Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid

It-Tnejn

 

Qari I

Ġejna nħabbrulkom biex tħallu dawn l-idoli fiergħa u dduru lejn Alla l-ħaj.

Atti 14, 5-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, il-pagani u l-Lhud, flimkien mal-kapijiet tagħhom, ftiehmu li jumiljaw lil Pawlu u lil Barnaba u jħaġġruhom. Malli saru jafu b’dan, ħarbu lejn Listra u Derbi, bliet ta’ Likaonja, u fl-inħawi ta’ madwarhom; u hemmhekk qagħdu jxandru l-Evanġelju.

 

F’Listra kien hemm raġel bilqiegħda, marid b’riġlejh; kien magħtub mit-twelid, u qatt ma kien mexa. Hu sama’ lil Pawlu jitkellem. Dan ħares lejh sewwa, ra li kellu fidi biex ifiq, u qallu b’leħen għoli: “Qum, ieqaf fuq riġlejk”. Dak qam minnufih u beda jimxi. Malli raw dak li għamel Pawlu, il-kotra tan-nies bdiet tgħajjat bl-ilsien ta’ Likaonja: “L-allat niżlu fostna taħt sura ta’ bnedmin!”. U lil Barnaba sejħulu “Żews” u ’l Pawlu “Ermi”, għax hu l-aktar li tkellem.

 

Il-qassis ta’ Żews, li kellu t-tempju tiegħu ħdejn il-belt, ġieb fil-bieb gniedes imżejnin bil-kuruni u, flimkien mal-poplu, ried joffrihomlhom b’sagrifiċċju. Malli semgħu b’dan, l-appostli Barnaba u Pawlu ċarrtu lbieshom, resqu malajr lejn il-ġemgħa, u bdew jgħajtu u jgħidu: “Ħbieb, hemm x’intom tagħmlu? Aħna wkoll bnedmin, ngħixu u nħossu bħalkom, bnedmin li ġejna nħabbrulkom l-Evanġelju biex tħallu dawn l-idoli fiergħa u dduru lejn Alla l-ħaj, li għamel is-sema u l-art u l-baħar u kulma fihom. Fl-imgħoddi huwa ħalla l-ġnus kollha jimxu fi triqathom, madankollu ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-ikel u jimlielkom qalbkom bl-hena”. Imma b’dan il-kliem bilkemm setgħu jżommu lill-poplu li ma joffrilhomx sagrifiċċju.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 113B (115), 1-2.3-4.15-16

 

R/. (1): Mhux lilna, Mulej, mhux lilna, iżda lil ismek sebbaħ

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Mhux lilna, Mulej, mhux lilna,

iżda lil ismek sebbaħ,

għat-tieba u l-fedeltà tiegħek.

Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus:

“Fejn hu Alla tagħhom?”. R/.

 

Fis-smewwiet hu Alla tagħna;

hu jagħmel kulma jogħġbu.

Fidda u deheb huma l-allat tagħhom,

xogħol ta’ jdejn il-bniedem. R/.

 

Imberkin intom mill-Mulej,

li għamel is-sema u l-art.

Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej;

imma l-art hu taha lill-bnedmin. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 26

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox, jgħid il-Mulej,

u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġw 14, 21-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”. Ġuda – l-ieħor, mhux l-Iskarjota – qal lil Ġesù: “Mulej, din kif inhi li inti se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja?”. Ġesù wieġbu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu