L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Iġġarrfet Babilonja l-Kbira.

Apok 18, 1-2.21-23; 19, 1-3.9a

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, rajt anġlu ieħor nieżel mis-sema b’setgħa kbira, u l-art imtliet bid-dawl tal-glorja tiegħu. U għajjat b’leħen qawwi u qal:

“Iġġarrfet, iġġarrfet Babilonja l-Kbira,

u saret għamara tad-demonji,

saret ħabs tal-ispirti mniġġsin kollha,

ħabs tat-tajr imniġġes u mibgħud kollu”.

 

Imbagħad wieħed anġlu ta’ saħħa kbira rafa’ ġebla kbira tal-mitħna, waddabha fil-baħar u qal:

“Hekk b’saħħa tintrema Babilonja, il-Belt il-Kbira,

u ma tinstabx iżjed.

U fik ma jinstemax iżjed id-daqq tal-kitarristi u l-leħen tal-għannejja;

tad-daqqaqa tal-flawt u tat-trombi;

ebda mgħallem ta’ ebda sengħa ma jinstab iżjed ġewwa fik;

fik aktar ma tinstamax l-għanja tal-mitħna;

fik aktar ma jiddix id-dawl tal-musbieħ;

l-għana tal-għarus u tal-għarusa fik aktar ma jinstamax.

Għax il-merkanti tiegħek kienu l-kbarat tal-art,

u bis-seħer tiegħek tqarrqu l-ġnus kollha”.

 

Wara dan smajt bħal leħen qawwi ta’ kotra kbira fis-sema jgħidu:

“Hallelujah!

Is-Salvazzjoni u l-glorja u l-qawwa ta’ Alla tagħna,

għax veri u ġusti huma l-ġudizzji tiegħu;

għax għamel ħaqq miż-¸ienja l-Kbira,

dik li ħassret l-art biż-żína tagħha,

u tħallas minnha tad-demm tal-qaddejja tiegħu!”

 

U reġgħu qalu: “Hallelujah!

Iva, id-duħħan tagħha tiela’ għal dejjem ta’ dejjem”.

 

Imbagħad qalli: “Ikteb: Hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejdatat-tieġ tal-Ħaruf!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 99 (100), 2.3.4.5

 

R/. (Apok 19, 9a): Hienja dawk li kienu mistiedna

għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf!

 

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,

aqdu bil-ferħ lill-Mulej,

idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

 

Kunu afu li Jaħweh hu Alla,

hu ħalaqna, u aħna tiegħu,

aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

 

Idħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tiegħu,

bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;

roddulu ħajr u bierku ismu! R/.

 

Għax twajjeb il-Mulej,

għal dejjem it-tieba tiegħu;

minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 21, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,

għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġerusalemm tibqa’ tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.

Lq 21, 20-28

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba’; għax dawk ikunu jiem il-kastig li fihom iseħħ kulma hemm miktub. Jaħasra għalihom in-nisa li f’dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm kbir jaqa’ fuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu. In-nies jaqgħu taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm tibqa’ tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.

 

U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu