Laikos

 

TALBA TAL-KONSAGRAZZJONI TAL-KNISJA

U TAL-ĠENERU UMAN

LILL-QALB IMMAKULATA (BLA TEBGĦA) TA’ MARIJA

MILL-PAPA PIJU XII

F’RADJU MESSAĠĠ TAS-SIBT, 31 T’OTTUBRU 1942[i]

 

O Sultana tar-Rużarju Mqaddes, Għajnuna tal-Insara, kenn tal-Ġeneru Uman kollu, Rebbieħa tal-Battalji kollha ta’ Alla! Aħna ninxteħtu f’riġlejn it-tron tiegħek u nressqu quddiemek it-talb tagħna, żguri li nirċievu l-ħniena, il-grazzji, u l-għajnuna u l-protezzjoni mingħandek f’dawn it-traġedji kbar li għaddejjin minnhom fil-preżent, mhux għall-merti tagħna, li aħna ma nippretendux li għandna iżda biss għall-merti tat-tjubija immensa tal-Qalb tiegħek ta’ Omm.

Lilek, lill-Qalb Immakulata (Bla Tebgħa) tiegħek, f’dan iż-żmien traġiku għall-umanità, aħna nafdaw u nikkonsagraw lilna nfusna, f’għaqda mal-Knisja Mqaddsa, il-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù, li qed tbati u xxerred id-demm hi u għaddejja minn tant tribulazzjonijiet, u anke f’għaqda mad-dinja kollha, imfarrka minn tant ġlied feroċi, marsusa fil-morsa ta’ nar kbir ta’ mibegħda, vittma tal-ħażen tagħha stess.

Lilna jikkomovuna t-tant tipi ta’ qerda, materjali u morali, it-tant tbatijiet, it-tant niket ta’ missirijiet u ta’ ommijiet, ta’ tant irġiel u nisa miżżewġin, ta’ aħwa, ta’ wlied innoċenti, it-tant ħajjiet imqaċċta fil-fjur tagħhom, ta’ tant iġsma mbiċċra f’din il-qerda tal-biża’ li għaddejjin minnha l-bnedmin, it-tant erwieħ ittorturati u agonizzanti, it-tant erwieħ li jinsabu forsi fil-periklu li jintilfu għal dejjem.

O Omm tal-Ħniena, aqlgħalna l-paċi mingħand Alla! U fuq kollox, aqlgħalna mingħandu l-grazzji kollha li jistgħu, f’waqt wieħed, jikkonvertu lill-qlub tal-bnedmin, dawk il-grazzji li jippreparaw li jġibu u li jassiguraw il-paċi. Sultana tal-Paċi, itlob għalina u agħti lid-dinja, li bħalissa tinsab għaddejja minn gwerra, il-paċi li l-popli tant jittamaw li jkollhom, il-paċi fil-verità, fil-ġustizzja, u fl-imħabba ta’ Kristu.  Agħti lill-popli tad-dinja li l-armi tal-gwerra jieqfu jintużaw u agħti lill-popli l-paċi fil-qlub, fl-erwieħ tagħhom, sabiex fit-trankwillità tal-ordni fost il-bnedmin, tinxtered is-Saltna ta’ Alla.

Agħti l-protezzjoni tiegħek lill-infidili u lil dawk kollha li għadhom fid-dell tal-mewt, agħtihom il-paċi u agħmel li, anke għalihom titla’ x-xemx tal-verità sabiex jistgħu, magħna, quddiem il-Feddej waħdieni tad-dinja, jirrepetu “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba!” (Lq 2, 14).

 

Lill-popli mifrudin minħabba l-iżball jew in-nuqqas ta’ ftehim, u speċjalment lil dawk li jistqarru li għandhom devozzjoni singulari lejk u li f’darhom qatt ma naqsu li jżommu f’ġieħ ix-xbieha wisq meqjuma tiegħek ( u li llum tinsab moħbija u mqiegħda xi mkien ieħor, merfugħa għal żminijiet aħjar), agħtihom il-paċi u erġa’ ressaqhom lejn l-unika merħla ta’ Kristu, taħt ir-Ragħaj uniku u veru.

Iksbilna mingħand il-Mulej il-paċi u l-libertà sħaħ għall-Knisja Mqaddsa ta’ Kristu, waqqaf id-dulluvju tan-neopaganiżmu li minnu għaddejja d-dinja, u imla lill-fdili bl-imħabba lejn is-safa, bil-prattika ta’ ħajja Nisranija u bil-ħeġġa appostolika, sabiex dawk li jaqdu lil Alla jiżdiedu fil-merti u fin-numru.  

Fl-aħħarnett, kif lill-Qalb ta’ Ibnek Ġesù diġà ġew ikkonsagrati l-Knisja u l-ġeneru uman kollu, sabiex huma jqiegħdu kull tama tagħhom fiha (fil-Qalb ta’ Ġesù) u sabiex Hu jkun għalihom sinjal u rahan (garanzija) ta’ rebħa u salvazzjoni, hekk ukoll aħna, fl-istess ħin, b’mod perpetwu, nikkonsagraw ruħna Lilek, lill-Qalb Immakulata tiegħek, o Omm tagħna, u Sultana tad-Dinja, u dan sabiex l-imħabba u l-patroċinju tiegħek jgħinu biex jasal aktar malajr it-trijonf tas-Saltna t’Alla, u sabiex in-nies, u l-popli kollha, waqt li jgawdu l-paċi bejniethom u ma’ Alla, jipproklamawk bħala mbierka u hienja u miegħek ikantaw, min-naħa għall-oħra tad-dinja, il-Magnificat etern ta’ glorja, imħabba u rikonoxxenza lejn il-Qalb ta’ Ġesù, li fiha biss jistgħu jsibu l-verità, il-ħajja u l-paċi.

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Joseph Bonello


 

[i]    Nota: Din it-talba tinsab fis-sensiela Discorsi e Radiomessaggi di Sua Santità Pio XII, Vol. IV (il-Volum li jkopri r-raba’ sena tal-pontifikat ta’ dan il-Papa), paġni 453 – 454.