Stampa t-test tal-qari ...


L-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Kbir hu l-misteru tar-reliġjon tagħna.

1 Tim 3, 14-16

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, qiegħed niktiblek dan, għalkemm għandi tama qawwija li ma ndumx ma niġi għandek. Imma biex, jekk indum ma niġi, tkun taf kif wieħed għandu jġib ruħu fid-dar ta’ Alla, li hi l-Knisja ta’ Alla l-ħaj, kolonna u pedament tal-verità.

 

Bla ebda dubju, kbir hu l-misteru tar-reliġjon tagħna:

Hu deher fil-ġisem,

kien iġġustifikat bl-Ispirtu,

deher lill-anġli,

ixxandar fost il-pagani,

emmnuh fid-dinja,

ittieħed fil-glorja.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 110 (111), 1-2.3-4.5-6

 

R/. (2a): Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej

 

Irrodd ħajr lill-Mulej b’qalbi kollha,

fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.

Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej;

ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom. R/.

 

Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej;

għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.

Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu;

twajjeb u ħanin il-Mulej. R/.

 

Hu jagħti l-għajxien lil min jibża’ minnu,

jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.

Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta’ għemilu,

meta qassam lilhom art il-ġnus. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 6, 63ċ.68ċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja;

inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom għanja ta’ niket u ma ħabbattux fuq sidirkom.

Lq 7, 31-35

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal: “Ma’ min, mela, se nxebbahhom in-nies ta’ dan iż-żmien? Lil min jixbhu? Jixbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazza, jgħajtu lil xulxin u jgħidu: “Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom għanja ta’ niket u ma ħabbattux fuq sidirkom!”.

 

Għax tassew, ġie Ġwanni l-Battista, la jiekol ħobż u lanqas jixrob inbid, u intom tgħidu li “għandu fih xitan”. Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u tgħidu: “Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin!”.

 

Imma l-ulied ta’ Alla kollha taw raġun lill-għerf tiegħu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu