Is-Sitt Ġimgħa tal-Għid

It-Tnejn

 

Qari I

Il-Mulej fetaħ qalb Lidja biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu.

Atti 16, 11-15

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Tlaqna bil-baħar minn Troas u bqajna sejrin lejn Samotraċja, u l-għada wasalna Neapoli. Minn hemm morna Filippi, li hi l-belt ewlenija tal-provinċja tal-Maċedonja u kolonja Rumana. Qgħadna għal ftit jiem f’din il-belt. Meta wasal is-Sibt, ħriġna barra l-bieb tal-belt, lejn xatt ix-xmara, fejn dehrilna li kien hemm dar tattalb. Qgħadna bilqiegħda, u bdejna nkellmu lin-nisa li kien hemm miġbura flimkien. Waħda minnhom kien jisimha Lidja, mara minn Tijatira, neguzjanta tal-porpra u kienet tqim lil Alla. Hija qagħdet tismagħna, u l-Mulej fetħilha qalbha biex tifhem dak li kien jgħid Pawlu. Wara li tgħammdet, hi u l-familja tagħha, talbitna u qaltilna: “Jekk jidhrilkom li jiena nemmen fil-Mulej, ejjew oqogħdu d-dar tiegħi”. U ġagħlitna noqogħdu għandha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 149, 1-2.3-4.5-6a u 9b

 

R/. (4a): Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida:

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom! R/.

 

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa. R/.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu,

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom.

Dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 26b.27a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija, jgħid il-Mulej,

u intom ukoll tagħtu xhieda.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija.

Ġw 15, 26 – 16, 4a

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu.

 

Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom biex ma titfixklux. Ikeċċukom ’il barra mis-sinagogi, mhux biss, imma tasal is-siegħa meta min joqtolkom jaħseb li jkun qiegħed jagħti qima lil Alla. Dan jagħmluh għax la għarfu lill-Missier u lanqas lili. Imma dan kollu għedthulkom biex, meta tasal is-siegħa li jagħmlulkom dan, tiftakru li jiena għedthulkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu