Ir-Raba Ġimgħa tal-Għid

It-Tlieta

 

Qari I

Bdew ikellmu wkoll lill-Griegi u jxandrulhom l-Evanġelju tal-Mulej Ġesù.

Atti 11, 19-26

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, dawk li kienu xterdu minħabba l-persekuzzjoni li kienet qamet minħabba Stiefnu waslu sal-Feniċja, sa Ċipru u sa Antjokja, u ma kienu jxandru l-kelma lil ħadd ħlief lil-Lhud biss.  Imma xi wħud minnhom kienu minn Ċipru u minn Ċireni, u dawn, meta ġew Antjokja, bdew ikellmu wkoll lill-Griegi u jxandrulhom l-Evanġelju tal-Mulej Ġesù. U id il-Mulej kienet magħhom, u kbir kien l-għadd ta’ dawk li emmnu u daru lejn il-Mulej. L-aħbar ta’ dan waslet f’widnejn il-Knisja ta’ Ġerusalemm, u għalhekk bagħtu lil Barnaba sa Antjokja. Meta dan wasal u ra l-grazzja ta’ Alla, feraħ u beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin fil-Mulej. Għax hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u bil-fidi. U ġemgħa kbira ta’ nies ingħaqdet mal-Mulej. Imbagħad Barnaba telaq lejn Tarsu jfittex lil Sawl, u, meta sabu, ħadu Antjokja. Għaddew sena sħiħa flimkien fil-Knisja, u għallmu kotra kbira ta’ nies. Kien f’Antjokja li d-dixxipli għall-ewwel darba sejħulhom ‘Kristjani’.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 86 (87), 1-3.4-5.6-7

 

R/. (Salm 116 (117), 1a): Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Il-Mulej bena ’l Sijon fuq l-għoljiet imqaddsa;

hu jħobb il-bibien tagħha

aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.

O belt ta’ Alla,

ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek! R/.

 

Ngħodd ’il Raħab u ’l Babilonja

ma’ dawk li jagħrfuni.

Araw, in-nies tal-Filistja, Tir u l-Etjopja,

dawn twieldu hemm!

U għal Sijon jingħad:

“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!

U Alla l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha”. R/.

 

Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli:

“Dan twieled hemm”.

U jgħannu, huma u jiżfnu,

dawk kollha li jgħammru fik. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.

Ġw 10, 22-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’Ġerusalemm ħabtet il-festa tal-Konsagrazzjoni tat-tempju. Kienet ix-xitwa, u Ġesù kien miexi minn naħa għal oħra tat-tempju, fil-loġġa ta’ Salamun. Il-Lhud daru miegħu u qalulu: “Kemm se ddum taqlgħalna ruħna? Jekk inti l-Messija għidilna ċar u tond”. Weġibhom Ġesù: “Għedtilkom u intom ma temmnux. L-għemejjel li nagħmel jien f’isem Missieri jixhdu għalija. Iżda intom ma temmnux għax m’intomx min-nagħaġ tiegħi. In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu