It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Il-Għerf isibuh dawk li jfittxuh.

Għerf 6, 12-16

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

 

L-għerf jiddi, bla qatt ma jnemnem,

malajr jagħrfuh dawk li jħobbuh,

u jsibuh dawk li jfittxuh.

Hu jħabrek biex jidher lil dawk li jixtiquh.

Min ibakkar ifittxu, ma jitħabatx,

għax ħdejn biebu bilqiegħda jsibu.

L-aqwa tal-għaqal hu li taħseb fl-għerf,

u min jishar għalih malajr jeħles mill-inkwiet.

L-għerf idur u jfittex lil dawk li jixirqulu,

kollu ħlewwa jidhrilhom fit-triq,

u jiltaqa’ magħhom f’kull ħsieb tagħhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 62 (63), 2.3-4.5-6.7-8

 

R/. (2b): Mulej, Alla tiegħi, ruħi bil-għatx għalik

 

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.

Ruħi bil-għatx għalik,

għalik imxennaq jiena,

bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.

 

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,

biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.

Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,

xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. R/.

 

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;

ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.

Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,

u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. R/.

 

Meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar,

u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.

Għax inti kont għajnuna għalija,

għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ. R/.

 

Qari II

Alla għad jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

1 Tes 4, 13-18

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Ma rridux li ma tkunux tafu, ħuti, fuq il-mejtin biex ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li ma għandhomx tama. Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

 

Dan ngħidulkom fuq il-kelma tal-Mulej, jiġifieri li aħna li nkunu għadna hawn ħajjin għall-miġja tal-Mulej, ma mmorrux qabel dawk li jkunu raqdu. Għaliex il-Mulej innifsu mal-kmand, mal-leħen ta’ l-arkanġlu u t-tromba ta’ Alla, jinżel mis-sema, u dawk li jkunu mietu fi Kristu jqumu l-ewwel. Imbagħad aħna li nkunu ħajjin, li nkunu għadna hawn, ninħatfu magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru. Hekk inkunu dejjem mal-Mulej.

 

Agħmlu l-qalb lil xulxin b’dan il-kliem.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Jew il-forma l-qasira

 

Qari II

Alla għad jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

1 Tes 4, 13-14

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Ma rridux li ma tkunux tafu, ħuti, fuq il-mejtin biex ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li ma għandhomx tama. Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 24, 42a.44

 

Hallalujah. R/. Hallelujah

Ishru, mela, u kunu lesti,

għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!

Mt 25, 1-13

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola:Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

 

Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn

ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.

 

Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”.

 

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu