15 ta’ Settembru

Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri

Tifkira (O)

 

Qari I

Lhud 5:7-9

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b'leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta' jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta' dejjem għal kull min jisma' minnu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 30, 2-6; 15-16.20

 

R/. Fit-tjieba tiegħek, Mulej, salvani.

 

Fik, Mulej, jien nistkenn;

ma jkolli qatt għax nirgħex.

Fil-ġustizzja tiegħek salvani,

agħtini widen u fittex eħlisni.

Kun blata tal-kenn għalija,

fortizza qawwija ta' salvazzjoni. R/.

 

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi;

f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.

Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,

għax inti l-qawwa tiegħi.

F'idejk jien nerħi ruħi;

int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. R/.

 

Imma jien fik nittama,

Mulej; jien ngħidlek: "Alla tiegħi int!"

F'idejk hi xortija,

eħlisni minn id l-għedewwa,

minn id dawk li jeħduha kontrija. R/.

 

Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej,

li inti rfajt għal min jibża' minnek,

li int ħejjejt għal min jafda fik,

quddiem il-bnedmin kollha! R/.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Ġw 11:25a.26

 

Hallelujah. Hallelujah.

Il-Verġni mqaddsa Marija

Sultana tas-sema u Sidt id-dinja,

kienet wieqfa imbikkija ħdejn s-salib ta’ Sidna Ġesù.

Hallelujah.

 

Evanġelju

Ġw 19:25-27 jew Lq 2:33-35

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.