Stampa t-test tal-qari ...


L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Ma nstab ħadd bħal Danjel, Ħananija, Misačl u Għażarija.

Dan 1, 1-6, 8-20

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

 

Fit-tielet sena tas-saltna ta’ Ġeħojakim is-Sultan ta’ Ġuda, Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja, tala’ Ġerusalemm biex jaħbat għaliha. U Alla Sidi telaqlu f’idejh lil Ġeħojakim, sultan ta’ Ġuda, u xi ħaġa mit-tagħmir tat-tempju ta’ Alla; u hu ġarrhom fl-art ta’ Singħar, fid-dar tal-alla tiegħu, u qegħedhom fit-teżor tat-tempju tal-alla tiegħu.

 

Imbagħad is-sultan ordna lil Asfenaż, il-kbir fost l-uffiċjali tiegħu, biex iġib lil xi wħud mill-Iżraelin, kemm minn nisel is-sultan u kemm minn tal-kbarat, żgħażagħ li ma jkun fihom ebda difett, sbieħ f’surithom, imħarrġin f’kull għerf, mogħnija bid-dehen, jafu jħaddmu l-għaqal, u li jkunu jinqalgħu biex jaqdu fil-palazz tas-sultan, biex lilhom Asfenaż jgħallimhom il-kitba u l-ilsien tal-Kaldin. Is-sultan ried ukoll li ta’ kuljum jibda jingħatalhom sehem mill-ikel tas-sultan u mill-inbid li kien jixrob hu, u li jibqgħu jitħarrġu għal tliet snin, meta mbagħad jibdew jidhru quddiem is-sultan. Fosthom kien hemm Danjel, Ħananija, Misačl u Għażarija, minn ulied Ġuda.

 

Issa Danjel kien għamel il-ħsieb li ma jitniġġisx bl-ikel tas-sultan u bl-inbid li kien jixrob hu, u talab lill-kap tal-uffiċjali biex ma jniġġisx. U Alla ta lil Danjel li jsib tieba u ħniena quddiem il-kap tal-uffiċjali. Dan, iżda, qal lil Danjel: “Nibża’ minn sidi s-sultan, li ordna x’għandkom tieklu u tixorbu, li ma jmurx jaralkom wiċċkom mixrub aktar minn dak taż-żgħażagħ l-oħra tamparkom; inkella mbagħad rasi jkollha tagħmel tajjeb għalikom quddiem is-sultan”. Imbagħad Danjel qal lill-uffiċjal li kien tqabbad mill-kap tal-uffiċjali biex jieħu ħsieb Danjel, Ħananija, Misačl u Għażarija: Nitolbok tagħmel prova ta’ għaxart ijiem fuq il-qaddejja tiegħek, biex lilna tagħtina nieklu ħxejjex u nixorbu l-ilma. Imbagħad ejja ħares lejna u lejn iż-żgħażagħ l-oħra li jieklu mill-ikel tas-sultan, u fuq dak li tara, imxi mal-qaddejja tiegħek”.

 

Hu qagħad għal dak li qalulu, u għaddiehom minn prova ta’ għaxart ijiem. Meta għaddew l-għaxart ijiem, dehru li kienu sbieħu u tqawwew f’ġisimhom aktar miż-żgħażagħ l-oħra li kienu jieklu mill-ikel tas-sultan. Għalhekk l-uffiċjal neħħielhom l-ikel speċjali tagħhom u l-inbid li tahom jixorbu, u newlilhom il-ħxejjex. U lil dawk l-erba’ żgħażagħ Alla tahom għerf u għaqal f’kull kitba u għerf, u Danjel sar jifhem id-dehriet u l-ħolm kollu.

 

Meta wasal iż-żmien li fih iż-żgħażagħ kellhom jidħlu quddiem is-sultan, kif hu stess kien ordna, il-kap tal-uffiċjali daħħalhom quddiem Nabukodonosor. Is-sultan qagħad jitkellem magħhom, u fosthom ilkoll ma nstab ħadd bħal Danjel, Ħananija, Misačl u Għażarija; u dawn baqgħu quddiem is-sultan. U f’kull ħaġa ta’ għerf u għaqal li kien jistaqsihom is-sultan, kien isibhom għaxar darbiet aqwa mill-maġi u l-bassara kollha li kien hemm fis-saltna kollha tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Dan 3, 52.53.54.55.56

 

R/. (52b): Ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem

 

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna,

imbierek ismek qaddis u msebbaħ. R/.

 

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek,

imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek. R/.

 

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li ħarstek tinfed l-abbissi,

imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 24. 42a.44

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ishru u kunu lesti intom ukoll,

għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa

li fiha jiġi Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ra waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus.

Lq 21, 1-4

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesů rafa’ għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju. U ra wkoll waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus, u qal: “Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu