Il-Ħadd wara s-solennità tat-Trinità Qaddisa

Il-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu

Solennità

 

Qari I

Temgħek il-manna li la int u lanqas missirijietek ma kontu tafu biha.

Dewt 8, 2-3.14b-16a

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

 

F’dak iż-żmien, Mosè kellem lill-poplu u qal: Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek f’qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu jew le. Huwa ċekknek, ried li tbati l-ġuħ, imbagħad temgħek il-manna, li la int u lanqas missirijietek ma kontu qatt tafu biha, biex jurik li mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.

 

Qis li ma titkabbarx qalbek u tinsa l-Mulej, Alla tiegħek, li ħarġek mill-art tal-Eġittu, mill-art tal-jasar. Hu li mexxiek fid-deżert kbir u jwaħħax, mimli sriep velenużi u skorpjuni, art niexfa bla ilma xejn, li ħariġlek l-ilma mill-blata taż-żnied, li temgħek il-manna fid-deżert, li missirijietek ma kienu jafu biha xejn”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 146 (147), 12-13.14-15.19-20

 

R/. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, lill-Mulej

 

Sebbaħ, Ġerusalemm, lill-Mulej;

faħħar lil Alla tiegħek, Sijon!

Hu jsaħħaħ l-istaneg tal-bibien tiegħek,

u jbierek ġewwa fik lil uliedek. R/.

 

Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,

u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;

bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. R/.

 

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,

il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.

Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;

lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R/.

 

Qari II

La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed.

1 Kor 10, 16-17

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Sekwenza

Is-sekwenza tista’ ma tingħadx. Tista’ wkoll tingħad fil-forma l-qasira li tibda: Dan ħobż l-Anġli, magħmul ikel.

 

Faħħar, Sijon, lill-Feddej,

ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,

bl-innijiet u bl-għana.

 

Ibqa’ faħħru daqs kemm tista’,

għax Hu ’l fuq minn kull tifħir,

qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.

 

Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,

il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,

hawn quddiemna f’dan il-jum.

 

Dak il-ħobż li fuq il-mejda,

lill-appostli fl-ikla mqaddsa,

kien ingħata biex jikluh.

 

Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,

b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,

ikun jixraq ferħ ir-ruħ.

 

Għax dal-jum ta’ festa kbira,

ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,

meta saret l-ewwel darba.

 

F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,

l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,

temm għal kollox l-Għid qadim.

 

Il-qadim twarrab mill-ġdid,

dak li hu ġie flok ix-xbieha,

id-dawl biegħed dlam il-lejl.

 

Dak li twettaq fl-aħħar ċena,

Kristu ried jibqa’ jiġġedded,

biex ikun tifkira tiegħu.

 

Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,

nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna

b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.

 

Twemmin ġdid lilna l-insara,

li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,

u l-inbid jinbidel f’Demm.

 

Dak li ma tarax jew tifhem,

it-twemmin isaħħu u jwettqu,

fuq kull ordni tan-natura.

 

Taħt xbihat fejn aħna nilmħu

mhux il-ħajja, imma sinjali,

jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.

 

Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;

iżda Kristu sħiħ hemm moħbi

taħt kull waħda mix-xbihat.

 

Sħiħ jittiekel Kristu kollu,

bla jitkisser, bla jitfarrak,

bla jinqasam minn min jieħdu.

 

Jieklu elf u jiekol wieħed,

kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,

bla jintemm meta jittiekel.

 

Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;

imma ’l dawk iġib il-ħajja,

lil dawn jixħet fit-telfien.

 

Mewt għall-ħżiena, ħajja għat-tajba

ara kif jinbidel fihom,

għalkemm jieħdu l-istess ikel.

 

Meta l-Ostja tkun maqsuma,

la tibżax, imm’inti ftakar,

taħt ix-xbieha ta’ kull farka

hemm jinsab daqs fl-Ostja sħiħa.

 

Ebda ksur ma jsir fi Kristu;

biss ix-xbieha tkun miksura:

u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas

f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.

 

* * *

 

Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel

għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,

ikel bnin għall-ulied kollha,

li m’għandux fix-xejn jintrema.

 

Bi xbihat kien ilu mħabbar,

f’dik l-offerta ta’ Iżakk,

fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,

u fil-manna tad-deżert.

 

Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,

Ġesù tagħna, ħenn għalina;

Int itmagħna u ħarisna:

Inti lilna l-ġid urina

fl-art imbierka tal-ħajjin.

 

Int li taf u tista’ kollox,

li titmagħna hawn f’dil-ħajja,

hemm agħmilna lkoll imsieħba,

f’għaqda waħda lkoll werrieta

mal-qtajjiet tal-qaddisin.

 

Amen. Hallelujah.

 

 

Lauda Sion Salvatorem,

lauda ducem et pastorem,

in hymnis et canticis.

 

Quantum potes, tantum aude:

quia maior omni laude,

nec laudare sufficis.

 

Laudis thema specialis,

panis vivus et vitalis

hodie proponitur.

 

Quem in sacrae mensa cenae,

turbae fratrum duodenae

datum non ambigitur.

 

Sit laus plena, sit sonora,

sit iucunda, sit decora

mentis iubilatio.

 

Dies enim sollemnis agitur,

in qua mensae prima recolitur

huius institutio.

 

In hac mensa novi Regis,

novum Pascha, novae legis,

phase vetus terminat.

 

Vetustatem novitas,

umbram fugat veritas,

noctem lux eliminat.

 

Quod in cena Christus gessit,

faciendum hoc expressit

in sui memoriam.

 

Docti sacris institutis,

panem, vinum in salutis

consecramus hostiam.

 

Dogma datur christianis,

quod in carnem transit panis,

et vinum in sanguinem.

 

Quod non capis, quod non vides,

animosa firmat fides,

praeter rerum ordinem.

 

Sub diversis speciebus,

signis tantum et non rebus,

latent res eximiae.

 

Caro cibus, sanguis potus:

manet tamen Christus totus

sub utraque specie.

 

A sumente non concisus,

non confractus, non divisus:

integer accipitur.

 

Sumit unus, sumunt mille:

quantum isti, tantum ille:

nec sumptus consumitur.

 

Sumunt boni, sumunt mali:

sorte tamen inaequali,

vitae vel interitus.

 

Mors est malis, vita bonis:

vide paris sumptionis

quam sit dispar exitus.

 

Fracto demum sacramento,

ne vacilles, sed memento

tantum esse sub fragmento,

quantum toto tegitur.

 

Nulla rei fit scissura:

signi tantum fit fractura,

qua nec status, nec statura

signati minuitur.

 

Ecce panis angelorum,

factus cibus viatorum:

vere panis filiorum,

non mittendus canibus.

 

In figuris praesignatur,

cum Isaac immolatur,

agnus Paschae deputatur,

datur manna patribus.

 

Bone pastor, panis vere,

Iesu, nostri miserere:

Tu nos pasce, nos tuere,

Tu nos bona fac videre

in terra viventium.

 

Tu qui cuncta scis et vales,

qui nos pascis hic mortales:

tuos ibi commensales,

coheredes et sodales

fac sanctorum civium.

 

Amen. Alleluia.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 6, 51

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;

jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.

Ġw 6, 51-58

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”. Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.

 

Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu