Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Qatlu lil Żakkarija bejn is-santwarju u l-altar.

2 Kron 24, 17-25

 

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki

 

Meta miet Ġehojada l-prinċpijiet ta’ Ġuda marru jsellmu lis-sultan b’wiċċhom fl-art, u mbagħad is-sultan tahom widen. Huma ħallew it-tempju tal-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, u marru jaqdu x-xbihat tal-Asera u l-idoli. U l-korla tal-Mulej xegħlet kontra Ġuda u Ġerusalemm minħabba din il-ħtija tagħhom. Hu bagħat profeti biex reġġgħuhom lura għand il-Mulej; dawn widdbuhom, iżda huma ma tawx widen.

 

Imbagħad l-ispirtu ta’ Alla mela ruħ Żakkarija, bin il-qassis Ġehojada, u qam f’nofs il-poplu u kellimhom hekk: “Dan jgħid Alla: “Għala qegħdin tiksru l-kmandamenti tal-Mulej? Għalhekk ma tistgħux issibu risq. Intom tlaqtu lill-Mulej, u hu telaq lilkom”.

 

Iżda huma ftiehmu bejniethom, u bl-ordni tas-sultan ħaġġruh fil-bit a tat-tempju tal-Mulej. Is-sultan Ġowas nesa l-ġid li Ġehojada, missier Żakkarija, kien għamel miegħu, qatillu lil ibnu li, hu u jmut, qal: “Ħa jara l-Mulej, u jitlob il-kont hu”.

 

Ġara li f’għeluq is-sena, l-eżerċtu ta’ Aram tala’ għal Ġowas, daħlu f’Ġuda u f’Ġerusalemm, u qerdu mill-poplu l-prinċpijiet kollha tiegħu, u bagħtu l-priża tagħhom kollha lis-sultan f’Damasku. Għad li l-eżerċtu ta’ Aram ġie bi ftit nies, il-Mulej telaq f’idejhom l-eżerċtu kbir ħafna, għaliex kienu telqu l-Mulej, Alla ta’ missirijiethom. B’hekk għamlu ħaqq minn Ġowas. U wara li telqu minn ħdejh u ħallewh midrub sewwa, il-qaddejja tiegħu għamlu konfoffa kontrih biex jitħallsu minnu talli kien xerred demm bin Ġehojada, il-qassis; u qatluh f’soddtu u hekk miet. U difnuh fil-belt ta’ David, imma mhux fl-oqbra tas-slaten.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 88 (89), 4-5.29-30.31-32.33-34

 

R/. (29a): It-tieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem

 

Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,

ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:

Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,

li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek”. R/.

 

It-tieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,

u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ.

Nagħmel li nislu jibqa’ għal dejjem;

it-tron tiegħu jkun bħall-jiem tas-sema. R/.

 

Jekk uliedu jħallu l-liġi tiegħi,

u ma jimxux skont il-preċetti tiegħi;

jekk huma jiksru l-liġijiet tiegħi,

u ma jħarsux il-kmandamenti tiegħi. R/.

 

Jien nikkastiga ħtijiethom bil-virga,

u bis-swat il-ħażen tagħhom.

Iżda ma nwarrabx tjubiti minnu;

ma niksirx il-kelma li tajtu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 8, 9

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù Kristu, għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom,

sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

Hallelujah

 

Evanġelju

Toqogħdux tħabblu raskom għall-għada.

Mt 6, 24-34

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

 

Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja mhijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss?

 

U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il-ġilji tal-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna?

 

Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu: “X’se nieklu? X’se nixorbu? X’se nilbsu?” Dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh.

 

Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu