It-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Is-sultan ta’ Babilonja ġarr fil-jasar lil Ġehojakin u l-kbarat tal-pajjiż.

2 Slaten 24, 8-17

 

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

 

Ġehojakin kellu tmintax-il sena meta sar sultan, u dam isaltan tliet xhur f’Ġerusalemm; ommu kien jisimha Neħusta bint Elnatan, minn Ġerusalemm. Huwa għamel il-ħażin quddiem il-Mulej, bħal dak kollu li għamel missieru. F’dik il-ħabta l-qaddejja ta’ Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, telgħu għal Ġerusalemm, u l-belt għalquha f’assedju. Nabukodonosor resaq huwa wkoll għall-belt, waqt li l-qaddejja tiegħu kienu qegħdin idawruha minn kullimkien. Imbagħad Ġehojakin, sultan ta’ Ġuda, mar quddiem is-sultan ta’ Babilonja, hu, ommu, il-qaddejja tiegħu, u l-kbarat u l-fizzjali tiegħu; u s-sultan ta’ Babilonja qabdu priġunier fit-tmien sena tas-saltna tiegħu. Dan ġarr minn hemm it-teżori kollha tat-tempju tal-Mulej u t-teżori tal-palazz tas-sultan, u farrak it-tagħmir kollu tad-deheb li Salamun, sultan ta’ Iżrael, kien għamel fit-tempju tal-Mulej; hekk seħħet ilkelma tal-Mulej. U ġarr fil-jasar lil Ġerusalemm kollha, il-kapijiet u l-qalbenin kollha tal-eżerċtu, għaxart elef ilsir, u l-ħaddieda u l-mastrudaxxi kollha; min-nies tal-pajjiż ma kienx fadal ħlief il-fqar. U ġarr fil-jasar f’Babilonja lil Ġehojakin, lil omm is-sultan, in-nisa tas-sultan, il-fizzjali tiegħu u l-kbarat tal-pajjiż; ħadhom fl-eżilju minn Ġerusalemm f’Babilonja. Is-suldati kollha, sebat elef raġel; u l-ħaddieda u l-mastrudaxxi kollha, elf ruħ; u l-qalbenin kollha tajbin għall-gwerra; ilkoll ġarrhom is-sultan ta’ Babilonja fl-eżilju ta’ Babilonja. Minflok Ġehojakin, is-sultan ta’ Babilonja għamel sultan lil Mattanija, zijuh, u bidillu ismu f’Sedekija.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 78 (79), 1-2.3-5.8.9

 

R/. (9b): Mulej, eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek

 

O Alla, daħlu l-ġnus f’wirtek,

niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek,

għamlul Ġerusalemm ħerba waħda.

Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek b’ikel lit-tjur tal-ajru;

taw laħam ħbiebek lill-bhejjem tal-art. R/.

 

Xerrdulhom demmhom bħal ilma madwar Ġerusalemm;

u ma kienx hemm min jidfinhom.

Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien tagħna,

għad-daħk u ż-żebliħ għal ta’ madwarna.

Mulej, għal dejjem se tibqa’ inkurlat magħna?

Se tibqa’ mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek? R/.

 

Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi;

fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,

għax ninsabu mifnija għall-aħħar.

Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,

f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;

eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;

u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Id-dar mibnija fuq il-blat u d-dar mibnija fuq ir-ramel.

Mt 7, 21-29

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Mhux kull min jgħidli: “Mulej, Mulej”, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet! F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli: “Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?”. Imbagħad jien ngħidilhom: “Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!”.

 

Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!”.

 

Ġara li, meta Ġesù temm dan id-diskors, in-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għax u kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba tagħhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu