Ir-Raba Ġimgħa tar-Randan

Il-Ħamis

 

Qari I

Erġa’ lura mis-saħna tal-korla tiegħek.

Eżodu 32, 7-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Mosè: “Mur u inżel, għaliex tħassar il-poplu tiegħek, li inti tellajt mill-Eġittu. Malajr warrbu mit-triq li jiena wrejthom: għamlu għalihom għoġol tal-metall imdewweb, niżlu wiċċhom fl-art iqimuh, u offrewlu sagrifiċċju u qalu: “Dawn huma l-allat tiegħek, Iżrael, li tellgħuk mill-art tal-Eġittu”.

 

U l-Mulej issokta jgħid lil Mosè: “Jiena ħarist lejn dan il-poplu, u rajt li hu poplu ta’ ras iebsa. Ħallini waħdi, issa, ħalli nixgħel il-korla tiegħi għalihom u neqridhom. U lilek nagħmlek ġens kbir”.

 

Mosè mbagħad talab bil-ħniena quddiem il-Mulej, Alla tiegħu, u qal: “Għaliex, Mulej, tixgħel bil-korla tiegħek għall-poplu tiegħek, li int, b’ħila kbira u b’id qawwija, ħriġtu mill-art tal-Eġittu? L-għala għandhom jgħidu l-Eġizzjani: “Araw x’deni għamlilhom: ħariġhom biex itemmhom fil-muntanji u jeqridhom minn wiċċ l-art”? Erġa’ lura mis-saħna tal-korla tiegħek, u reġġa’ lura l-ħsara li trid tagħmel lill-poplu tiegħek. Ftakar f’Abraham, f’Iżakk u f’Iżrael, il-qaddejja tiegħek, li int ħliftilhom bik innifsek u għedtilhom: “Inkattar in-nisel tagħkom bħall-kwiekeb tas-sema, u din l-art kollha, li jien wegħedt, nagħtiha lil nisilkom bħala wirt għal dejjem”.

 

U l-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 105 (106), 19-20.21-22.23

 

R/. (4a): Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek

 

Għamlu għoġol ħdejn il-Ħoreb,

qiemu xbieha tal-metall imdewweb.

Bidlu ’l Alla, il-glorja tagħhom,

ma’ xbieha ta’ gendus jiekol il-ħaxix. R/.

 

U nsew ’l Alla, li salvahom,

li għamel ħwejjeġ kbar fl-Eġittu,

għeġubijiet fl-art ta’ Ħam,

ħwejjeġ tal-biża’ fil-Baħar tal-Qasab. R/.

 

Kien għamel il-ħsieb li jeqridhom,

li ma kienx għal Mosè, il-magħżul tiegħu,

li waqaf fis-selħa tas-sur quddiemu,

biex iberrdu u ma jeqridhomx. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 3, 16

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,

biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Dak li jakkużakom huwa Mosè, li fih qegħedtu t-tama tagħkom.

Ġw 5, 31-47

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil-Lhud: Kieku jien kelli nagħti xhieda fuqi nnifsi, ix-xhieda tiegħi ma kinitx tkun minnha. Hemm ħaddieħor li jagħti xhieda fuqi, u jiena naf li x-xhieda li jagħti fuqi hu hi minnha.

 

Intom bgħattu tistaqsu lil Ġwanni, u hu ta xhieda għall-verità. Mhux għax jien għandi bżonn ix-xhieda ta’ bniedem, imma qiegħed ngħidilkom dan għas-salvazzjoni tagħkom. Għax dak kien musbieħ jixgħel u jiddi, u intom, għal ftit, ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu. Iżda jien għandi xhieda akbar minn dik ta’ Ġwanni; għax l-għemejjel li tani l-Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel, jixhdu għalija li kien il-Missier li bagħatni.

 

U dak li jagħti xhieda fuqi huwa dak stess li bagħatni, il-Missier, li intom la qatt smajtu leħnu u lanqas rajtu l-bixra ta’ wiċċu; u l-kelma tiegħu ma tinsabx fikom, għax intom m’intomx temmnu lil dak li huwa bagħat.

 

Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja ta’ dejjem; din tagħti xhieda għalija; u madankollu ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja. Jiena ma nieħu ebda glorja mill-bnedmin, imma jiena lilkom nafkom, naf li l-imħabba ta’ Alla ma tinsabx fikom. Jien ġejt f’isem Missieri, u intom ma lqajtunix; jekk ħaddieħor jiġi f’ismu stess, intom tilqgħuh. Imma kif jista’ jkun li temmnu, intom li tieħdu l-glorja mingħand xulxin, waqt li xejn ma tfittxu l-glorja li tiġi mingħand Alla waħdu?

 

Xejn la taħsbu li se nkun jien li nakkużakom quddiem il-Missier; dak li jakkużakom huwa Mosè, li fih qegħedtu t-tama tagħkom. Għax kieku kontu temmnu lil Mosè kontu temmnu lili wkoll, għax Mosè fuqi kiteb. Imma jekk intom ma temmnux dak li kitbilkom hu, kif se temmnu dak li ngħidilkom jien?”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu