Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Alla għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus.

Gal 1, 13-24

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

 

Ħuti, intom smajtu bl-imġiba tiegħi meta kont għadni fir-reliġjon Lhudija, kif kont nippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta’ Alla u nfittex li nħarbatha; u kemm kontil quddiem fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi aktar minn sħabi kollha ta’ mpari, imġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti. Imma meta Dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus, minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam, bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku. Imbagħad, tliet snin wara, tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa, u bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata; mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd; iżda rajt lil Ġakbu, ħu l-Mulej. F’dan li qiegħed niktbilkom, nixhed quddiem Alla, m’iniex nigdeb. Imbagħad mort fl-inħawi tas-Sirja u taċ-Ċiliċja. Il-knejjes ta’ Kristu fil-Lhudija kienu għadhom qatt ma raw wiċċi; kienu semgħu biss in-nies jgħidu li: “dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed ixandar il-fidi li darba hu ried jeqred”; u huma faħħru lil Alla minħabba fija.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 138 (139), 1-3.13-14ab.14ċ-15

 

R/. (24b): Mexxini Mulej fit-triq ta’ dejjem

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.

 

Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

u f’ġuf ommi inti nsiġtni.

Irroddlok ħajr,

għax b’mod tal-għaġeb għamiltni. R/.

 

Tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek.

U ’l ruħi inti tafha tajjeb.

Ma kienx moħbi għadmi minnek,

meta kont qiegħed insir fis-satra

u nintiseġ fil-qigħan tal-art. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 11, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla

u jħarsuha.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Marta laqgħetu. Marija għażlet l-aħjar sehem.

Lq 10, 38-42

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, huma u mexjin, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu