Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Ġej biex ngħammar f’nofsok.

Żak 2, 5-9.14-15a

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija

 

Erfajt għajnejja u ħarist, u ara kien hemm raġel li f’idu kellu ħabel biex iqis. U jien għedtlu: “Fejn inti sejjer?”. U hu weġibni: “Sejjer inqis ’il Ġerusalemm, biex nara kemm hu l-wisa’ tagħha u kemm hu t-tul tagħha”.

 

U ara, l-anġlu li kien kellimni waqaf u anġlu ieħor resaq jiltaqa’ miegħu. U dak qallu: “Iġri, kellem lil dak iż-żagħżugħ u għidlu: “Ġerusalemm tkun mgħammra bħal bliet mingħajr swar, daqs kemm ikun hemm nies u bhejjem ġo fiha. U jien inkun għaliha, oraklu tal-Mulej, ħajt tan-nar madwarha, u nkun is-sebħ tagħha f’nofsha”. Għajjat bil-ferħ u infexx fl-hena, bint Sijon, għaliex arani ġej biex ngħammar f’nofsok. Oraklu tal-Mulej.

 

U kotra kbira ta’ ġnus jingħaqdu dakinhar mal-Mulej; u huma jkunu l-poplu tiegħi. U jiena ngħammar f’nofsok”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Ġer 31, 10.11-12ab.13

 

R/. (10d): Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu

 

Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej,

xandruha ’l bogħod fil-gżejjer u għidu:

“Dak li xerred lil Iżrael jiġbru,

u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu”. R/.

 

Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,

ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.

Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta’ Sijon,

u wiċċhom jiddi minħabba t-tieba tal-Mulej. R/.

 

Imbagħad jifirħu x-xbejbiet biż-żfin,

jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ.

“Jiena nbiddel il-vistu tagħhom f’hena,

infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesů qered il-mewt,

u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin. Huma beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

Lq 9, 43b-45

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, waqt li kulħadd kien imnixxef bil-għaġeb quddiem dan il-kobor liema bħalu ta’ Alla, Ġesů qal lid-dixxipli tiegħu: “Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin”.

 

Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa’ mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu