L-Ewwel Ġimgħa tar-Randan

Is-Sibt

 

Qari I

Tkun ġens ikkonsagrat lill-Mulej, Alla tiegħek.

Dewt 26, 16-19

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: Illum il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed jordnalek li tagħmel dawn il-liġijiet u dawn il-preċetti, u qis li tagħmilhom b’qalbek kollha u b’ruħek kollha. Int ġegħelt lill-Mulej jgħid li jkun Alla tiegħek, u li timxi fit-toroq tiegħu u li tħares il-liġijiet tiegħu u l-kmandamenti u l-preċetti tiegħu, u tisma’ minn kliemu.

 

U l-Mulej ġiegħlek tagħti l-kelma llum li tkun poplu maħtur tiegħu, kif kien qallek, u li tħares l-ordnijiet kollha tiegħu biex hu jgħollik fuq il-ġnus kollha li għamel, fl-isem u fil-ġieħ, u tkun ġens ikkonsagrat lill-Mulej, Alla tiegħek, kif kien wiegħdek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 1-2.4-5.7-8

 

R/. (1b): Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej

 

Henjin dawk li triqthom bla ħtija,

li jimxu fil-liġi tal-Mulej.

Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,

u li jfittxuh b’qalbhom kollha. R/.

 

Int tajt il-preċetti tiegħek,

biex inħarsuhom bir-reqqa.

Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi

fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek! R/.

 

Imbagħad infaħħrek b’qalb safja.

Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.

Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek;

la tħallinix għalkollox! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 6, 2b

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Issa hu ż-żmien it-tajjeb;

issa hu jum is-salvazzjoni!

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Kunu perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.

Mt 5, 43-48

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Smajtu x’intqal: “Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek”. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

 

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu