It-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Jagħmel il-Mulej mejda b’ikel fin, u jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ.

Is 25, 6-10a

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Jagħmel il-Mulej tal-eżerċti

għall-popli kollha fuq din il-muntanja,

mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,

b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.

U jċarrat minn fuq din il-muntanja

il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,

għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.

Jeqred il-mewt għal dejjem,

jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,

u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha:

għax il-Mulej tkellem.

U dakinhar jgħidu: “Dan hu Alla tagħna:

fih ittamajna li jsalvana;

dan hu l-Mulej li fih ittamajna:

nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.

Għax id il-Mulej tinżel fuq din il-muntanja”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5-6

 

R/. (6cd) Ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj!

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni. R/.

 

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni. R/.

 

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj! R/.

 

Qari II

Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.

Fil 4, 12-14.19-20

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ħuti, naf ngħix fl-għaks; u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini. Għamiltu sewwa ħafna meta qsamtu miegħi tbatijieti.

 

Jimliekom Alla tiegħi b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skond l-għana tal-glorja fi Kristu Ġesù. Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Efes 1, 17-18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja,

jagħtikom spirtu ta’ għerf

biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Sejħu għall-festa lil kull min issibu.

Mt 22, 1-14

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.

 

U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.

 

Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”. Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Jew il-forma l-qasira

 

Evanġelju

Sejħu għall-festa lil kull min issibu.

Mt 22, 1-10

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu 1Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom:Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.

 

U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.

 

Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu