Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Nistennew smewwiet ġodda u art ġdida.

2 Piet 3, 12-15a.17-18

 

Għeluq tat-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Għeżież, stennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-Jum ta’ Alla. Hu minħabba f’dan il-Jum li s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar! Imma aħna, skont il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.

 

Għalhekk, ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub. Is-sabar li bih il-Mulej jeħodna qisuh bħala salvazzjoni tagħna. Intom, mela, ħuti għeżież, ladarba tafu dan, għassu sewwa li ma tisfawx maħkuma mill-iżbalji ta’ dawn in-nies bla rażan u taqgħu mnejn tinsabu fis-sod. Ikbru fil-grazzja u fl-għarfien ta’ Sidna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu. Lilu glorja issa u għal dejjem. Ammen.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 89 (90), 2.3-4.10.14 u 16

 

R/. (1): Mulej, int għalina kenn minn nisel għal nisel

 

Qabel ma twieldu l-muntanji,

qabel ma tnisslu l-art u d-dinja,

minn dejjem ta’ dejjem int, o Alla! R/.

 

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,

u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”

Elf sena huma għalik

bħal jum ta’ lbieraħ li għadda,

jew bħal sahra tal-lejl. R/.

 

Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena;

l-iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna;

u l-biċċa l-kbira taħbit u niket;

malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom. R/.

 

Imliena kmieni bit-tieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,

u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Efes 1, 17-18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja,

idawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom

biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.

Mk 12, 13-17

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, bagħtu għand Ġesù xi Fariżej u Erodjani biex jonsbuh f’xi kelma. Ġew u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa u li ma tħabbel rasek b’ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares, imma t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi. Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari? Għandna jew ma għandniex inħallsuha?”. Imma hu ntebaħ bil-wiċċ b’ieħor tagħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu tinbxuni? Newluli dinar ħa narah”. Newlulu dinar, u hu staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?” Qalulu: “Ta’ Ċesari”. Qalilhom imbagħad Ġesù: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”. U stagħġbu ħafna bih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu