insistenza qawwija mill-Imperatur, kellu jaċċetta u fi żmien qasir ġie mgħammed u kkonsagrat Isqof ta’ Milan, fis-7 ta’ Diċembru 374, meta kellu mal-35 sena.

 

San Ambroġ qeda dan il-ministeru tiegħu b’reqqa ta’ l-għaġeb, l-aktar bl-imħabba li wera lejn kulħadd.  Kien ukoll difensur kbir tal-Knisja u t-tagħlim tagħha.  Bil-kitba u bl-għemil ħadha bil-qawwa kollha kontra l-Arjani biex iħares il-Fidi.  Kien Isqof tassew kuraġġuż u qaddis, għex ħajja sempliċi u fl-istess ħin awstera.

 

Kien jikkonverti lil ħafna nies tant li permezz tiegħu ftit li xejn kienu baqgħu Arjani fid-Djoċesi tiegħu.  L-ikbar konverżjoni kienet dik ta’ San Wistin fis-sena 387.

 

Meta l-Imperatur Valentinjanu ried jindaħal fl-affarijiet tal-Knisja, l-Isqof Ambroġ ipproklama: ”L-Imperatur huwa fil-Knisja, mhux fuqha”.

 

Kien l-ewwel fost il-Padri tal-Knisja li uża l-Latin b’tali effett li sar l-ilsien uffiċjali tal-Knisja tal-Punent.

 

Miet nhar Sibt il-Għid, 4 ta’ April 397, fil-għomor ta’ madwar 57 sena.

 

Hsieb:

”Waqt li ma kontx nimpressjona ruħi mill-essenza ta’ tagħlimu, tqanqalt mill-ħlewwa ta’ kliemu”.  Dan il-kliem dwar San Ambroġ, qalu San Wistin għal meta kien għadu eretiku.  Kemm nixbħuh liSan Ambroġ f’li nitkellmu bil-ħlewwa wkoll ma’ dawk li ma’ jkiunux jaqblu magħna?  Qatt m’għandna nkellmu lil ħadd bil-herra, imma dejjem bil-ħlewwa.

 

 

 

8 TA’ DIĊEMBRU

 

IT-TNISSIL BLA TEBGĦA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 

Il-festa solenni tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Madonna li tiġi disa’ xhur qabel il-festa tat-twelid tagħha fit-8 ta’ Settembru, tfakkarna fit-twemmin nisrani li l-Madonna kienet meħlusa minn kull tebgħa tad-dnub oriġinali sa mill-bidu nett tat-tnissil tagħha fil-ġuf ta’ ommha, Sant’Anna, bis-saħħa tal-merti li kellu jikseb Ġesù.  Għalhekk it-Tnissil bla Tebgħa tal-Madonna kien jiddependi mill-merti ġejjiena ta’ Binha Ġesù, għad li fi żmien sar qabilhom.

 

Billi Marija kienet il-magħżula ta’ Alla biex tkun Omm Ġesù, Alla żejjinha bi grazzi u rigali speċjali.  Bħala Eva ġdida, hi ġabet ħajja ġdida fid-dinja permezz ta’ l-Iben Divin tagħha.

 

Din il-festa kienet ilha tiġi ċċelebrata fil-Knisja tal-Lvant sa mis-seba’ seklu, u daħlet fil-Knisja tal-Punent fid-disa’ seklu.

 

L-ewwel li għallmu d-dutrina tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija kienu Eadmer ta’ Canterbury u l-Patri Franġiskan Duns Scotus.

 

Fl-1854, il-Papa Piju IX ipprokklamaha bħala domma tal-Fidi.  Fl-1858, f’Lourdes il-Madonna kkonfermat id-domma meta stqarret hi stess lil Santa Bernardina: ”Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni”.

 

Hsieb:

Hekk kif Alla amar li l-Madonna tkun bla dnub xejn biex tkun tista’ tilqa ġo fiha lil Ġesù, hekk jixtiew li aħna wkoll nagħmlu l-parti tagħna mill-aħjar li nistgħu biex inneħħu kull dnub minn ġo fina qabel nitqarbnu ħalli nkunu denji li nirċievu l-Ġesù Ewkaristija kif tassew jixraq.

 

 

 

 

 

11 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN DAMASU I

Papa: 305 – 384

 

San Damasu twieled aktarx f’Ruma għall-ħabta tas-sena 305.  Missieru li kien Spanjol, wara l-mewt ta’ martu jew bil-kunsens tagħha sar qassis u kien jieħu ħsieb il-knisja ta’ San Lawrenz, f’Ruma.

 

Damasu sar Djaknu fil-knisja li kien qed jieħu ħsieb missieru, u wara sar qassis.

 

Fis-sena 366, meta kellu madwar 62 sena sar Pap.  Miegħu sar l-antipapa Ursinu, iżda dan ġie eżiljat mill-Imperatur Valentinjanu.

 

Matul il-papat twil tiegħu ta’ 18-il sena, San Damasu kellu jħabbat wiċċu ma’ ħafna nkwiet, speċjalment dak imqanqal mis-segwaċi ta’ Ursinu, u minn ħafna tagħlim falz sew f’Ruma u sew f’postijiet oħra fil-Knisja.  B’danakollu, San Damasu ra ħwejjeġ sbieħ iseħħu fil-Knisja.

 

Fis-sena 380, l-Imperatur Teodozju tal-Lvant u Grazjanu tal-Punent ipproklamaw il-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon ta’ l-Imperu Ruman.

 

Kien hu l-ewwel Papa li sejjaħ il-Knisja bl-isem ta’ ”Is-Sedja Appostolika”.

 

Hu ħatar lil San Ġirolmu segretarju tiegħu u awtorizzah biex jagħmel reviżjoni b’reqqa ikbar tal-verżjoni Latina qadima tal-Bibbja, b’riżultat li llum għandna l-Vulgata.  F’sinodu tat-374, San Damasu ħareġ Kanoni importanti tal-Kotba tat-Testment il-Ġdid.

 

Fi żmienu il-lingwa tal-Liturġija nbidlet mill-Grieg għal-Latin, f’Ruma.

 

Hu sab u rrestawra l-katakombi fejn bosta martri nsara kienu midfuna, u għamilhom postijiet ta’ pellegrinaġġi.

 

Huwa kiteb bosta skrizzjonijiet fuq lapidi ta’ oqbra u knejjes biex il-Fidili japprezzaw aħjar il-wirt nisrani tagħhom.

 

San Damasu miet f’Ruma fil-11 ta’ Diċembru 384, u difnuh fil-qabar fejn kien hemm midfunin ommu u ħutu, fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu.  Biex titpoġġa fuq qabru kiteb din l-iskrizzjoni: ”Jien, Damasu, xtaqt nindifen hawn, iżda bżajt li noffendi l-fdalijiet ta’ dawn il-qaddisin”.

 

Hsieb:

”Dak li miexi fuq il-baħar seta’ jikkalma l-mewġ qawwi:  Dak li jagħti l-ħajja liż-żerriegħa li qed tmut fil-ħamrija; Dak li kien kapaċi jħoll il-ktajjen tal-mewt, u wara tlett ijiem fid-dlam iġib lura fid-dinja lil ħu Marta; nemmen li ħu għad iqajjem mill-ġdid lil Damasu mit-trab ta’ l-art.”            (Skrizzjoni li San Damasu kiteb għalih stess)

 

 

 

 

 

12 TA’ DIĊEMBRU

 

SANTA ĠOVANNA FRANĠISKA DE CHANTAL

Armla u Reliġjuża: 1572 – 1641

 

Santa Ġovanna twieldet f’familja prominenti f’Dijon, Franza, fit-28 ta’ Jannar 1572.  Kellha żewġ ħuta subien, wieħed ikbar u l-ieħor iżgħar minnha.  Omma mietet meta twieled it-tieni tifel meta Ġovanna kellha biss sena u nofs.

 

Ta’ 20 sena, missierha żewwiġha lill-Baruni de Chantal li kien seba’ snin ikbar minnha, u kellha  sitt itfal li minnhom għexu erbgħa.  Hija gawdiet żwieġ hieni sakemm disa’ snin wara li żżewġu sfat deżolata meta żewġha miet f’inċident waqt li kien għall-kaċċa, fl-1601.

 

Fl-1604, meta kellha 32 sena ltaqgħet ma’ San Franġisk de Sales u l-ħbiberija ta’ bejniethom baqgħet sal-mewt tiegħu fl-1622.  Taħt it-tmexxija tiegħu hi ħaffet b’ħeġġa ’l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni, u ħabirket kemm felħet f’opri ta’ mħabba għall-foqra u l-aktar għall-morda.

 

Meta San Franġisk urieha l-proġett tiegħu li jifforma l-Kongregazzjoni tas-sorijiet ta;-Viżitazzjoni, hija laqgħet bil-ferħ il-proposta tiegħu u offriet li tgħinu b’ħilitha kollha.

 

Bintha l-kbira żżewġet lil ħu San Franġisk de Sales, binha ta’ erbatax-il sena ħa ħsiebu ħuha li kien l-Arċisqof ta’ Bourges, u ż-żewġt ibniet l-oħra ngħaqdu magħha fil-Kongregazzjoni li waqqfet ma’ San Franġisk fl-1610, f’Annecy, meta l-Qaddisa kellha 45 sena.

 

Il-Qaddisa mexxiet il-Kongregazzjoni b’għaqal kbir, u ratha tikber hekk malajr li sa qabel ma mietet kienu ġa nfetħu 86 kunvent.

 

Santa Ġovanna mietet f’Moulins, f’wieħed mill-kunventi tagħha, fit-13 ta’ Diċembru 1641, fl-eta’ ta’ 69 sena.  Ġisimha ħaduh f’Annecy u difnuh ħdejn dak ta’ San Franġisk de Sales.

 

Il-Papa Klement XIII iddikjaraha qaddisa fl-1767.

 

Hsieb:

Minkejja s-sofferenzi kollha li ġarrbet, wiċċha qatt ma tilef is-serenita’ tiegħu, u lanqas qatt darba ma naqset mill-fedelta’ li Alla talab minnha. 

(Dan il-kliem dwar Santa Ġovanna Franġiska de Chantal qalu San Vinċens de Paul li kien direttur spiritwali tagħha meta kienet Superjura tal-Kunvent ta’ Pariġi).  Meta aħna niltaqgħu mal-kuntrarju, tgħid wiċċna jibqa’ bħal ma kien jibqa’ dak ta’ Santa Ġovanna?

 

 

 

 

 

13 TA’ DIĊEMBRU

 

SANTA LUĊIJA

Verġni u Martri: 283? – 304

 

Skond tradizzjoni, jew forsi aħjar leġġenda, Santa Luċija twieldet Sirakuża, Sqallija, dwar is-sena 283, minn familja nobbli.  Meta kienet għadha żgħira tilfet lil missierha, u rabbietha ommha, Ewtakja.

 

Meta kibret, Luċija ipperswadiet lil ommha li kienet ilha marida, biex jagħmlu pellegrinaġġ flimkien għal Katanja u jmorru fuq il-qabar ta’ Santa Agata li kienet mietet martri xi ħamsin sena qabel.

 

Waqt li kienu qed jitolbu, l-omm fieqet f’daqqa waħda.

 

Luċija ddeċidiet li tħalli d-dinja u tikkonsagra ħajjitha kollha lil Alla, u tgħin lill-fqar.  Għamlet il-vot tal-verġinita’, u ħassret iż-żwieġ li kienet ser tidħol fih ma’ żagħżugħ nobbli pagan.

 

Dak iż-żagħżugħ ħassu mweġġa b’din l-azzjoni ta’ Luċija, u biex ipattihielha akkużaha quddiem il-Konslu Ruman li kienet nisranija, u ma kinetx tosserva l-liġijiet ta’ l-Imperu.

 

Santa Luċija b’kuraġġ kbir stqarret il-fidi tagħha u ġiet ikkundannata għat-torturi bin-nar u bl-ilma jagħli.

 

Hi baqgħet soda minkejja t-torturi li sofriet sakemm fl-aħħar nifdulha griżmejha b’xabla.  Hi baqgħet ħajja sakemm xi ħadd qarbinha, imbagħad mietet.

 

Dan ġara fil-persekuzzjonijiet ta’ l-Imperatur Djoklezjanu fis-sena 304.

 

Għalkemm ma hemm l-ebda evidenza storika ta’ din it-tradizzjoni dwar ħajjitha, ma hemm l-ebda dubju dwar il-kult tagħha u l-konnessjoni tagħha ma’ Sirakuża.

 

Isimha hu mniżżel fil-Kanone tal-quddiesa.

 

Hsieb:

”Jalla l-imġiba tagħkom turi lil kulħadd li l-kastita’ mhix biss virtù possibbli iżda hi wkoll virtù soċjali, li għandha tkun imħarsa permezz tat-talb, tal-viġilanza u bit-tgħakkis tas-sensi.”

                        (Il-Papa Ġwanni XXIII, Il Tempio Massimo, ittra lin-nisa reliġjużi)

 

 

 

 

 

14 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN ĠWANN TAS-SALIB

Saċerdot u Duttur tal-Knisja: 1542 – 1591

 

San Ġwann twieled f’Fontiberos, fil-Provinċja ta’ Avila, Spanja, għall-ħabta ta’ l-1542.  Tilef  lil missieru meta kien għadu tarbija.  Għadda żgħożitu Medina del Campo fejn kienet marret ommu biex issib ix-xogħol.  Meta kiber xi ftit beda jmur l-iskola ia damx għax malli tfarfar beda jaħdem.  Ipprova bosta snajja’ iżda mkien ma saddad.  Fl-aħħar meta kellu 17-il sena daħal jaħdem fi sptar.  Fl-istess ħin kien jattendi skola mmexxija mill-Ġiżwiti.  Wera li kellu moħħu tajjeb.

 

Fl-1563 daħal mal-Patrijiet Karmelitani li bagħtuh Salamanca biex jistudja fl-filosofija u t-teoloġija.  Fl-1567, ta’ 25 sena, sar saċerdot.

 

Ġwanni mar iqaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu f’Medina fejn kien hemm ommu u ħuh.  Hawn iltaqa’ ma’ Santa Tereża ta’ Ġesù, li kienet ġa bdiet tahdem biex tifforma l-Ordni Karmelitan, u pperswaditu biex jaħdem magħha għar-riforma tal-Patrijiet.

 

Fl-1568, flimkien ma’ erba’ kumpanni, fetaħ l-ewwel kunvent tal-Karmelitani Skalzi, u ħa l-isem ta’ Ġwanni tas-Salib.

 

Ġwanni sofra ħafna oppożizzjoni, persekuzzjoni, u saħansitra qafluh f’ċella, f’Toledo, fl-1577, iżda disa’ xhur wara, fl-1578 irnexxielu jaħrab, mar ingħaqad ma’ sħabu, u kompla bħala Superjur tal-Kunvent El Calvario, imbagħad ta’ Baeza fl-1579, u wara ta’ Granada fl-1581, u ħa f’idejh id-direzzjoni ta’ bosta kunventi tas-sorijiet Tereżjani.  F’dan iż-żmien kiteb uħud mill-isbaħ kotba tiegħu, u fetaħ bosta djar ta’ l-Ordni.

 

Fl-1591, f’kapitlu ġenerali li kien sar f’Madrid, Ġwanni ġie mneħħi minn kull kariga u ġie mibgħut bħala sempliċi patri fil-monasteru mbiegħed ta’ La Penuela.

 

Hawn marad u wara tliet xhur miet ta’ qaddis fl-14 ta’ Diċembru 1591, ta’ 49 sena, kważi mkeċċi mill-kongregazzjoni li tagħha kien l-ewwel membru u ma’ Santa Tereża fundatur.

 

Fl-1726 il-Papa Benedittu XIII iddikjarah Qaddis, u fl-1926 il-Papa Piju XI ipproklamah Duttur Mistiku tal-Knisja.

 

L-Opri kbar tal-kitba tiegħu huma erbgħa, l-ewwel tnejn komplementari: it-Telgħa tal-Għolja tal-Karmelu, il-Lejl Mudlam, Kantiku Spiritwali, u Fjamma \Ħajja ta’ Mħabba.

 

Hsieb:

”Fejn ma hemmx imħabba, qiegħed int l-imħabba, u ssib l-imħabba.”

                                                                                                (San Ġwann tas-Salib)

 

 

 

 

 

21 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN PIETRU KANISJU

Saċerdot u Duttur tal-Knisja: 1521 – 1597

 

San Pietru twieled f’Nijmegen, l-Olanda fl-1521. Missieru kien is-Sindku tal-Belt.

 

Meta kellu 15-il sena mar jistudja fl-Universita’ ta’ Cologne fejn iggradwa fil-filosofija.  Hawhekk iltaqa’ ma’ San Pietru Faber, kumpann ewlieni ta’ San Injazju ta’ Loyola.

 

Minn Cologne mar fl-Universita’ ta’ Louvain biex jistudja l-liġi, iżda hawnhekk ġietu l-ħajra li jsir saċerdot.  Mar sab lil Patri Faber li kien f’Mainz, għamel l-għamel l-eżerċizzi spiritwali taħt id-direzzjoni tiegħu u dahal Ġiżwita.

 

Qaddes fis-sena 1546, u sar l-ewwel Ġiżwita Ġermaniż.  Fetaħ dar tal-Ġiżwiti f’Cologne u ntefa’ jikteb u jippriedka waqt li kien jgħallem fl-Universita’.

 

Attenda għall-Konċilju ta’ Trentu u tkellem fih darbtejn.  Wara, mar Ruma fejn San Injazju ma damx ma bagħtu jgħallem fl-ewwel skola li l-Ġiżwiti kienu għadhom kemm fetħu f’Messina.

 

Fl-1549, Il-Papa Pawlu III talab lil San Injazju jibgħat xi Professuri Ġiżwiti fl-Universita’ ta’ Ingolstadt.  L-għażla ta’ San Injazju waqgħet fuq San Kanisju.

 

Fl-1552, fuq talba tar-Re Ferdinand, San Kanisju mar jgħallem fl-Universita’ ta’ Vjenna.  Riduh isir Isqof tal-belt iżda ma’ aċċettax, u meta l-Papa Ġulju III għamlu amministratur tad-Djoċesi, irnexxielu jeħles minn din il-kariga wara sena.  Fl-1556, ġie maħtur minn San Injazju l-ewwel Provinċjal tal-Ġermanja ta’ Fuq.  Sadanittant baqa’ jaħdem bla heda għar-riforma kattolika kontra l-Protestantiżmu.  Ippriedka fil-biċċa l-kbira ta’ l-ibliet u l-irħula kollha tal-Ġermanja.

 

Il-lista tal-kitbiet tiegħu hi twila ferm.  L-ittri biss ilaħħqu mat-tmien columi.  Hawn msemmi ħafna għat-tliet kotba tal-Katekiżmu li kiteb għat-tfal, għaż-żgħażagħ u għall-kbar.

 

Fl-1580 mar fi Fribourg, l-Iżvizzera biex iwaqqaf kulleġġ li llum sar l-Universita’ ta’ Fribourg.  Baqa’ fl-Iżvizzera għall-aħħar 17-il sena ta’ ħajtu, u miet fl-istess kulleġġ, fil-21 ta’ Diċembru 1597.  Ħalla warajh legat kbir enormi ta’ xogħol appostoliku li wettaq għall-Knisja li hu tant ħabb.

 

Il-Papa Piju XI żied ismu fil-lista tal-Qaddisin u ddikjarah Duttur tal-Knisja.  Hu magħruf bħala ”t-Tieni Appostlu tal-Ġermanja”, wara San Bonifazju.

 

Hsieb:

Meta darba San Kanisju kien mistoqsi jekk kienx mgħobbi żżejjed bix-xogħol, wieġeb: ”Għandek kemm għandek x’tagħmel, bil-għajnuna ta’ Alla, tista’ tlaħħaq ma’ kollox”.  Sew jekk għandna ħafna x’nagħtu, bħal San Kanisju, u sew jekk għandna ftit, bħall-armla tal-Vanġelu, l-importanti hu li nagħtu kollox minn qalbna.

 

 

 

 

 

23 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN ĠWANN TA’ KETY

Saċerdot: 1390 – 1473

 

San Ġwann twieled fir-raħal ta’ Kety, Djoċesi ta’ Krakoaw, il-Polonja, fit-23 ta’ Ġunju 1390.  Hu studja fl-Universita’ ta’ Krakoaw minn fejn ordna saċerdot, u wara sar professur tat-teoloġija.

 

Għallem għal bosta snin fl-Universita’ ta’ Krakoaw; imbagħad l-għira ta’ xi wħud minn sħabu pperswadiet lis-superjuri tiegħu biex jibagħtuh bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ilkusi.  Iżda wara xi tmien snin raġa mar Krakoaw jgħallem l-Iskrittura fl-Universita’ fejn baqa’ sakemm miet.

 

San Ġwann kien qaddis tipiku: kien bniedem ta’ fidi safja, twajjeb, umli, ġeneruż, dejjem ferħan iżda serju, u mimli mħabba lejn għajru tant li wasal li ta’ ġidu kollu lill-foqra.

 

B’xewqa li jmut martri, għamel pellegrinaġġ fl-Art Imqaddsa biex jippriedka fost il-Musulmani.  F’ħajtu għamel erba’ pellegrinaġġi għal Ruma bil-mixi, iġorr ħwejġu fuq dahru.

 

San Ġwann miet fi Krakoaw lejliet il-Milied tal-1473.  Ikkanonizzah il-Papa Klement XIII fl-1767.

 

Hsieb:

”San Ġwann kien ta’ eżempju mill-isbaħ għall-professuri ta’ l-Universita’, kien ispirazzjoni ta’ dedikazzjoni kompleta fid-doveri tiegħu u fit-tagħlim. ... Barra mill-umilta’ kbira li kellu, kien sempliċi qisu tifel.  Kuljum wara li jkun għallem kien jibqa’ sejjer dritt il-knisja u jqatta’ sigħat sħaħ jitlob quddiem Ġesù fl-Ewkaristija.”

                                                                                                (Il-Papa Klement XIII)

 

 

 

 

 

25 TA’ DIĊEMBRU

 

IT-TWELID TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU

 

Il-Messija kien ilu mwiegħed sa minn mijiet ta’ snin.  Kienet ta’ preparazzjoni għalih l-għażla ta’ poplu, li sar il-poplu ta’ Alla.  Ħabbruh il-Profeti.  Xtaqu l-poplu magħżul, speċjalment meta ħass ruħu magħfus mill-ġnus barranin.

 

Meta, imbagħad, waslet il-milja taż-żmenijiet, il-Mulej twieled minn mara jisimha Marija.  Għalkemm miżżewġa ma’ Ġużeppi, raġel ġust, hi baqgħet verġni fit-twelid ta’ l-Iben waħdieni tagħha, għax dak li sar fiha kien opra ta’ l-Ispirtu s-Santu.

 

Fi twelidu, fil-faqar ta’ għar ġo Betlem, l-ewwel ma għarfuh kienu r-ragħajja.  Imma hu ġie għall-bnedmin kollha, fqar u għonja bla differenza ta’ xejn.

 

Minn dak in-nhar ta’ twelidu, id-dinja bdiet tisma’ s-sejħa ħalli timxi warajh.  Il-poplu Lhudi ma baqax waħdu bħala l-poplu ta’ alla.  Bdiet isseħħ il-fidwa tal-bnedmin kollha, ta’ kull lewn, ta’ kull razza, u ta’ kull żmien.

 

Il-25 ta’ Diċembru kienet il-ġurnata li fiha d-dinja rumana kienet tiċċelebra t-twelid tax-xemx, għax f’dak iż-żmien tas-sena l-ġurnata terġa’ tibda titwal.  L-insara għażlu din il-ġurnata biex fiha jiftakru u jifirħu bit-twelid ta’ Ġesù Kristu:  ix-xemx ta’ dejjem u d-dawl ta’ kull bniedem.

 

Il-ferħ tal-Milied, it-tiżjin tat-toroq, ir-rigali li nagħtu lil xulxin suppost li huma sinjali li jfakkruna li Ġesù Kristu twieled ġewwa fina u qed jgħix fil-qalb tagħna.  Flimkien mar-rigali, in-nisrani jwassal ’il Kristu bil-kelma u bl-imġiba, u b’messaġġ li jibqa’ jinħass għal wara l-Milied ukoll.

 

Hsieb:

”Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna modi permezz tal-Profeti.  Issa, f’dan l-aħħar żmien, hu kellimna permezz ta’ Ibnu”. (Lhud 1, 1-2)  Agħmel Mulej li aħna nħossu fina dak li fisser għalina t-twelid tiegħu madwar elfejn sena ilu, meta għamilna wlied adottivi ta’ Alla, u werrieta ta’ saltna li ma tintemm qatt.

 

 

 

 

 

 

26 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN STIEFNU

L-Ewwel Martri: L-Ewwel Seklu

 

Kull ma nafu dwar San Stiefnu nafuh mis-sitta u s-seba’ kapitli ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.

 

San Stiefnu kien Lhudi, iżda ta’ kultura Griega.  Ismu bil-grieg ifisser kuruna.  Sar dixxiplu ta’ Ġesù wara l-Axxensjoni, u ntgħażel biex ikun wieħed mis-seba’ Djakni.  Il-kelma djakni ġejja mill-Grieg ”diakonia” li tfisser servizz.

 

In-nunru ta’ l-Insara kien qed joktor.  Dawk li kienu ta’ kultura Griega (Hellenin) bdew igergru li n-nisa romol tagħhom ma kinux jieħdu ħsiebhom bħalma kienu jieħdu ħsieb ir-romol tal-Lhud.  L-appostli ma setgħux iħallu l-kelma ta’ Alla biex jaqdu fl-imwejjed, għalhekk talbu l-komunita’ biex jagħżlu sebat irġiel prudenti u twajbin biex jagħmlu dan ix-xogħol.  L-ewwel li għażlu kien San Stiefnu, żagħżugħ mimli bl-Ispirtu u bil-għerf.

 

Kellu inizjattiva straordinarja, għamel bosta għeġubijiet u kien jitkellem b’għerf u b’enerġija hekk qawwija li ħadd ma kien jista’ jirreżistih.

 

Il-Lhud xegħlu kontrieh, u billi ma setgħux ilaħħqu ma’ l-għerf tiegħu xlewh quddiem is-Sinedriju li kien qed jinsulta l-liġi ta’ Alla u ta’ Mose’.

 

Huma karkruh barra mill-belt u ħaġġruh.  Hekk sar l-ewwel wieħed li ta ħajtu għall-fidi tiegħu f’Ġesù.  Meta kien quddiem din il-ġemgħa ta’ nies mimlija qilla għalih biex joqtluh wera kuraġġ kbir liema bħalu meta għamel kif għamel qablu Ġesù, talab għall-għedewwa tiegħu.

 

Fost dawk li kienu preżenti kien hemm Sawlu, dak li mbagħad sar l-Appostlu tal-Ġnus, kien l-ewwel u l-akbar frotta tad-demm li xerred San Stiefnu fil-martirju tiegħu.

 

Hsieb:

San Stiefnu ħaddan il-mewt li ġiet għalih fl-aħjar ta’ ħajtu, b’kuraġġ mill-akbar, b’tamal-iktar qawwija li kien ser jingħaqad ma’ Ġesù fil-ġenna, u bl-imħabba liema bħalha lejn kulħadd, ukoll lejn dawk li kienu qed joqtluh.  Tgħid aħna kapaċi naslu li nagħmlu bħalu meta xi ħadd joffendina bil-kbir!  Iva naslu jekk inkunu nħobbu lil Ġesù bħalma kien iħobbu hu.

 

 

 

 

 

27 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN ĠWANN

Appostlu u Evanġelista: L-Ewwel Seklu

 

San Ġwann twieled fil-Galilija, f’ madwar is-sena 6 wara Kristu.  Missieru kien sajjied jismu Żebedew.

 

Ġwanni u ħuh San Ġakbu l-Kbir ġew imsejħin minn Ġesù biex ikunu dixxipli tiegħu (Mk. 1:19-20).  Mid-dehra kellhom karattru fuq tagħhom.  Darba resqu lejn Ġesù u qalulu: ”Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna (ara Mk. 10:35-41).  Darb’oħra meta s-Sammaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom? (Lq. 9:54) Ġesù kien sejħilhom Boanerges, jiġifieri ”ulied ir-ragħad”. (Mk. 3:17)

 

Bdanakollu, Ġesù kellu mħabba kbira lejn dawn iż-żewġ aħwa.  U San Ġwann kien ”id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù” (Ġw. 21:7).

 

Huwa kien preżenti fit-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru: fl-agunija ta’ Ġesù fil-Ġetsemani.  Flimkien ma’ Pietru kien magħżul biex iħejji l-aħħar ikla.  F’dik l-ikla kien ħdejn Ġesù b’rasu ma’ sider Ġesù.  Kien ukoll l-uniku fost l-appostli li għalkemm kien l-iżgħar fosthom baqa’ mal-Madonna taħt is-salib meta Ġesù kien imsallab sakemm miet u difnuh.

 

Minn fuq is-salib, ftit qabel miet, Ġesù fdah f’idejn il-Madonna, u fl-istess waqt talbu jieħu ħsieb il-Madonna.

 

F’Ħadd il-Għid, Ġwanni mar jiġri flimkien ma’ San Pietru lejn il-qabar ta’ Ġesù, u emmen li Ġesù kien qam mill-mewt.  Kien hu wkoll, l-ewwel wieħed, li għaraf lil Ġesù rxuxtat ħdejn il-baħar ta’ tiberjade.

 

Ġwanni kien ma’ San Pietru ħdejn it-Tempju, wara l-Pentekoste, meta sar l-ewwel miraklu kbir – il-fejqan ta’ wieħed magħtub minn twelidu, li minħabba f’hekk kellu jqatta’ l-lejl fil-ħabs, flimkien ma’ San Pietru.

 

Wara li waqqaf il-Knisja f’Ġerusalemm huwa mar għal xi snin f’Efesu, fl-Asja Minuri (illum Turkija).  Hawnhekk, skond tradizzjoni, għex mal-Madonna sakemm mietet, u kiteb il-Vanġelu u l-ittri.

 

Minħabba t-tagħlim tiegħu huwa ġie eżiljat għal xi żmien fil-gżira ta’ Patmos fejn kiteb l-Apokalissi. (Apok. 1:9)

 

Huwa ħadha bil-qawwa kollha ma’ l-eretiċi li kienu jgħidu li Ġesù ma kienx Alla, u saħaq ħafna ma’ l-Insara fuq il-kmandament ta’ l-imħabba.

 

Huwa miet f’Efesu, l-aħħar fost l-Appostli, meta kellu madwar erbgħa u disgħin sena.

 

Hsieb:

San Ġirolmu kiteb li meta San Ġwann xjieħ ħafna u ma seta’ jieħu sehem fl-ebda attivita’ kien jgħid lil kull min kien jiltaqa’ miegħu: ”Uliedi, ħobbu lil xulxin”.  Meta xi ħadd staqsieh għaliex kien jirrepeti dejjem l-istess ħaġa, kien iweġibhom: ”Għax dan huwa t-tagħlim tal-Mulej Ġesù, u jekk tħarsuh tkunu qed tagħmlu biżżejjed”.

 

 

 

 

 

28 TA’ DIĊEMBRU

 

IL-QADDISIN INNOĊENTI MARTRI

 

Fit-tieni kapitlu ta’ l-Evanġelju skond San Mattew, insibu li malli s-Sultan Erodi l-Kbir li taħtu twieled Ġesù, għaraf li kien ġie ngannat mill-Maġi, xegħel b’rabja kbira, u minnufih ordna l-massakru tat-tfal subien ta’ taħt is-sentejn f’Betlem u fl-inħawi ta’ madwar.  Hu bbaża l-kalkoli tiegħu fuq id-dati li kien ġabar minn fomm il-Maġi.

 

Il-maġġoranza tal-kommentaturi jgħidu li n-numru tat-tfal innoċenti martri ma kienx jgħodd iżjed minn 25.

 

Din il-festa nsibuha tiġi ċċelebrata fil-Knisja sa mis-seklu ħamsa, u mis-seklu sitta ’l quddiem il-jum tal-Festa sar it-28 ta’ Diċembru.

 

Dawn il-vittmi innoċenti huma meqjumin bħala ”martri”, iżda mhux bħala martri ordinarji.  Huma mhux biss mietu għal Kristu, iżda minflok Kristu.

 

Hsieb:

Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hi s-saltna ta’ Alla.  Tassew, ngħidilkom, li min is-saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex b’qalb ta’ tifel ċkejken ma jidħolx fiha.  (Lq. 18:16)

 

 

 

  

29 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN TUMAS BECKET

Isqof u Martri: 1118 – 1170

 

San Tumas Becket twieled f’Londra, fil-21 ta’ Diċembru 1118, minn familja sinjura u prominenti.  Huwa studja mal-Kanonċi regulari f’ Merton, Surrey.

 

Meta kellu 24 sena daħal skrivan ma’ Teoboldu, Arċisqof ta’ Canterbury, u malajr sar kunfidenti ewlieni tiegħu.

 

Fl-1154 ordnaq djaknu u l-Arċisqof ħatru Arċidjaknu ta’ Canterbury, u fl-1155 ir-Re Neriku II ħatru l-Kanċillier ta’ l-Ingilterra.  Malajr sar bniedem setgħan u għani ħafna.

 

Meta Teoboldu miet fl-1161, Tunas ġie nnominat mir-Re stess biex jilħaq floku.  Għalhekk, fl-1162 Tumas ġie ordnat saċerdot u wara kkonsagrat isqof.  Hekk Tumas sar l-Arċisqof ta’ Canterbury u Primat ta’ l-Ingilterra.

 

Wara l-ħatra tiegħu, Tumas irriżenja minn kanċillier, ħalla l-ħajja lussuża tiegħu u ħaddan waħda l-iktar sempliċi, u bedaq jagħmel id-doveri reliġjużi tiegħu bl-ikbar reqqa.

 

Il-ħbiberija li kien hemm bejn ir-Re u l-Arċisqof bdiet titħassar minħabba l-konflitti  li bdew jinqalgħu bejn il-Gvern u l-Knisja.  Neriku ried li l-Knisja tkun ubbidjenti lejh, waqt li Tumas ma setax skond il-kuxjenza tiegħu jħalli l-Knisja titlef il-liberta’ u d-drittijiet tagħha.

 

Fl-1164, l-Arċisqof irrifjuta jaċċetta l-Kostituzzjoni ta’ Clarendon li fost kollox kienu jiċħdu lill-kleru d-dritt li jappella għand il-Papa.  Minħabba f’hekk l-Arċisqof kellu jaħrab u jmur fi Franza fejn dam eżiljat għal sitt snin sakemm reġa’ lura l-Ingilterra fl-1170.

 

Meta r-Re sar jaf li l-Arċisqof irritorna, ir-Re mitluf bir-rabja qal: ”Kif? Ma hawn ħadd f’saltnati li jista’ jeħlisni minn dal-qassis insolenti?”

 

Għal dan il-kliem, erba’ kavallieri tar-Re marru immedjatament fil-Katidral ta’ Canterbury u qatlu lill-Arċisqof bix-xwabel tagħhom fid-29 ta’ Diċembru 1170.

 

Il-mewt ta’ San Tumas ħasdet l-Ewropa kollha.  Sentejn wara mewtu ġie kkanonizzat Qaddis mill-Papa Alessandru III.

 

Hsieb:

San Tumas Becket iddefenda bis-sħiħ id-drittijiet li l-kariga tiegħu kienet titlob li għandu jħares.  Żamm iebes kontra  pressjoni u intimidazzjoni l-iktar qawwijin.  Ma ċediex akkost li jitlef ħajtu.  Aħna kemm naqdu l-kariga jew nagħmlu x-xogħol tagħna kuxjenzjożament? Kemm ma nħallux il-flus, il-prestiġju, il-poter, l-avvanz, impieg ieħor, jew xi gwadann ieħor jinfluwenzana b’mod li nittraskuraw il-qadi ta’ dmirijietna?  Kemm?

 

 

 

 

 

31 TA’ DIĊEMBRU

 

SAN SILVESTRU I

Papa: ? – 335

 

San Silvestru kien iben ta’ wieħed Ruman jismu Rufinu.  Il-Papa San Marċellinu ordnah qassis f’dak iż-żmien ta’ paċi qabel bdiet il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu.  Imbagħad fil-persekuzzjoni, il-Qaddis wera qlubija l-iktar kbira.

 

Fi żmienu saru l-abdikazzjonijiet ta’ l-Awgusti Djoklezjanu u Massimjanu.  Ra jseħħ ukoll it-trijonf ta’ Kostantinu l-Kbir fis-sena 312.

 

Wara l-mewt tal-Papa San Milzjade, San Silvestru nħatar bħala s-suċċessur tiegħu, it-33 Papa, fis-sena 314.

 

San Silvestru mexxa l-Knisja b’għaqal u b’responsabbilta’ kbira, meta l-Knisja bis-saħħa ta’ Kostantinu l-Kbir, ħarġet mill-katakombi.

 

Permezz tad-Delegati tiegħu, San Silvestru I ħa sehem fil-Konċilju ta’ Arles fis-sena 314, li kkundanna l-ereżija tad-Donatisti u wettaq il-validita’ tas-sagramenti amministrati mill-eretiċi; approva l-Konċilju Ekumeniku, dak ta’ Niċea fis-sena 325, li kkundanna l-ereżija ta’ Arju li Ġesù mhux Alla u għalhekk il-Madonna mhix Omm Alla, u fformula l-Kredu ta’ Niċea.

 

Fi żmien il-papat tiegħu nbnew il-knejjes kbar ta’ San Pietru, ta’ Santa Croce, ta’ San Lawrenz Fuori le Mura, ta’ San Silvestru, u oħrajn.  Fi żmienu wkoll il-Palazz tal-Lateran sar ir-residenza uffiċjali tal-Papa.

 

San Silvestru miet fil-31 ta’ Diċembru tas-sena 335, wara li kien ilu Papa 21 sena u ħdax-il xahar.  Difnuh fiċ-ċimieterju ta’ Prixxilla, fit-Triq Salarja.

 

Hsieb:

Mexxej għaqli (fil-Knisja, fil-politika, ġenituri, u kull min ghandu xi setgħa kbira jew żgħira), ma għandux joqgħod iħaqqaqha għall-jedd tiegħu, u hekk iġib iktar tensjoni u taħwid, iżda bil-kuraġġ u bl-umilta’ kollha għandu jfittex li jifhem, ifiehem u jiftiehem mal-parti l-oħra.  San Silvestru kien tassew bniedem għaqli biex irnexxielu jmexxi hekk tajjeb il-Knisja fi żmien Imperatur ta’ l-istatura ta’ Kostantinu.