L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Elija jservi quddiem il-Mulej, Alla ta’ Iżrael.

1 Slaten 17, 1-6

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, Elija minn Tisbi ta’ Gilgħad, qal lil Aħab: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, li jien inservi quddiemu, ma jkunx hemm dawn is-snin la nida u lanqas xita, jekk mhux meta nitkellem jien”. Il-Mulej kellem lil Elija u qallu: “Itlaq minn hawn, iġbed lejn il-Lvant, u mur inħeba fil-wied ta’ Kerit, biswit il-Ġordan. Inti tixrob mill-wied, u jien ikkmandajt liċ-ċawl jitimgħek hemmhekk”. Elija telaq u għamel kif qallu l-Mulej, u qagħad ħdejn il-wied ta’ Kerit biswit il-Ġordan. U ċ-ċawl kienu jġibulu ħobż u laħam mas-sebħ u ħobż u laħam filgħaxija. U kien jixrob mill-wied.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 120 (121), 1-2.3-4.5-6.7-8

 

R/. (ara 2): L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej

 

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet;

mnejn se tiġini l-għajnuna?

L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej,

li għamel is-sema u l-art. R/.

 

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor;

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod

dak li jħares lil Iżrael. R/.

 

Il-Mulej hu dak li jħarsek;

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar,

anqas il-qamar billejl. R/.

 

Iħarsek il-Mulej minn kull deni;

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,

minn issa u għal dejjem. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 12a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ifirħu u thennew,

għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Henjin il-foqra fl-ispirtu.

Mt 5, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

“Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Henjin l-imnikkta,

għax huma jkunu mfarrġa.

Henjin ta’ qalbhom ħelwa,

għax huma jkollhom b’wirthom l-art.

Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja,

għax huma jkunu mxebbgħin.

Henjin dawk li jħennu,

għax huma jsibu ħniena.

Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,

għax huma jaraw ’l Alla.

Henjin dawk li jġibu l-paċi,

għax huma jissejħu wlied Alla.

Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom

u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.

Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.

Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu