Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Ħabirku għas-salvazzjoni tagħkom. Alla hu li jġegħelkom tridu u tħabirku biex tagħmlu dak li jogħġob lilu.

Fil 2, 12-18

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Għeżież tiegħi, bħalma dejjem obdejtu, mhux biss meta kont magħkom, imma wisq aktar issa li m’iniex magħkom, ħabirku għas-salvazzjoni tagħkom bil-biża’ u t-tregħid. Alla hu li jaħdem fikom u jġegħelkom tridu u tħabirku biex tagħmlu dak li jogħġob lilu. Agħmlu kollox mingħajr tgemgim u mingħajr tlaqliq, ħalli tkunu nies bla għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs bnedmin ta’ ħajja mgħawġa u mħassra; fosthom intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb. U żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja. Hekk fil-jum ta’ Kristu jkolli biex niftaħar li ma nkunx ġrejt u tħabatt għal xejn. U mqar kieku kelli nxerred demmi fuq il-vittmi u s-sagrifiċċju tal-fidi tagħkom, jiena nifraħ fuq li nifraħ magħkom ilkoll. U hekk ukoll intom għandkom tifirħu fuq li tifirħu miegħi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 26 (27), 1.4.13-14

 

R/. (1a): Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;

minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer? R/.

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f’dar il-Mulej

tul il-jiem kollha ta’ ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej

jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. R/.

 

Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej

f’art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Piet 4, 14

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk tkunu mkasbrin minħabba l-isem ta’ Kristu,

henjin intom!

Fuqkom għandkom l-Ispirtu ta’ Alla.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.

Lq 14, 25-33

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, kotra kbira ta’ nies kienet miexja ma’ Ġesù; hu dar lejhom u qalilhom: Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’l ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwel nett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sal-aħħar? Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt u jgħid: “Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sal-aħħar”.

 

Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ’l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi. Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu