Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Dawk li jemmnu jitbierku ma’ Abraham.

Gal 3, 7-14

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

 

Ħuti, kunu afu, li dawk li jemmnu, dawk huma wlied Abraham. U l-Iskrittura, li rat sa minn qabel li Alla kellu jiġġustifika l-Ġentili permezz tal-fidi, ħabbret minn qabel lil Abraham: “Fik jitbierku l-ġnus kollha”. Għalhekk dawk li jemmnu jitbierku ma’ Abraham li kien jemmen. Imma dawk kollha li jgħixu bl-opri tal-Liġi huma taħt is-saħta. Għax hemm miktub: “Misħut kull min ma joqgħodx għall-ħwejjeġ kollha li hemm imniżżla fil-ktieb tal-Liġi u ma jagħmilhomx”. U li ħadd permezz tal-Liġi ma hu ġġustifikat quddiem Alla jidher ċar, ladarba il-ġust jgħix bil-fidi. Issa l-Liġi mhijiex ġejja mill-fidi, imma: “Min jagħmel dawn il-ħwejjeġ jgħix bihom”. Kristu fdiena mis-saħta tal-Liġi billi sar hu nnifsu saħta għalina, għax hemm miktub: “Misħut min ikun imdendel mal-għuda”, biex fi Kristu Ġesù l-barka ta’ Abraham tilħaq il-ġnus kollha, u biex permezz tal-fidi aħna nilqgħu l-wegħda tal-Ispirtu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 9, 2-3.6 u 16.8-9

 

R/. (9a): Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja

 

Infaħħrek, Mulej, b’qalbi kollha;

inxandar għeġubijietek kollha!

Nifraħ u nithenna bik;

ngħanni lil ismek, int Alla l-għoli. R/.

 

Ċanfart il-ġnus u qridt il-ħżiena;

ħassart isimhom għal dejjem ta’ dejjem.

Waqgħu l-ġnus fil-ħofra li ħaffru;

fix-xibka li ħbew inqabad riġilhom. R/.

 

Imma l-Mulej isaltan għal dejjem,

iwaqqaf għall-ħaqq it-tron tiegħu.

Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 12, 31b-32

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja.

U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.

Lq 11, 15-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, wara li Ġesù keċċa xitan, xi wħud qalulu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”. Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema. Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa’ dar fuq oħra. Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.

 

Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu. Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred. Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f’art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid: “Mela nerġa’ lura lejn dari mnejn ħriġt”. U x’ħin jiġi, isibha miknusa u kollox f’postu. Imbagħad imur iġib seba’ spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f’qagħda agħar minn ta’ qabel”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu