Stampa t-test tal-qari ...


It-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: ħafrilna dnubietna kollha.

Kol 2, 6-15

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

 

Ħuti, intom ilqajtu lil Kristu Ġesù l-Mulej; għixu mela magħqudin miegħu; niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-fidi, kif tgħallimtu, u mtlew bil-gratitudni. Qisu li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu. Fih hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem; u intom, magħqudin kif intom miegħu, għandkom sehem mill-milja tiegħu, hu li hu r-Ras tal-Prinċipati u tas-Setgħat kollha. Fih intom kontu ċirkonċiżi, mhux biċ-ċirkonċiżjoni b’idejn il-bnedmin, imma biċ-ċirkonċiżjoni ta’ Kristu, li biha intom inżajtu mill-ġisem tad-dnub; indfintu miegħu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet. Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx iċ-ċirkonċiżjoni f’ġisimkom; imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru mas-salib. Neżża’ l-Prinċipati u s-Setgħat, u għamel wirja minnhom quddiem id-dinja, u karkarhom warajh fit-trijonf tiegħu bi Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 1-2.8-9.10-11

 

R/. (9a): Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,

u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem. R/.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tieba.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kulma għamel. R/.

 

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 15, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien għażilt lilkom, jgħid il-Mulej,

u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Għadda l-lejl fit-talb u għażel tnax, li semmiehom appostli.

Lq 6, 12-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Mela darba fost l-oħrajn Ġesù ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla. Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli: Xmun, li semmieh Pietru, u ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew, Mattew, Tumas, Ġakbu ta’ Alfew, Xmun l-Imħeġġeġ, Ġuda ta’ Ġakbu u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

 

Imbagħad niżel magħhom u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Min kien imħabbat mill-ispirti mniġġsa kien ifiq; u l-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu