It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Ngħixu bit-tieba u nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Tit 2, 1-8.11-14

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Titu

 

Għażiż, int għallem skont id-duttrina sħiħa: li x-xjuħ ikunu rżina, għaqlin, serji, meqjusa, sħaħ fil-fidi, fl-imħabba u fis-sabar. L-istess in-nisa xjuħ: għandhom iġibu ruħhom kif jixraq lil nisa qaddisa; ma jqassux fuq ħaddieħor, anqas ikunu lsiera tal-inbid; għandhom jgħallmu t-tajjeb, biex hekk idarru n-nisa żgħażagħ iħobbu lil żwieġhom u lil uliedhom; ikunu meqjusa, safja, nisa tad-dar, twajba, ubbidjenti għal żwieġhom, ħalli l-kelma ta’ Alla ma titkasbarx. Hekk ukoll ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu meqjusa. Qis li inti nnifsek tkun f’kollox mera ta’ bniedem li jagħmel it-tajjeb; bniedem ta’ duttrina safja, ta’ serjetà; li għandu kelma sħiħa li ħadd ma jsib xi jgħid fiha, sabiex kull min jeħodha kontra tagħna jibqa’ mħawwad, billi ma jkollu xejn ħażin xi jgħid fuqna. Għax dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tieba f’dan iż-żmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 36 (37), 3-4.18 u 23.27 u 29

 

R/. (39a): Is-salvazzjoni tal-ġusti mill-Mulej

 

Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb;

għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ;

qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek,

u jagħtik dak li tixtieq qalbek. R/.

 

Fi ħsieb il-Mulej il-ħajja tat-tajbin,

u wirthom jibqa’ għal dejjem.

Il-Mulej isaħħaħ il-mixi tal-bniedem,

iwettqu u jitgħaxxaq bi triqtu. R/.

 

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,

biex tibqa’ tgħammar għal dejjem.

Il-ġusti jirtu l-art,

u jgħammru fiha għal dejjem. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,

u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.

Lq 17, 7-10

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel”? jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu