L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Elija xeħet fuq Eliżew il-mantell tiegħu, u dan beda jservih.

1 Slaten 19, 19-21

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, Elija niżel mill-muntanja tal-Mulej, il-Ħoreb, u sab lil Eliżew bin Safat, waqt li kien qiegħed jaħrat bi tnax-il żewġ gniedes quddiemu; u hu kien qiegħed imexxi t-tnax-il wieħed. Resaq lejh Elija, u xeħet fuqu l-mantell tiegħu. Dan ħalla l-gniedes u mar jiġri wara Elija jgħidlu: “Ħallini mmur insellem lil missieri u ’l ommi, imbagħad niġi warajk”. Qallu Elija: “Mur, u erġa’ ejja; għaliex taf x’għamiltlek jiena”. Eliżew tbiegħed minnu, qabad żewġ gniedes, qatilhom u offriehom sagrifiċċju. U bl-għodda tal-ħrit sajjar il-laħam, qassmu lin-nies, u kielu. U hu mar wara Elija, u beda jservih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 15 (16), 1-2a u 5. 7-8.9-10

 

R/. (ara 5a): Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-risq tiegħi

 

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi, m’għandix ġid ieħor ħliefek.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-risq tiegħi,

inti żżomm f’idejk xortija”. R/.

 

Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma;

imqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

 

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 118 (119), 36a.29b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

O Alla, iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek;

agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn.

Mt 5, 33-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu wkoll x’intqal lin-nies ta’ dari: “Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu”. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: “Iva, iva; le, le”; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu