L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Lejl ma jkunx hemm iżjed, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom.

Apok 22, 1-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, rajt anġlu li wrieni x-xmara tal-ilma tal-Ħajja, ċara daqs il-kristall, tgelgel mit-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf. F’nofs il-pjazza tal-Belt, fuq naħa u oħra tax-xmara, hemm siġra tal-Ħajja tagħmel frott tnax-il darba fis-sena, trodd il-frott tagħha darba fix-xahar; il-weraq tas-siġra huma duwa tajba għall-ġnus.

 

Ebda saħta ma jkun hemm iżjed.

Fiha jkollha t-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf,

u l-qaddejja tiegħu jaqduh,

jaraw wiċċu,

u jkollhom ismu fuq ġbinhom.

Lejl ma jkunx hemm iżjed,

u ma jkunux jeħtieġu dawl ta’ musbieħ u dawl tax-xemx,

għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom,

u huma jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem.

 

Imbagħad qalli: “Dawn il-kelmiet huma minnhom u ta’ min joqgħod fuqhom: il-Mulej stess, Alla tal-ispirti tal-profeti, bagħat l-anġlu tiegħu biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu bil-ħwejjeġ li għandhom jiġru dalwaqt. Arani ġej minnufih. Hieni min iħares il-kelmiet tal-profezija ta’ dan il-ktieb.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 94 (95), 1-2.3-5.6-7

 

R/. (1 Kor 16, 22b u Apok 22, 20ċ): Maranata! Ejja, Mulej Ġesù!

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,

ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ. R/.

 

Għax Alla kbir hu l-Mulej,

sultan kbir fuq l-allat kollha.

F’idejh huma qigħan l-art,

tiegħu huma qċaċet l-għoljiet.

Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu;

tiegħu l-art, għax b’idejh saret. R/.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 21, 36

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ishru, u itolbu l-ħin kollu,

biex tkunu tifilħu tieqfu quddiem Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ishru, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri.

Lq 21, 34-36

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu