Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Nabot ġie mħaġġar u miet.

1 Slaten 21, 1-16

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, ġara li Nabot, raġel minn Ġeżragħel, kellu għalqa tad-dwieli f’Ġeżragħel ħdejn il-palazz ta’ Aħab, sultan ta’ Samarija. U Aħab qal lil Nabot: “Agħtini l-għalqa tiegħek tad-dwieli biex nagħmel minnha ġnien tal-ħxejjex billi qiegħda maġenb dari. Flokha nagħtik għalqa oħra tad-dwieli aħjar minnha; jew, jekk jidhirlek li jkun aħjar, nagħtik flus b’kemm tiswa”. Iżda Nabot wieġeb lil Aħab: “Iħarisni l-Mulej milli qatt nagħtik wirt missirijieti!”. Aħab mar id-dar bil-buli u b’dagħdigħa fuqu minħabba fil-kliem li Nabot, il-Ġeżragħeli, kien qallu: “Ma nagħtikx wirt missirijieti!”. Mar jimtedd f’soddtu, dawwar wiċċu u ma kiel xejn. Resqet lejh martu Ġeżabel, u staqsietu: “Għala inti bil-buli, u ma trid tiekol xejn?” U hu wieġeb: “Jien kellimt lil Nabot, il-Ġeżragħeli, u għedtlu: “Agħtini l-għalqa tiegħek tad-dwieli bil-flus kemm tiswa; jew, jekk jidhirlek li jkun aħjar, nagħtik għalqa oħra tad-dwieli flokha”. U hu wieġeb: “Ma nagħtikx l-għalqa tiegħi tad-dwieli”.

 

U martu Ġeżabel qaltlu: “Issa int tridha ta’ sultan fuq Iżrael? Qum, hu xi ħaġa tal-ikel, u tieħu

r-ruħ. Jiena nagħtihielek l-għalqa tad-dwieli ta’ Nabot, il-Ġeżragħeli”. U kitbet ittra f’isem Aħab, u ssiġillatha bis-siġill tiegħu; u l-ittra bagħtitha lix-xjuħ u lill-kbarat li kienu jgħammru ma’ Nabot fil-belt tiegħu. U fl-ittra kitbet, u qalet: “Niedu sawma, u qiegħdu lil Nabot f’ras il-kotra. U qiegħdu tnejn min-nies ta’ qattagħni biswitu biex jixhdu kontrih, u jgħidulu: “Dgħajt b’Alla u bis-sultan”, u mbagħad oħorġuh, u ħaġġruh sa ma jmut”.

 

In-nies tal-belt tiegħu, ix-xjuħ u l-kbarat li kienu jgħammru fil-belt tiegħu, għamlu kif bagħtet tgħidilhom fl-ittra Ġeżabel. Nidew sawma, u qiegħdu ’l Nabot f’ras il-poplu. U ġew tnejn min-nies mill-agħar, u poġġew quddiemu; imbagħad dawn in-nies mill-agħar xlew lil Nabot quddiem il-poplu b’dan il-kliem: “Nabot seħet lil Alla u lis-sultan”. Ħarġuh barra mill-belt, ħaġġruh, u miet. Malli dan, bagħtu jgħidu lil Ġeżabel: “Nabot ġie mħaġġar u miet”.

 

Meta Ġeżabel semgħet li Nabot ħaġġruh u miet, marret tgħid lil Aħab: “Qum u ħu l-għalqa tad-dwieli ta’ Nabot, il-Ġeżragħeli, li ma riedx jagħtihielek bil-flus! Nabot ma għadux ħaj: miet!”. Malli Aħab sama’ li Nabot miet, qam u niżel jieħu f’idejh l-għalqa tad-dwieli ta’ Nabot il-Ġeżragħeli.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 5, 2-3.5-6.7

 

R/. (2a): Mulej, agħti kas tat-tnehid tiegħi

 

Mulej, agħti widen għal kliemi;

agħti kas tat-tnehid tiegħi.

Isma’ l-għajjat tat-talb tiegħi, Sultan tiegħi u Alla tiegħi,

għax lilek jiena nitlob. R/.

 

Għax int m’intix Alla li tħobb il-ħażen;

il-ħażin ma jsibx postu għandek.

Ma jiqfux il-kburin quddiem għajnejk;

int tobgħod kull min jagħmel id-deni. R/.

 

Int teqred min jitkellem bil-gideb.

Nies qattiela u qarrieqa

jistmellhom il-Mulej. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 118 (119), 105

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek,

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux.

Mt 5, 38-42

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Smajtu x’intqal: “Għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu