L-Ewwel Ġimgħa tar-Randan

L-Erbgħa

 

Qari I

In-nies ta’ Ninwè reġgħu lura minn triqthom il-ħażina.

Ġona 3, 1-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona

 

F’dak iż-żmien, il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona u qallu:Qum, mur f’Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien”. U Ġona qam u mar f’Ninwè kif qallu l-Mulej. Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha.

 

Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!”. In-nies ta’ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu x-xkejjer, mill-kbir saż-żgħir. L-aħbar waslet għand is-sultan ta’ Ninwè, u qam minn fuq it-tron tiegħu, neħħa minn fuqu l-mantell tiegħu, inkesa bi xkora, u ntasab fuq l-irmied.

 

U ħarġu jxandru u jgħidu f’Ninwè: “B’digriet tas-sultan u tal-kbarat tiegħu: La nies, la annimali, la bhejjem u lanqas merħliet, ħadd m’għandu jduq xejn, u la jirgħu u lanqas jixorbu ilma. U jinksew bi xkejjer. Kemm il-bnedmin u kemm l-annimali jgħajtu b’qawwa lejn Alla, u kull wieħed jerġa’ lura minn triqtu l-ħażina u mill-ħsara li għamel b’idejh. Min jaf jekk Alla jibdilux u jisgħobx bih, u jdur mill-korla mixgħula tiegħu, u aħna ma nintilfux!”.

 

U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.12-13.18-19

 

R/. (19b): Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

 

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

 

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju;

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġoel 2, 12-13

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,

għax jien twajjeb u ħanin.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Ebda sinjal ma jingħata lil dan in-nisel ħlief is-sinjal ta’ Ġona.

Lq 11, 29-32

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona. Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel. F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-Nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf tal-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun! F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu