It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Il-Ħaruf kien maqtul u b’demmu kiseb lilna poplu minn kull ġens.

Apok 5, 1-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, lil dak li kien bilqiegħda fuq it-tron rajtlu f’idu l-leminija ktieb miktub minn ġewwa u minn barra, magħluq b’seba’ siġilli. U rajt anġlu, ta’ saħħa kbira, qiegħed ixandar b’leħen jgħajjat: “Min hu li jistħoqqlu jiftaħ il-ktieb u jikser is-siġilli li għandu?”. U ħadd, la fis-sema u la fl-art u lanqas taħt l-art, ma kellu l-ħila jiftaħ il-ktieb u jara x’fih. U jiena nfexxejt f’bikja kbira, għax ma nstab ħadd li kien jistħoqqlu jiftaħ il-ktieb u jara x’fih. Imbagħad wieħed mix-Xjuħ qalli: “Tibki xejn; ara, l-Iljun tat-tribù ta’ Ġuda, ir-Rimja ta’ David, ħareġ rebbieħ, u se jiftaħ il-ktieb u s-seba’ siġilli li għandu”. Imbagħad, bejn it-tron u l-erba’ Ħlejjaq Ħajjin u f’nofs ix-Xjuħ rajt li kien hemm Ħaruf, wieqaf, bħal maqtul, b’sebat iqrun u seba’ għajnejn, li huma s-seba’ spirti ta’ Alla mibgħutin fuq l-art kollha. U l-Ħaruf resaq jieħu l-ktieb mill-id il-leminija ta’ dak li qiegħed fuq it-tron; u kif ħa l-ktieb, marru jinxteħtu quddiem il-Ħaruf l-erba’ Ħlejjaq Ħajjin, u wkoll l-erbgħa u għoxrin Xiħ; kull wieħed minnhom kellu ċetra u xi bwieqi tad-deheb mimlija bl-inċens, li huma t-talb tal-qaddisin. U bdew jgħannu għanja ġdida u jgħidu:

 

“Int jistħoqqlok tieħu l-ktieb,

u tiftaħ is-siġilli tiegħu,

għax int kont maqtul,

u b’demmek ksibt għal Alla bnedmin minn kull tribù u lsien,

minn kull poplu u ġens,

u għamilthom għal Alla tagħna

Saltna u Qassisin,

li għad isaltnu fuq l-art”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 149, 1-2.3-4.5-6a u 9b

 

R/. (Apok 5, 10): Għamiltna għal Alla tagħna, Saltna u Qassisin

jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida:

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom! R/.

 

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa. R/.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu,

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom:

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95), 8ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Illum la twebbsux qalbkom,

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mhux li għaraft imqar int ukoll x’inhu ta’ ġid għalik!

Lq 19, 41-44

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù wasal qrib il-belt ta’ Ġerusalemm u, kif raha, beda jibkiha u jgħid: “Mhux li għaraft imqar int ukoll f’dan il-jum x’inhu ta’ ġid għalik! Imma issa! Dan hu moħbi minn għajnejk! Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-għedewwa tiegħek idawruk b’rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa; u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-żmien taż-żjara li saritlek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu