Stampa t-test tal-qari ...


It-Tielet Ħadd tal-Avvent – Sena A

 

Qari I

Alla ġej biex isalvakom.

Is 35, 1-6a. 10

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa;

ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad,

ħa jwarrad bħar-ranġis.

Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni.

Sebħ il-Libanu jingħata lilha,

il-ġmiel tal-Karmel u ta’ Saron.

Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej,

il-ġmiel ta’ Alla tagħna.

Qawwu l-idejn mitruħa;

saħħu l-irkubbtejn imriegħda.

Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:

“Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!

Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;

il-ħlas ta’ Alla wasal;

Hu stess ġej biex isalvakom”.

Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,

jinfetħu widnejn it-torox.

Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela

u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.

Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej,

u jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ,

b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom.

Il-ferħ u l-hena jiksbu,

u jgħibu swied il-qalb u l-krib.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 146 (147), 7.8-9a.9bc-10

 

R/. (Is 34,4): Ejja Mulej, ħa ssalvana

jew

R/. Hallelujah

 

Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,

jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.

Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.

 

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej jerfa’ lill-milwijin;

il-Mulej iħobb lill-ġusti;

il-Mulej iħares lill-barranin. R/.

 

Hu jżomm lill-iltim u lill-armla,

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

Il-Mulej isaltan għal dejjem;

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

 

Qari II

Qawwu qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib.

Ġak 5, 7-10

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

 

Ħuti, stabru, sa ma jasal il-Mulej. Ara, il-bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna l-frott għażiż tal-art, sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra. Stabru intom ukoll; qawwu qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib.

 

Tgergrux kontra xulxin, ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem il-bieb! Bħala eżempju tat-tbatija u s-sabar, ħuti, ħudu l-profeti li tkellmu f’isem il-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Is 61, 1

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,

għax il-Mulej ikkonsagrani,

biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Inti huwa dak li għandu jiġi, jew se nistennew lil ħaddieħor?

Mt 11, 2-11

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġwanni, li kien fil-ħabs, sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.

 

Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”. Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub: “Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek”. Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu