It-Tnax-il Ġimgħa taż-żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Ġuda meħud fl-eżilju.

2 Slaten 25, 1-12

 

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

 

Fid-disa’ sena tas-sultan Sedekija fl-għaxar xahar, fl-għaxra taxxahar, Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, tala’ għal Ġerusalemm, hu u l-eżerċtu tiegħu kollu, waqqaf il-kamp quddiemha, u tella’ ħajt dawramejt magħha. U l-belt damet magħluqa f’assedju sal-ħdax-il sena tas-sultan Sedekija.

 

Fir-raba’ xahar, fid-disgħa tax-xahar, meta l-ġuħ kien qabad jaħkem sewwa fuq il-belt, u ma kienx hemm aktar ħobż għan-nies tal-pajjiż, infetħet tiċrita fis-swar tal-belt, u s-sultan, bis-suldati kollha miegħu, ħarab billejl billi għadda mill-bieb ta’ bejn iż-żewġ ħitan li kien jagħti għall-ġnien tas-sultan; u, waqt li l-Kaldin kienu jdawru l-belt minn kull naħa, hu qabad it-triq tal-Għaraba.

 

Is-suldati Kaldin telqulha għal wara s-sultan, u qabduh fil-wita ta’ Ġeriko, fejn l-eżerċtu kollu tiegħu tferrex ‘il bogħod minnu. Is-sultan qabduh u ħaduh f’Ribla għand is-sultan ta’ Babilonja, u dan qatagħlu s-sentenza. Lil ulied Sedekija qatilhom quddiemu stess, u lil Sedekija għamieh, rabtu bil-ktajjen u ħadu Babilonja.

 

Fil-ħames xahar, fis-sebgħa tax-xahar – kienet id-dsatax-il sena tas-sultan Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja – Nebużaradan, kmandant tal-għases, fizzjal tas-sultan ta’ Babilonja, daħal Ġerusalemm. Ħaraq it-tempju tal-Mulej, u l-palazz tas-sultan, u d-djar kollha kbar ta’ Ġerusalemm. U s-suldati kollha tal-Kaldin, li kienu mal-kmandant tal-għases, ġarrfu s-swar ta’ madwar Ġerusalemm.

 

U kull min kien fadal mill-poplu li kienu baqgħu fil-belt, u dawk li kienu ċedew u għaddew għal mas-sultan ta’ Babilonja, u l-bqija kollha tan-nies, Nebużaradan, il-kmandant tal-għases, ħadhom fl-eżilju. Il-kmandant tal-għases ħalla ‘l xi wħud minn fost il-fqar tal-pajjiż biex jaħdmu l-oqsma tad-dwieli u r-raba’.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 136 (137), 1-2.3.4-5.6

 

R/. (6a): Dejjem niftakar fik, Ġerusalemm!

 

F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja,

hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna,

aħna u niftakru f’Sijon.

Mas-siġar tal-luq tagħha,

dendilna ċ-ċetri tagħna. R/.

 

Għax hemm, dawk li jassruna, talbuna ngħannulhom xi għanja;

dawk li hemm għakksuna stennew minna għana ta’ ferħ:

“Għannulna mill-għana ta’ Sijon”. R/.

 

Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej f’art barranija?

Tibbiesli idi l-leminija,

jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm! R/.

 

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,

jekk ma niftakarx fik,

jekk ma nżommxil Ġerusalemmil fuq minn kull ferħ tiegħi! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 8, 17

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Kristu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna,

u tgħabba bil-mard tagħna.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jekk trid, tista’ tfejjaqni.

Mt 8, 1-4

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

Kif Ġesù niżel minn fuq il-muntanja, folol kbar marru warajh. U resaq fuqu wieħed lebbruż, inxteħet quddiemu u qallu: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni”. Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid; kun imfejjaq!”. U minnufih ġismu ndaf mil-lebbra. U qallu Ġesù: “Qis li ma tgħid lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis u agħmel l-offerta li ordna Mosè, biex hekk tagħti xhieda li inti fiqt”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu