Stampa t-test tal-qari ...


30 ta’ Diċembru

Is-Sitt Jum fost l-Ottava tal-Milied

 

Qari I

Min jagħmel ir-rieda ta’ Alla jibqa’ għal dejjem.

1 Ġw 2, 12-17

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Qiegħed nikteb lilkom, uliedi,

għax intom dnubietkom maħfura bis-saħħa ta’ ismu.

Qiegħed nikteb lilkom, missirijiet,

għax intom għaraftu ’l dak li hu sa mill-bidu.

Qiegħed nikteb lilkom, żgħażagħ,

għax intom għelibtu l-Ħażin.

Ktibt lilkom, tfal,

għax intom għaraftu lill-Missier.

Ktibt lilkom, missirijiet,

għax intom għaraftu lil dak li hu sa mill-bidu.

Ktibt lilkom, żgħażagħ,

għax intom qawwija u l-kelma ta’ Alla qiegħda tgħammar fikom

u intom għelibtu l-Ħażin.

 

Tħobbux id-dinja u anqas dak li hemm fiha! Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih. Kulma fiha d-dinja, jiġifieri l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda tal-għajnejn u l-kburija tal-ħajja, dan mhuwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja. U d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Alla jibqa’ għal dejjem!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 95 (96), 7-8a.8b-9.10

 

R/. (11a): Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art

 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,

agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;

agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu! R/.

 

Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu;

inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis;

triegħdu quddiemu, nies kollha tal-art! R/.

 

Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”

Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek!

Hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jum qaddis feġġ għalina:

ejjew ġnus, qimu lill-Mulej,

illum dawl kbir niżel fuq l-art.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Anna bdiet titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa.

Lq 2, 36-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù f’Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej. Kien hemm waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm. Meta temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu