"TIRREŻISTUX LILL-ISPIRTU S-SANTU"

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Dar Santa Marta - 16 ta' April 2013

“L-Ispirtu s-Santu jimbotta l-persuni u lill-Knisja stess biex timxi ‘l quddiem, imma aħna nirreżistuh ma rridux ninbidlu.” 

Din kienet it-twissija tal-Papa Franġisku meta waqt omelija tiegħu huwa tkellem dwar il-martirju ta’ San Stiefnu, li qabel ġie mħaġgar xandar lil Kristu Rxoxt, waqt li wissa lil dawk preżenti bi kliem qawwi: ‘Ja nies ta’ ras iebsa, intom għalaqtu qalbkom u saddejtu widnejkom, u dejjem waqaftulu lill-Ispirtu s-Santu’. 

Il-Papa Franġisku kompla juri kif Stiefnu, dakinhar fakkar lil-Lhud kif huma kienu ppersegwitaw lill-profeti u wara li qatlulhom, bnewlhom oqbra sbieħ u mbagħad tawhom qima. Anke Ġesù -  qal il-Papa -  ċanfar lid-dixxipli ta’ Għemmaws, ‘Boloħ u tqal biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti!’  Dejjem, anke fostna, hemm din ir-reżistenza għall-Ispirtu s-Santu.

 

L-Ispirtu s-Santu jagħtina fastidju.

“Ngħid ċar u tond, l-Ispirtu s-Santu jagħtina fastidju.  Għaliex iħarrikna, imexxina, jimbutta l-Knisja biex tmur ‘il quddiem.  U aħna qisna bħal Pietru fit-Trasfigurazzjoni: ‘Kemm hu tajjeb li nibqgħu hekk, lkoll flimkien!’ … li ma jagħtiniex fastidju.  Nixtiequ li kieku l-Ispirtu s-Santu jieħu nagħsa … irridu nimmansawh lill-Ispirtu s-Santu.  U dan mhux tajjeb.  Għaliex Hu huwa Alla. Hu, huwa dak ir-riħ li jmur u jiġi u inti ma tafx minn fejn.  Huwa l-qawwa ta’ Alla. Huwa dak li jagħtina l-faraġ, li jagħtina l-qawwa biex nimxu ‘l quddiem.  Imma: nimxu ‘l quddiem! Dan jagħtina fastidju.  Il-kumdità isbaħ”.

 

Niċcelebraw il-Koncillju, imma ma rridux ninbidlu. 

Il-Papa Franġisku kompla jgħid: “Illum bħal donnu aħna lkoll kuntenti bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, imma mhux veru.  Din it-tentazzjoni għadha anke llum.  Eżempju wieħed: naħsbu fil-Konċilju.  Il-Konċilju kien ħidma sabiħa tal-Ispirtu s-Santu.  Aħsbu fil-Papa Ġwanni:  kien donnu kappillan twajjeb u huwa kien ubbidjenti għall-Ispirtu s-Santu u għamel dak li għamel.  Imma ħamsin sena wara, għamilna dak kollu li qalilna l-Ispirtu s-Santu fil-Konċilju, f’dik il-kontinwita’ fit-tkabbir tal-Knisja li kien il-Konċilju Le!  Niċcelebraw dan l-anniversarju, nagħmlu monument għall-Konċilju, basta ma jagħtiniex fastidju.  Ma rridux ninbidlu.  Aktar minn hekk, hemm ilħna li jridu mmorru lura.  Dan huwa dak li nifhmu meta ngħidu li nkunu rjus iebsa. Dan huwa dak li nifhmu meta ngħidu li rridu nimmansaw lill-Ispirtu s-Santu.  Dan huwa dak li nifhmu meta ngħidu li nkunu boloħ u tqal biex nemmnu.

 

L-istess anke fil-ħajja personali tagħna
“Jiġri l-istess anke fil-ħajja personali tagħna.  Infatti l-Ispirtu jimbuttana biex naqbdu triq li taqbel aktar mal-Evanġelju, imma aħna nirreżistu.  Tirreżistx lill-Ispirtu s-Santu.  Din il-grazzja li nixtieq li aħna lkoll nitolbu lill-Mulej: li nkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu, li jiġi għandna u jmexxina ‘l quddiem fit-triq tal-qdusija, dik il-qdusija tal-Knisja li hija tant sabiħa.  Il-grazzja li nkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu.  Hekk ikun"