It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Min jibqa’ fit-tagħlim, għandu l-Missier u l-Iben fih.

2 Ġw 4-9

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Sinjura, ħassejt ferħ kbir li sibt ‘il xi wħud minn uliedek miexja fil-verità, kif ikkmandana nagħmlu l-Missier. U issa, Sinjura, nitolbok li nħobbu ’l xulxin; dan li qiegħed niktiblek mhuwiex xi kmandament ġdid, għax ilu għandna sa mill-bidu. L-imħabba hija din: li nimxu skont il-kmandamenti tiegħu. U dan il-kmandament, kif smajtu sa mill-bidu, huwa li timxu fl-imħabba. Għax ħarġu fid-dinja ħafna qarrieqa, nies li ma jridux jistqarru li Ġesù Kristu ġie fil-ġisem; dawn huma l-qarrieqa u l-antikrist! Ħarsu rwieħkom, li ma tmorrux titilfu dak li għalih ħdimtu, imma li tieħdu ħlas sħiħ. Jekk xi ħadd jaqbeżil barra u ma jibqax fit-tagħlim ta’ Kristu, dan m’għandux lil Alla fih. Imma min jibqa’ fit-tagħlim, għandu l-Missier u l-Iben fih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 1.2.10.11.17.18

 

R/. (1b): Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej

 

Henjin dawk li triqthom bla ħtija,

li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,

u li jfittxuh b’qalbhom kollha. R/.

 

B’qalbi kollha jiena nfittxek;

tħallinix nitbiegħed mill-kmandamenti tiegħek.

Jien żammejt kelmtek f’qalbi,

biex ma nidneb qatt kontrik. R/.

 

Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek,

agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.

Iftaħli għajnejja,

biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 21, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,

għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem.

Lq 17, 26-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem. Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; imbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll. L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu, imma dakinhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita ta’ nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll. Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem.

 

F’dak il-Jum, min ikun fuq il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll min ikun fir-raba’, iqis li ma jerġax lura. Ftakru fil-mara ta’ Lot! Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha. Ngħidilkom li, f’dak il-lejl, tnejn ikunu f’sodda waħda: wieħed minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien; waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla”. Qalulu: “Fejn, Mulej?” U hu weġibhom: “Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu