Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni.

2 Tim 3, 10-17

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, inti mxejt warajja fit-tagħlim tiegħi, fl-imġiba tiegħi, fil-pjan u t-twemmin tiegħi; fis-sabar, fl-imħabba u fil-perseveranza tiegħi; fil-persekuzzjonijiet u t-tbatijiet li ġew fuqi f’Antijokja, f’Ikonju u f’Listra. X’persekuzzjonijiet għaddejt minnhom! Iżda ħelisni l-Mulej minnhom kollha! U dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni. Imma n-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu. Imma int ibqa’ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu, u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 157.160.161.165.166.168

 

R/. (165a): Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek

 

Ħafna li jagħmlu għalija u jħabbtuni;

imma jien ma nitbigħedx mill-preċetti tiegħek.

Is-sewwa tiegħek il-qofol ta’ kelmtek;

għal dejjem id-digrieti tal-ġustizzja tiegħek. R/.

 

Il-kbarat għal xejn b’xejn jagħmlu għalija,

imma minn kelmtek tibża’ qalbi.

Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek;

ma hemm ebda tfixkil għalihom. R/.

 

Nistenna s-salvazzjoni tiegħek, Mulej;

u nħares il-kmandamenti tiegħek.

Inħares il-preċetti u l-kmandamenti tiegħek;

quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,

u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kif inhi li l-kittieba jgħidu li l-Messija huwa bin David?

Mk 12, 35-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, hu u jgħallem fit-tempju, Ġesù qabad u qal: “Din kif inhi li l-kittieba jgħidu li l-Messija huwa bin David? David stess, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, qal: “Il-Mulej qal lil Sidi: Oqgħod fuq il-lemin tiegħi, sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek taħt riġlejk”. Jekk David stess sejjaħlu Sidu, mela kif inhu ibnu?”. U dik il-kotra kbira ta’ nies qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu