L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Misericordia et Misera - Il-Ħniena u l-Miżera

 

Fi tmiem il-Ġublew tal-Ħniena,

il-Papa Franġisku

ta lil dawk kollha li ser jaqraw

din l-Ittra Appostolika,

riflessjoni profonda dwar

il-Ħniena u l-Miżera.

 

Il-Ħniena huwa Kristu,

waqt li l-Miżera

fil-persuna tal-Mara Adultera

hija aħna lkoll.

 


Ara wkoll ...

It-Test bit-Taljan ...

It-Test bl-Ingliż ...

 

Kummenti dwarha ...

Five key extracts from Misericordia et Misera. Catholic Herald. 21/11/2016.

Stampa t-test kollu ...

Misericordia et Misera

Il-Ħniena u l-Miżera

 

FRANĠISKU

lil dawk kollha li ser jaqraw din l-Ittra Appostolika

ħniena u paċi

 

Misericordia et misera huma ż-żewġ kelmiet li Santu Wistin juża sabiex jirrakkonta l-laqgħa bejn Ġesù u l-adultera (ara Ġw 8:1-11). Ma setax isib espressjoni isbaħ u aktar ċara minn din biex iwassal biex wieħed jifhem il-misteru tal-imħabba ta’ Alla meta jiltaqa’ mal-midneb: “Baqgħu biss huma t-tnejn: il-miżera u l-ħniena”.[1] Kemm ħniena u ġustizzja divina f’dan ir-rakkont! It-tagħlim tiegħu jiġi sabiex idawwal il-konklużjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, filwaqt li juri l-mixja li aħna mistiedna nimxu fil-futur.

 

1. Din il-paġna tal-Evanġelju tista’ ġustament tiġi meqjusa bħala ikona ta’ dak li ċċelebrajna fis-Sena Mqaddsa, żmien għani fil-ħniena, li titlob li tibqa’ tiġi ċċelebrata u mgħixa fil-komunitajiet tagħna. Il-ħniena, fil-fatt, ma tistax tkun biss parentesi fil-ħajja tal-Knisja, iżda tikkostitwixxi l-essenza tagħha stess, li turi u tagħmel tanġibbli l-verità profonda tal-Evanġelju. Kollox jiġi muri fil-ħniena; kollox jinġabar fl-imħabba ħanina tal-Missier.

 

Waħda mara u Ġesù ltaqgħu. Hija, adultera u, skont il-Liġi, iġġudikata bħala li ħaqqha tkun imħaġġra; Hu, li permezz tal-predikazzjoni u l-għotja sħiħa tiegħu nnifsu, li ser twasslu għas-salib, reġa’ wassal il-liġi ta’ Mosè lura għall-intenzjoni ġenwina oriġinali tagħha. Fiċ-ċentru m’hemmx il-liġi u l-ġustizzja legali, iżda l-imħabba ta’ Alla, li jaf jaqra fil-qalb ta’ kull bniedem, biex jagħraf ix-xewqa l-aktar moħbija, liema mħabba għandha tkun l-ewwel fuq kollox. F’dan ir-rakkont evanġeliku, madankollu, ma jiltaqgħux flimkien id-dnub u l-ġudizzju b’mod astratt, iżda waħda midinba u s-Salvatur. Ġesù ħares f’għajnejn dik il-mara u qara dak li kien hemm f’qalbha: sab hemmhekk ix-xewqa li tkun mifhuma, maħfura u meħlusa. Il-miżerja tad-dnub ġiet imlibbsa mill-ħniena tal-imħabba. L-ebda ġudizzju min-naħa ta’ Ġesù, jekk mhux dak immarkat mill-ħniena u l-kompassjoni għall-kundizzjoni tal-midinba. Lil dawk li riedu jiġġudikawha u jikkundannawha għall-mewt, Ġesù jwieġeb b’silenzju twil, li jrid iħalli l-leħen ta’ Alla jidwi fil-kuxjenzi, kemm ta’ dik il-mara u kemm ta’ dawk li kienu qed jakkużawha. Dawn tal-aħħar iħallu l-ġebel jaqa’ minn idejhom u jitilqu wieħed wara l-ieħor (ara Ġw 8:9). U wara dak is-silenzju, Ġesù jgħid: “Mara, fejn huma? Ħadd minnhom ma kkundannak?… Lanqas jiena ma nikkundannak; mur u mil-lum ’il quddiem tidnibx aktar” (Ġw 8:10-11). B’dan il-mod huwa jgħinha tħares lejn il-futur b’tama u tkun lesta terġa’ tibda tgħix; minn issa ’l quddiem, jekk hi tixtieq, tista “timxi fl-imħabba” (ara Ef 5:2). Ladarba wieħed jiġi mlibbes bil-ħniena, anki jekk tibqa’ l-kundizzjoni ta’ dgħufija minħabba d-dnub, din tiġi mirbuħa mill-imħabba li twassal sabiex wieħed iħares lil hinn u jgħix mod ieħor.

 

2. Barra minn hekk, Ġesù kien diġà għallem hekk b’mod ċar meta, mistieden għall-ikel għand wieħed Fariżew, kienet resqet lejh waħda mara magħrufa minn kulħadd bħala midinba (ara Lq 7:36-50). Hi kienet ksiet bil-fwieħa r-riġlejn ta’ Ġesù, xarrbitthomlu bid-dmugħ tagħha u xxuttathomlu b’xagħarha (ara v. 37-38). Quddiem ir-reazzjoni ta’ skandlu li kellu l-Fariżew, Ġesù wieġeb: “Id-dnubiet tagħha li kienu ħafna nħafrulha, għax ħabbet ħafna. Iżda lil min jinħafirlu ftit, ftit iħobb” (v. 47).

 

Il-maħfra hija s-sinjal l-aktar viżibbli tal-imħabba tal-Missier, li Ġesù ried jiżvela f’ħajtu kollha. M’hemmx paġna tal-Evanġelju li ma ssegwix dan l-imperattiv tal-imħabba li jwassal għall-maħfra. Saħansitra fl-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu fuq din l-art, waqt li jiġi msammar mas-salib, Ġesù għandu kliem ta’ maħfra: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34).

 

Xejn minn dak li bniedem midneb u niedem ipoġġi quddiem il-ħniena ta’ Alla ma jibqa’ mingħajr it-tgħanniqa tal-maħfra tiegħu. Huwa għalhekk li ħadd minna ma jista’ jpoġġi kundizzjonijiet għall-ħniena; din tibqa’ dejjem att ħieles tal-Missier tas-Sema, imħabba bla kundizzjoni li wieħed ma jistħoqqlux. Għaldaqstant, ma nistgħux nidħlu fir-riskju li nopponu l-libertà sħiħa tal-imħabba li biha Alla jidħol fil-ħajja ta’ kull persuna.

 

Il-ħniena hija din l-azzjoni konkreta tal-imħabba li, meta taħfer, tittrasforma u tibdel il-ħajja. Huwa b’dan il-mod li jintwera l-misteru divin tal-imħabba. Alla huwa ħanin (ara Eż 34:6), il-ħniena tiegħu hija għal dejjem (ara Salm 136), minn nisel għal nisel jgħannaq lil kull bniedem li jafda fih u jittrasformah, filwaqt li jagħtih il-ħajja tieħu stess.

 

3. Kemm ferħ tqajjem fil-qalb ta’ dawn iż-żewġ nisa, l-adultera u l-midinba! Il-maħfra wasslithom biex fl-aħħar iħossuhom liberi u kuntenti bħal qatt qabel. Id-demgħat tal-mistħija u tat-tbatija ġew mibdula fi tbissima ta’ min jaf li huwa maħbub! Il-ħniena tnissel il-ferħ, għaliex il-qalb tinfetaħ għat-tama ta’ ħajja ġdida. Wieħed ma jistax ifisser il-ferħ tal-maħfra, iżda dan jidher fina kull darba li nagħmlu esperjenza tiegħu. Fil-bidu ta’ dan il-ferħ hemm l-imħabba li biha Alla jiġi jiltaqa’ magħna, filwaqt li jkisser iċ-ċirku tal-egoiżmu li jdawwarna, sabiex jagħmel minna wkoll strumenti ta’ ħniena.

 

Kemm għandu tifsira qawwija għalina wkoll il-kliem antik li kien imexxi lill-ewwel Insara: “Tlibbsu bil-ferħ li jogħġob u jaċċetta Alla. F’dan il-ferħ huwa jitgħaxxaq. Kull bniedem ferħan jagħmel it-tajjeb, jaħseb it-tajjeb u jiddisprezza d-dwejjaq […] Ser jgħixu f’Alla dawk li jbiegħdu minnhom id-dwejjaq u jitlibbsu b’kull ferħ”.[2] Li jkollok esperjenza tal-ħniena jagħtik il-ferħ. Ejjew ma nħallux li jitteħdilna l-ferħ mill-ħafna niket u ħsibijiet. Jalla l-għeruq tal-ferħ jibqgħu f’qalbna sabiex inħarsu dejjem b’serenità lejn il-ħajja ta’ kuljum.

 

F’kultura li ta’ spiss hija maħkuma mit-teknika, jidher li qed jimmultiplikaw ruħhom il-forom ta’ niket u solitudni li jaqgħu fihom in-nies, kif ukoll tant żgħażagħ. Filfatt il-futur jidher li sar ostaġġ tal-inċertezza u li ma jħallix li wieħed ikollu stabbilità. B’hekk ta’ spiss jikbru sentimenti ta’ malinkonija, ta’ niket u ta’ dwejjaq, li ftit ftit jistgħu jwasslu għad-disprament. Jeħtieġ ta’ xhieda ta’ tama u ta’ ferħ veru, sabiex jitkeċċew il-wegħdiet foloz ta’ kuntentizza faċli b’ġenniet artifiċjali. Il-vojt profond ta’ ħafna jista’ jimtela bit-tama li nwasslu fil-qalb u bil-ferħ li jiġi minnha. Huwa tassew meħtieġ li jingħaraf il-ferħ li jidher fil-qalb li tmesset mill-ħniena. Għalhekk, ejjew ngħożżu l-kliem tal-Appostlu: “Ifirħu dejjem fil-Mulej” (Fil 4:4; ara 1 Tess 5:16).

 

4. Iċċelebrajna Sena intensa, li matulha rċevejna b’abbundanza l-grazzja tal-ħniena. Bħal riħ b’saħħtu iżda li jagħti s-saħħa, it-tjieba u l-ħniena tal-Mulej tferrxu fuq id-dinja kollha. U quddiem din il-ħarsa mimlija mħabba ta’ Alla li b’mod daqstant fit-tul daret lejn kull wieħed minna, ma nistgħux nibqgħu indifferenti, għaliex din tbiddel il-ħajja.

 

Inħossu l-bżonn, qabelxejn, li nirringrazzjaw lill-Mulej u ngħidulu Kont tajjeb, Mulej, ma’ artek […]. Neħħejt il-ħtija tal-poplu tiegħek” (Salm 85:2-3). Hu hekk tassew: Alla xeħet taħt saqajh il-ħtijiet tagħna u waddab f’qiegħ il-baħar id-dnubiet tagħna (ara Mik 7:19); m’għadux jiftakarhom aktar, għax tefagħhom wara spallejh (ara Is 38:17); daqskemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent, hekk huma mbiegħda minnu d-dnubiet tagħna (ara Salm 103:12).

 

F’din is-Sena Mqaddsa l-Knisja għarfet tpoġġi lilha nfisha f’atteġġjament ta’ smigħ u esperjenzat b’intensità qawwija l-preżenza tal-Missier li jinsab qrib, li permezz tal-opra tal-Ispirtu s-Santu kompla jagħmel aktar evidenti ir-rigal u l-mandat ta’ Ġesù Kristu fir-rigward tal-maħfra. Kienet tassew miġja ġdida tal-Mulej f’nofsna. Stajna nħossu n-nifs tiegħu li jagħti l-ħajja jinxtered fuq il-Knisja, u għal darb’oħra l-kliem tiegħu wriena l-missjoni: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: lil dawk li taħfrulhom dnubiethom, ikunu maħfura; lil dawk li żżommuhomlhom, ikunu miżmuma” (Ġw 20:22-23).

 

5. Issa, wara li ġie konkluż il-Ġublew, huwa ż-żmien li nħarsu ’l quddiem u li nagħrfu kif għandna nkomplu ngħixu l-għana tal-ħniena divina b’fedeltà, ferħ u entużjażmu. Il-komunitajiet tagħna jistgħu jibqgħu ħajjin u dinamiċi fl-opra tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida fil-qies li l-“konverżjoni pastorali” li aħna msejħa li ngħixu[3] tissawwar ta’ kuljum mis-saħħa li ġġedded tal-ħniena. Ejjew ma nillimitawx l-azzjoni tal-ħniena; ma nnikktux l-Ispirtu li jurina dejjem toroq ġodda li għandna nimxu minnhom sabiex inwasslu lil kulħadd l-Evanġelju li jsalva.

 

L-ewwel nett aħna msejħa niċċelebraw il-ħniena. X’għana kbira hu preżenti fit-talba tal-Knisja meta din issejjaħ lil Alla bħala l-Missier ħanin! Fil-liturġija, il-ħniena mhux biss hija mitluba ripetutament, iżda wieħed tassew jirċeviha u jgħixha. Mill-bidu sal-aħħar taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, il-ħniena tidher kemm-il darba fid-djalogu bejn l-assemblea li tinsab titlob u l-qalb tal-Missier, li tifraħ meta tkun tista’ tferrex l-imħabba ħanina tagħha. Wara t-talba għall-maħfra tal-bidu fl-invokazzjoni “Mulej, ħniena”, mill-ewwel tingħatalna ċ-ċertezza li “Alla li jista’ kollox ikollu ħniena minna, jaħfrilna dnubietna u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem”. Huwa b’din il-fiduċja li l-komunità tiltaqa’ fil-preżenza tal-Mulej, partikularment fil-jum qaddis tal-qawmien. Ħafna talbiet tal-“kolletti” jridu jfakkruna fid-don kbir tal-ħniena. Ngħidu aħna, fi żmien ir-Randan nitolbu billi ngħidu: “O Alla, kull ħniena u tjieba ġejja minnek; inti wrejtna illi s-sawm u t-talb u l-għoti ta’ karità lill-foqra jagħtuna l-qawwa kontra d-dnub; ħares, fit-tjieba tiegħek, lejn din l-istqarrija umli ta’ ħtijietna, biex aħna, li l-kuxjenza tagħna ttaqqalna, ikollna dejjem l-għajnuna tal-ħniena tiegħek”.[4] Imbagħad niġu mgħaddsa fil-kbira Talba Ewkaristika bil-Prefazju li jipproklama: “Fil-ħniena tiegħek, hekk ħabbejt id-dinja, li bgħattilna lil Ibnek il-waħdieni biex jifdina, u ridtu jsir bniedem, bħalna f’kollox, minbarra d-dnub”.[5] Barra dan, ir-Raba’ Talba Ewkaristika hija innu lill-ħniena ta’ Alla: Ħennejt u waqaft ma’ kulħadd, biex kull min ifittxek isibek”. “Ħenn għalina lkoll, nitolbuk”,[6] hija t-talba li s-saċerdot jagħmel b’insistenza fit-Talba Ewkaristika sabiex jitkarrab sehem fil-ħajja ta’ dejjem. Wara l-Missierna, is-saċerdot ikompli t-talba billi jsejjaħ għall-paċi u l-ħelsien mid-dnub “fit-tjieba u l-ħniena tiegħek”. U qabel is-sinjal tal-paċi, mogħti bħala espressjoni ta’ fratellanza u mħabba reċiproka fid-dawl tal-maħfra li ġiet mogħtija, huwa jerġa jitlob: “Tħarisx lejn dnubietna, iżda ħares lejn il-fidi tal-Knisja tiegħek”.[7] Permezz ta’ dan il-kliem, b’fiduċja umli nitolbu r-rigal tal-għaqda u tal-paċi għal Ommna Mqaddsa l-Knisja. Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħniena divina tilħaq il-milja tagħha fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku, memorjal tal-misteru tal-Għid ta’ Kristu, li minnu toħroġ is-salvazzjoni għal kull bniedem, għall-istorja u għad-dinja kollha. Fi kliem ieħor, kull mument taċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika jagħmel riferiment għall-ħniena ta’ Alla.

 

Fil-ħajja sagramentali kollha l-ħniena tiġi mogħtija lilna b’abbundanza. Tassew jagħmel sens li l-Knisja riedet b’mod espliċitu tagħmel riferiment għall-ħniena fil-formola taż-żewġ sagramenti msejħa “tal-fejqan”, jiġifieri, ir-Rikonċiljazzjoni u d-Dilka tal-Morda. Il-formola tal-assoluzzjoni tgħid: “Alla, Missier il-ħniena, bil-mewt u l-qawmien ta’ Ibnu għall-ħajja, ħabbeb mill-ġdid id-dinja miegħu, u sawwab fuqna l-Ispirtu qaddis tiegħu għall-maħfra tad-dnubiet. Hu, bil-ministeru tal-Knisja, jaħfirlek u jagħtik is-sliem”[8], u dik tad-Dilka tgħid: “B’din id-Dilka mqaddsa, u għat-tjieba u l-ħniena kbira tiegħu, jieqaf miegħek il-Mulej bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu”.[9] Għaldaqstant, fit-talba tal-Knisja r-referenzi għall-ħniena, ’il bogħod milli huma biss ta’ eżortazzjoni, huma tassew performattivi, jiġifieri li waqt li aħna nitolbu l-ħniena bil-fidi, din tiġi mogħtija lilna; meta nagħrfuha bħala ħajja u vera, tittrasformana verament. Dan huwa kontenut fundamentali fil-fidi tagħna, li jeħtieġ li nikkonservaw fl-oriġinalità kollha tiegħu: qabel ir-rivelazzjoni tad-dnub, għanda r-rivelazzjoni tal-imħabba li biha Alla ħalaq id-dinja u l-bniedem. L-imħabba hija l-ewwel att li bih Alla juri lilu nnifsu u jiġi jiltaqa’ magħna. Għalhekk, ejjew inżommu qalbna miftuħa għall-fiduċja li aħna maħbuba minn Alla. L-imħabba tiegħu dejjem tiġi qabilna, takkumpanjana u tibqa’ ħdejna minkejja d-dnub tagħna.

 

6. F’dan il-kuntest, għandu sinifikat partikolari wkoll is-Smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Kull nhar ta’ Ħadd, il-Kelma ta’ Alla tiġi pproklamata fil-komunità Nisranija sabiex Jum il-Mulej ikun imdawwal mid-dawl li joħroġ mill-misteru tal-Għid.[10] Fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika qisna nassistu għal djalogu veru bejn Alla u l-poplu tiegħu. Fil-fatt, fil-proklamazzjoni tal-Qari mill-Bibbja, wieħed jgħaddi mill-istorja tas-salvazzjoni tagħna permezz tal-opra bla waqfien ta’ ħniena li tiġi mħabbra. Alla għadu jitkellem magħna llum ukoll bħalma wieħed jagħmel mal-ħbieb, huwa “jgħammar” magħna[11] sabiex jagħtina b’rigal il-kumpanija tiegħu u jurina l-mogħdija tal-ħajja. Il-Kelma tiegħu hija tweġiba għat-talbiet u l-inkwiet tagħna u tagħtina risposta għammiela – fekonda, għaliex fiha nistgħu nesperimentaw b’mod konkret li huwa jinsab qrib tagħna. X’importanza tikseb l-omelija, hemmhekk fejn “il-verità timxi id f’id mal-ġmiel u mat-tjubija”,[12] biex iċċaqlaq il-qalb ta’ dawk li jemmnu quddiem il-kobor tal-ħniena! Jiena ninkoraġġixxi ħafna l-preparazzjoni sewwa tal-omelija u l-kura tal-predikazzjoni. Din tagħti l-aktar frott, kemm-il darba s-saċerdot ikun daq hu stess fuqu nnifsu t-tjieba ħanina tal-Mulej. Li wieħed jikkomunika ċ-ċertezza li Alla jħobbna mhuwiex xi eżerċizzju retoriku, iżda kundizzjoni ta’ kredibbiltà tas-saċerdozju stess. Għalhekk, li wieħed jgħix hu stess il-ħniena hija t-triq għalliema li twassalna biex tassew nagħmlu minnha tħabbira ta’ konsolazzjoni u ta’ konverżjoni fil-ħajja pastorali. L-omelija, kif ukoll il-katekeżi, għandhom bżonn li jkunu sostnuti dejjem minn din il-qalb tħabbat tal-ħajja Nisranija.

 

7. Il-Bibbja hija r-rakkont il-kbir tal-meravilji tal-ħniena ta’ Alla. Kull paġna hija mimlija bl-imħabba tal-Missier li sa mill-ħolqien ried jimmarka fl-univers is-sinjali tal-imħabba tiegħu. L-Ispirtu s-Santu, permezz tal-kliem tal-profeti u l-kotba tal-għerf, sawwar l-istorja ta’ Iżrael fl-għarfien tat-tenerezza ta’ Alla li baqa’ dejjem qrib, minkejja li l-poplu ma kienx fidil. Il-ħajja ta’ Ġesù u l-predikazzjoni tiegħu jimmarkaw b’mod determinanti l-istorja tal-komunità Nisranija, li fehmet il-missjoni proprja tagħha bbażata fuq il-mandat ta’ Kristu li tkun strument dejjiemi tal-ħniena tiegħu u tal-maħfra tiegħu (ara Ġw 20:23). Permezz tal-Iskrittura Mqaddsa, miżmuma ħajja mill-fidi tal-Knisja, il-Mulej ikompli jitkellem mal-Għarusa tiegħu u juriha l-mogħdijiet li għandha tgħaddi minnhom, sabiex l-Evanġelju tas-salvazzjoni jasal għand kulħadd. Hija xewqa kbira tiegħi li l-Kelma ta’ Alla tkun dejjem aktar iċċelebrata, magħrufa u mxerrda, sabiex permezz tagħha jkun hawn għarfien aħjar tal-misteru ta’ mħabba li joħroġ minn dik l-għajn tal-ħniena. Dan ifakkarhulna b’mod ċar l-Appostlu: “L-Iskrittura kollha, imnebbħa minn Alla, tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa” (2 Tim 3:16).

 

Ikun tajjeb li kull komunità, f’wieħed mill-Ħdud tas-Sena liturġika, tkun tista’ ġġedded l-impenn tagħna għat-tixrid, l-għarfien u l-approfondiment tal-Iskrittura Mqaddsa: Ħadd sħiħ iddedikat kollu kemm hu għall-Kelma ta’ Alla, sabiex wieħed jagħraf l-għana bla qies li jiġi minn dak id-djalogu kontinwu ta’ bejn Alla u l-poplu tiegħu. Żgur li mhux ser tonqos il-kreattività sabiex jingħata aktar valur lil dan il-mument b’inizjattivi li jistimulaw lil dawk li jemmnu biex ikunu huma stess strumenti ħajja li jittrasmettu l-Kelma. Ċertament, fost dawn l-inizjattivi wieħed isib it-tixrid dejjem aktar tal-lectio divina, sabiex, fil-qari tal-Kotba Mqaddsa fi spirtu ta’ talb, il-ħajja spiritwali tkun tista’ tissaħħaħ u tikber. Il-lectio divina fuq temi marbuta mal-ħniena ser twassalna biex immissu b’idejna l-fekondità li tiġi mill-Kotba Mqaddsa, moqrija fid-dawl tat-tradizzjoni spiritwali kollha tal-Knisja, li bilfors tissarraf f’ġesti u għemejjel konkreti ta’ karità.[13]

 

8. Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħniena ssir b’mod tassew partikolari permezz tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Huwa dan il-mument li fih inħossu t-tgħanniqa tal-Missier li jiġi jiltaqa’ magħna sabiex iroddilna lura l-grazzja li nkunu wliedu mill-ġdid. Aħna midinbin u nġorru magħna l-piż tal-kontradizzjoni bejn dak li nixtiequ nagħmlu u dak li fil-verità nispiċċaw nagħmlu (ara Rum 7:14-21); minkejja kollox, il-grazzja dejjem tiġi qabilna, u għandha l-wiċċ tal-ħniena li ssir effikaċi fir-rikonċiljazzjoni u fil-maħfra. Alla jgħarraf l-imħabba immensa tiegħu proprju quddiem il-fatt li aħna midinbin. Il-grazzja hija aktar qawwija, u tegħleb kull reżistenza possibbli, għaliex l-imħabba tirbaħ kollox (ara 1 Kor 13:7).

 

Fis-Sagrament tal-Maħfra, Alla juri t-triq tal-konverżjoni lejh, u jistedinna biex mill-ġdid nesperimentaw li huwa qrib tagħna. Hija maħfra li tista’ tinkiseb billi, l-ewwel nett, wieħed jgħix il-karità. Dan ifakkarhulna wkoll l-Appostlu Pietru meta jikteb li “l-Imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet” (1 Pt 4:8). Huwa Alla biss li jaħfer id-dnubiet, iżda lilna wkoll jitlobna li nkunu lesti nuru maħfra lejn l-oħrajn, bl-istess mod li hu jaħfer id-dnubiet tagħna: “Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Kemm diqa meta aħna nibqgħu magħluqa fina nfusna u ma nkunux kapaċi naħfru! Jieħdu r-riħ ir-riżentiment, ir-rabja, il-vendetta, jagħmlulna ħajja ta’ dwejjaq u jxejnu l-impenn ferrieħi għall-ħniena.

 

9. Waħda mill-esperjenzi ta’ grazzja li l-Knisja għexet b’mod tant effikaċi fis-Sena Ġubilari kien ċertament is-servizz tal-Missjunarji tal-Ħniena. L-azzjoni pastorali tagħhom riedet turi li Alla ma jpoġġi l-ebda konfini għal dawk li jfittxuh b’qalb niedma, għaliex huwa jmur ifittex li jiltaqa’ ma’ kulħadd bħala Missier. Jiena rċevejt ħafna esperjenzi  ta’ ferħ li ġew mil-laqgħa mġedda mal-Mulej fis-Sagrament tal-Qrar. Ejjew ma nitilfux l-opportunità li ngħixu l-fidi wkoll bħala esperjenza ta’ rikonċiljazzjoni. “Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu” (2 Kor 5:20) hija l-istedina li sal-lum il-ġurnata l-Appostlu jagħmlilna sabiex kull min jemmen jiskopri l-qawwa tal-imħabba li tagħmlu “ħolqien ġdid” (2 Kor 5:17).

 

Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn kull Missjunarju tal-Ħniena għal dan is-servizz prezzjuż offrut sabiex issir effikaċi l-grazzja tal-maħfra. Dan il-ministeru straordinarju, minkejja kollox, ma jispiċċax bl-għeluq tal-Bieb Qaddis. Nixtieq, fil-fatt, li jibqa’ għaddej, sakemm ikun hemm dispożizzjoni oħra, bħala sinjal konkret li l-grazzja tal-Ġublew tkompli tkun, fil-partijiet differenti tad-dinja, ħajja u effikaċi. Il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida ser jieħu ħsieb li f’dan iż-żmien isegwi lill-Missjunarji tal-Ħniena, bħala espressjoni diretta tal-premura u l-viċinanza tiegħi, u li jsib il-forom l-aktar adatti biex ikun jista’ jiġi eżerċitat dan il-ministeru tant prezzjuż.

 

10. Lis-saċerdoti nistedinhom mill-ġdid jippreparaw ruħhom sewwa ħafna għall-ministeru tal-Qrar, li huwa tassew missjoni saċerdotali. Nirringrazzjakom minn qalbi għas-servizz tagħkom u nitlobkom li tkunu akkoljenti ma’ kulħadd; xhieda tat-tenerezza paterna minkejja l-gravità tad-dnub; attenti sabiex tgħinu lil dak li jkun jirrifletti fuq il-ħażen li jkun għamel; ċari meta tippreżentaw il-prinċipji morali; disponibbli biex takkumpanjaw il-fidili fil-mixja penitenzjali, filwaqt li bil-paċenzja żżommu mal-pass tagħhom; tħarsu fil-bogħod fid-dixxerniment ta’ kull każ individwali; ġenerużi f’li tqassmu l-maħfra ta’ Alla. Bħalma Ġesù quddiem il-mara adultera għażel li jibqa’ fis-silenzju sabiex isalvaha mill-kundanna għall-mewt, bl-istess mod is-saċerdot fil-konfessjonarju għandu jkollu qalbu miftuħa, konxju li kull penitent qiegħed ifakkru fl-istess kundizzjoni personali tiegħu nnifsu: midneb, iżda ministru tal-ħniena.

 

11. Nixtieq li aħna lkoll nimmeditaw il-kliem tal-Appostlu, li huwa kiteb lejn l-aħħar ta’ ħajtu, meta jistqarr ma’ Timotju li huwa kien l-ewwel wieħed fost il-midinbin, “iżda jien minħabba f’hekk sibt il-ħniena” (1 Tim 1:16). Il-kliem tiegħu għandu qawwa tassew kbira li trid tipprovokana biex anki aħna nirriflettu dwar l-eżistenza tagħna u naraw il-ħniena ta’ Alla qiegħda taħdem biex tbiddel, tikkonverti u tittrasforma lil qalbna: “Niżżi ħajr lil Kristu Ġesù Sidna, li tani l-qawwa għal dan ix-xogħol u li deherlu li kienet tistħoqqli l-fiduċja tiegħu u għamilni ministru tiegħu, lili li qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi tiegħu. Iżda sibt il-ħniena” (1 Tim 1:12-13).

 

Għalhekk, niftakru b’passjoni pastorali dejjem imħeġġa fi kliem l-Appostlu: “Alla ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla” (2 Kor 5:18). Aħna konna tal-ewwel li ġejna maħfura b’risq dan il-ministeru; magħmula xhieda b’esperjenza personali tal-universalità tal-maħfra. M’hemm l-ebda liġi jew preċett li jistgħu jkunu ta’ impediment għal Alla biex jerġa’ jgħannaq miegħu lill-iben li jmur lura għandu waqt li jagħraf li żbalja, imma determinat li jibda mill-ġdid. Li wieħed jieqaf biss mal-liġi jfisser li l-fidi u l-ħniena divina jisfaw fix-xejn. Fil-liġi nsibu valur propedewtiku (ara Gal 3:24) li jrid iwassal għall-karità (ara 1 Tim 1:5). Minkejja dan, in-Nisrani huwa msejjaħ li jgħix in-novità tal-Evanġelju: “il-liġi tal-Ispirtu, li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù” (Rum 8:2). Anki fil-każijiet l-aktar ikkumplikati, fejn it-tentazzjoni tkun li wieħed jagħmel ġustizzja bbażata biss fuq in-normi, wieħed għandu jemmen fil-qawwa li tiġi mill-grazzja divina.

 

Aħna l-konfessuri għandna esperjenza ta’ ħafna konverżjonijiet li jseħħu quddiem għajnejna. Inħossu, għalhekk, ir-responsabbiltà ta’ ġesti u kliem li jistgħu jaslu fil-fond tal-qalb tal-penitent, sabiex jiskopri kemm il-Missier li jaħfer qiegħed qrib tiegħu u jħobbu. Ejjew ma nġibux fix-xejn dawn il-mumenti bi mġiba li tista’ tikkontradixxi l-esperjenza tal-ħniena li wieħed ikun qed ifittex. Pjuttost, għandna ngħinu sabiex l-ispazju tal-kuxjenza personali jiġi mdawwal mill-imħabba bla qies ta’ Alla (ara 1 Ġw 3:20).

 

Is-Sagrament tar-Rikonċiljazjoni għandu bżonn li jerġa’ jsib il-post ċentrali tiegħu fil-ħajja Nisranija; għalhekk jinħtieġu saċerdoti li jpoġġu ħajjithom għas-servizz tal-“ministeru tar-rikonċiljazzjoni” (2 Kor 5:18) b’tali mod li, filwaqt li ħadd li huwa sinċerament niedem ma jkun imċaħħad milli jersaq lejn l-imħabba tal-Missier li qiegħed jistennieh jiġi lura, tkun offruta lil kulħadd il-possibbiltà li jesperimenta l-qawwa tal-ħelsien li tiġi mill-maħfra.

 

Waħda mill-okkażjonijiet favorevoli għal dan tista’ tkun iċ-ċelebrazzjoni tal-inizjattiva 24 siegħa għall-Mulej f’ġurnata qrib ir-IV Ħadd tar-Randan, li diġà sabet kunsens tajjeb fid-Djoċesijiet u li tibqa’ għajta pastorali qawwija biex wieħed jgħix intensament is-Sagrament tal-Qrar.

 

12. Imbuttati minn din il-ħtieġa, sabiex l-ebda ostaklu ma jiġi fin-nofs bejn it-talba għar-rikonċiljazzjoni u l-maħfra ta’ Alla, nikkonċedi minn issa lis-saċerdoti kollha, bis-saħħa tal-ministeru tagħhom, il-fakultà li jassolvu lil dawk li dinbu għax għamlu abort. Dak li kont ikkonċedejt b’mod limitat għall-perjodu tal-Ġublew[14] issa qiegħed jiġi estiż fiż-żmien, minkejja kull ħaġa oħra kuntrarja. Nixtieq nerġa’ nsostni bis-saħħa kollha li l-abort huwa dnub gravi, għaliex itemm ħajja innoċenti. Bl-istess qawwa, madankollu, nista’ u għandi nafferma li ma jeżisti l-ebda dnub li ma jistax jintlaħaq u jiġi meqrud mill-ħniena ta’ Alla meta din issib qalb niedma li titlob rikonċiljazzjoni mal-Missier. Kull saċerdot, għalhekk, għandu jkun gwida, sostenn u faraġ fl-akkumpanjament tal-penitenti f’din il-mixja ta’ rikonċiljazzjoni speċjali.

 

Fis-Sena tal-Ġublew kont ikkonċedejt lill-fidili li għal raġunijiet diversi jiffrekwentaw il-knejjes imwaqqfa minn saċerdoti tal-Fraternità ta’ San Piu X li jirċievu b’mod validu u leċitu l-assoluzzjoni sagramentali ta’ dnubiethom.[15] Għall-ġid pastorali ta’ dawn il-fidili, filwaqt li nafda fir-rieda tajba tas-saċerdoti tagħhom li, bl-għajnuna ta’ Alla, ikunu jistgħu jerġgħu jiksbu l-komunjoni sħiħa fil-Knisja Kattolika, nistabbilixxi b’deċiżjoni proprja tiegħi li din il-fakultà tiġi estiża għal wara l-perjodu ġubilari, sakemm ikun hemm dispożizzjoni oħra fir-rigward, sabiex ħadd ma jkun nieqes mis-sinjal sagramentali tar-rikonċiljazzjoni permezz tal-maħfra tal-Knisja.

 

13. Il-ħniena għandha wkoll il-wiċċ tal-konsolazzjoni. “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi” (Is 40:1) huwa l-kliem imqanqal li l-profeta jsemma’ anki llum, sabiex tkun tista’ tasal lil dawk li jinsabu fis-sofferenza u fit-tbatija kelma ta’ tama. Ejjew ma nħallux li qatt tinsterqilna t-tama li ġejja mill-fidi fil-Mulej irxuxtat. Huwa minnu li ta’ spiss ngħaddu minn provi diffiċli, iżda f’dan kollu qatt m’għandha tonqosna ċ-ċertezza li l-Mulej iħobbna. Il-ħniena tiegħu tesprimi ruħha fil-fatt li hu jinsab qrib tagħna, fl-affett u fl-appoġġ li tant aħwa jistgħu joffru meta jiġu l-ġranet tan-niket u tat-tbatija. Li wieħed jixxotta d-dmugħ huwa mod konkret ta’ kif wieħed ikisser iċ-ċirku ta’ solitudni li ta’ sikwit ningħalqu fih.

 

Ilkoll kemm aħna għandna bżonn ta’ faraġ għaliex ħadd minna ma huwa meħlus mis-sofferenza, mit-tbatija u min-nuqqas ta’ ftehim. Kemm tbatija tista’ tikkawża kelma kattiva, frott l-għira, il-kilba u r-rabja. Kemm tikkawża tbatija l-esperjenza ta’ tradiment, tal-vjolenza u tal-abbandun; kemm qrusa quddiem il-mewt ta’ persuni għeżież! Minkejja dan, Alla m’hu qatt ’il bogħod meta ngħixu dawn l-istejjer traġiċi. Kelma li tagħmillek il-qalb, tgħanniqa li ġġiegħlek tħossok mifhum, ġest li jġiegħlek tħoss l-imħabba, talba li twasslek tkun aktar b’saħħtek… huma kollha espressjonijiet ta’ kif Alla huwa qrib fil-faraġ offrut mill-aħwa.

 

Xi drabi, anki s-silenzju jista’ jkun ta’ għajnuna kbira; għax kultant m’hemmx kliem li jista’ jagħti risposta għall-mistoqsijiet ta’ min ikun qed ibati. Madankollu, fin-nuqqas tal-kelma, jista’ jiġi pprovdut il-faraġ ta’ min huwa preżenti, qrib, iħobb u jnewwel idu. Mhuwiex minnu li s-silenzju huwa att ta’ ċediment, iżda bil-kontra, huwa mument ta’ qawwa u ta’ mħabba. Anki s-silenzju huwa parti mil-lingwaġġ tagħna li nużaw biex nikkunslaw għaliex dan jinbidel f’opra konkreta ta’ kondiviżjoni u parteċipazzjoni fis-sofferenza ta’ ħuk.

 

14. F’mument partikulari bħal dak tagħna, li f’nofs tant kriżijiet għandu wkoll dik tal-familja, huwa importanti li tasal kelma ta’ saħħa u li tfarraġ lill-familji tagħna. Ir-rigal taż-żwieġ huwa vokazzjoni kbira li għaliha, bil-grazzja ta’ Alla, wieħed irid iwieġeb fl-imħabba ġeneruża, fidila u paċenzjuża. Il-ġmiel tal-familja jibqa’ bla mittiefes, minkejja tant swidija u proposti alternattivi: “Il-ferħ tal-imħabba li jingħex fil-familji huwa wkoll il-ferħ tal-Knisja”.[16] Il-mogħdija tal-ħajja li twassal sabiex raġel u mara jiltaqgħu, jinħabbu, u quddiem Alla jwiegħdu fedeltà għal dejjem, hija spiss interrotta minn tbatija, tradiment u solitudni. Il ferħ għad-don tat-tfal mhuwiex ħieles mill-inkwiet tal-ġenituri dwar it-trobbija u l-formazzjoni tagħhom, dwar futur denju li jingħex b’mod intensiv.

 

Il-grazzja tas-Sagrament taż-Żwieġ mhux biss tagħti s-saħħa lill-familja sabiex din tkun post ipprivileġġjat fejn tista’ tingħex il-ħniena, iżda timpenja lill-komunità Nisranija, u l-azzjoni pastorali kollha, sabiex jinkixef il-valur kbir pro-pożittiv tal-familja. Din is-Sena Ġubilari, madankollu, ma tistax taljenana mill-kumplessità tar-realtà familjari attwali. L-esperjenza tal-ħniena tagħmilna kapaċi nħarsu lejn id-diffikultajiet kollha umani bl-istess atteġġjament tal-imħabba ta’ Alla, li ma jegħja qatt jilqa’ u jakkumpanja.[17]

 

Ma nistgħux ninsew li kull wieħed u waħda minna jġorr miegħu l-għana u l-piż tal-istorja tiegħu, li tagħmlu differenti minn kull persuna oħra. Il-ħajja tagħna, bil-mumenti ta’ ferħ u bit-tbatijiet tagħha, hija xi ħaġa unika u irripetibbli, li tgħaddi taħt il-ħarsa ta’ ħniena ta’ Alla. Dan jitlob, speċjalment min-naħa tas-saċerdot, dixxerniment spiritwali attent, profond u li jħares fit-tul sabiex, ikun min ikun, ħadd eskluż, f’kull sitwazzjoni tal-ħajja, jista’ jħossu milqugħ minn Alla b’mod konkret, jista’ jipparteċipa b’mod attiv fil-ħajja tal-komunità u jiġi mdaħħal f’dak il-Poplu ta’ Alla li, mingħajr ma jegħja, jimxi lejn il-milja tas-saltna ta’ Alla, saltna ta’ ġustizzja, imħabba, maħfra u ħniena.

 

15. Naraw ukoll l-importanza tal-mument tal-mewt. Il-Knisja dejjem għexet dan il-passaġġ drammatiku fid-dawl tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu, li fetaħ it-triq għaċ-ċertezza tal-ħajja futura. Għandna sfida kbira quddiema, speċjalment fil-kultura kontemporanja li ta’ sikwit tfittex li tibbanalizza l-mewt sabiex tagħmilha sempliċiment finzjoni, jew tipprova taħbiha. Iżda l-mewt għanda tkun affrontata u mħejjija bħala passaġġ ta’ tbatija u li ma tistax taħrab minnu iżda li għandu tifsira qawwija: dik tal-att kbir ta’ mħabba lejn il-persuni li jħalluna u lejn Alla li għandu aħna sejrin. Fir-reliġjonijiet kollha l-mument tal-mewt, bħal dak tat-twelid, huwa akkumpanjat minn preżenza reliġjuża. Aħna ngħixu l-esperjenza tal-funeral bħala talba mimlija tama għar-ruħ tal-mejjet u sabiex noffru faraġ lil dawk kollha li jbatu minħabba l-firda mill-persuna li jħobbu.

 

Ninsab konvint li għandna bżonn li l-azzjoni pastorali animata minn fidi ħajja twassal għal esperjenza diretta ta’ kif is-sinjali liturġiċi u t-talb tagħna jkunu espressjoni tal-ħniena tal-Mulej. Huwa hu stess li joffrilna kliem ta’ tama, għaliex xejn u ħadd ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba tiegħu (ara Rum 8:35). Li s-saċerdot jaqsam dan il-mument huwa akkumpanjament importanti, għaliex joffri ċ-ċans li wieħed jgħix qrib tal-komunità Nisranija fil-mument tad-dgħufija, is-solitudni, l-inċertezza u l-biki.

 

16. Hekk jispiċċa l-Ġublew u jingħalaq il-Bieb Qaddis. Iżda l-bieb tal-ħniena tal-qalb tagħna jibqa’ dejjem miftuħ beraħ. Jgħallimna li Alla jmil fuqna (ara Hos 11:4) sabiex aħna wkoll inkunu nistgħu nimitawh billi mmilu fuq l-aħwa. In-nostalġija ta’ ħafna biex jerġgħu lura fid-dar tal-Missier, li jistenna l-miġja tagħhom, hija wkoll imqanqla minn xhieda sinċiera u ġeneruża tat-tenerezza divina. Il-Bieb Qaddis li għaddejna minnu f’din is-Sena Ġubilari poġġiena fit-triq tal-karità li aħna msejħa ngħaddu minnha kuljum b’fedeltà u ferħ. Hija t-triq tal-ħniena li tippermettilna niltaqgħu ma’ tant aħwa li joħorġu jdejhom sabiex xi ħadd ikun jista’ jaqbadha biex jimxi magħhom.

 

Li nkunu qrib ta’ Kristu jitlob minna li nkunu qrib tal-aħwa, għaliex xejn aktar ma jogħġob lill-Missier minn sinjal konkret ta’ ħniena. Fin-natura tagħha stess, il-ħniena issir viżibbli u tanġibbli f’azzjoni konkreta u dinamika. Ladarba wieħed ikun għexha fil-verità tagħha, ma jerġa’ qatt lura: tikber kontinwament u tittrasforma l-ħajja. Huwa tassew ħolqien ġdid awtentiku li joħloq qalb ġdida, kapaċi li tħobb b’mod sħiħ, u jaffi l-għajnejn sabiex jagħrfu l-bżonnijiet l-aktar moħbija. Kemm huwa veru l-kliem li bih il-Knisja titlob fil-Velja tal-Għid, wara l-qari tar-rakkont tal-ħolqien: “O Alla, int b’għaġeb kbir ħlaqt il-bniedem, u b’għaġeb wisq akbar fdejtu”.[18]

 

Il-ħniena ġġedded u tifdi, għaliex hija laqgħa bejn żewġt iqlub: dik ta’ Alla li jiġi jiltaqa’ ma’ dik tal-bniedem. Din tal-aħħar terġa’ tisħon u tal-ewwel jagħtiha s-saħħa mill-ġdid: il-qalb tal-ġebel tiġi mibdula f’qalb tal-laħam (ara Eżek 36:26), kapaċi tħobb minkejja d-dnub tagħha. Hawnhekk jinħass li dan huwa tassew “ħolqien ġdid” (ara Gal 6:15): jiena maħbub, allura neżisti; jiena maħfur, u b’hekk nista’ nerġa’ nitwieled għal ħajja ġdida; “rajt il-ħniena”, u b’hekk insir strument ta’ ħniena.

 

17. Matul is-Sena Mqaddsa, speċjalment fil-“Ġimgħat tal-ħniena”, stajt immiss b’idi stess kemm jeżisti tajjeb fid-dinja. Ħafna drabi dan mhux magħruf għaliex iseħħ kuljum b’mod diskret u fil-kwiet. Anki jekk dawn ma jinstemgħux fl-aħbarijiet, jeżistu ħafna sinjali konkreti ta’ tjieba u ta’ tenerezza lejn l-iżgħar u l-aktar persuni indifiżi, lejn dawk li huma l-aktar weħidhom u abbandunati. Jeżistu tassew protagonisti tal-karità li permezz tagħhom ma tonqosx is-solidarjetà ma’ min huwa l-aktar fqir u mdejjaq. Nirringrazzjaw lill-Mulej għal dawn id-doni prezzjużi li jistednuna niskopru l-ferħ f’li tkun proxxmu quddiem id-dgħufija tal-umanità feruta. Bi gratitudni niftakar f’tant voluntiera li ta’ kuljum jiddedikaw il-ħin tagħhom biex jimmanifestaw il-preżenza ta’ Alla li jagħmel lilu nnifsu viċin permezz tad-dedikazzjoni tagħhom. Is-servizz tagħhom huwa opra ġenwina ta’ ħniena, li tgħin lil ħafna nies jersqu lejn il-Knisja.

 

18. Huwa l-mument li fih nagħtu spazju lill-fantasija tal-ħniena sabiex tingħata l-ħajja lil ħafna opri ġodda, frott tal-grazzja. Il-Knisja għandha bżonn tirrakkonta llum dawk “il-ħafna sinjali oħra” li Ġesù għamel u li “ma ġewx miktuba” (Ġw 20:30), sabiex ikunu sinjal elokwenti tal-fekondità tal-imħabba ta’ Kristu u tal-komunità li tgħix bih. Għaddew aktar minn elfejn sena, iżda l-opri tal-ħniena jkomplu jagħmlu viżibbli t-tjieba ta’ Alla.

 

Sal-lum il-ġurnata popolazzjonijiet sħaħ ibatu l-ġuħ u l-għatx, u kemm tħassib iqajmu l-istampi ta’ tfal li m’għandhom xejn x’jieklu. Mases ta’ nies qed ikomplu jimmigraw minn pajjiż għall-ieħor biex ifittxu ikel, xorb, dar u paċi. Il-mard, fil-forom varji tiegħu, huwa raġuni dejjiema ta’ tbatija li titlob għajnuna, faraġ u appoġġ. Il-ħabsijiet huma postijiet fejn bosta drabi, mal-piena ta’ restrizzjoni, jiżdiedu wkoll skumditajiet li xi darba huma gravi, ġejjin minn kundizzjonijiet ta’ ħajja diżumana. L-illitteriżmu għadu mifrux ħafna u jwassal sabiex it-tfal ma jkunux jistgħu jiffurmaw ruħhom, filwaqt li jesponihom għal forom ġodda ta’ skjavitù. Il-kultura tal-individwaliżmu eżasperat, partikolarment fil-Punent, twassal sabiex jintilef is-sens ta’ solidarjetà u ta’ responsabbiltà lejn l-oħrajn. Alla nnifsu jibqa’ llum mhux magħruf għal ħafna; dan jirrappreżenta l-akbar faqar u l-akbar ostaklu għall-għarfien tad-dinjità invjolabbli tal-ħajja umana.

 

Mela, l-opri tal-ħniena tal-ġisem u dawk spiritwali jikkostitwixxu sal-lum il-ġurnata l-prova tal-influwenza kbira u pożittiva li l-ħniena għandha bħala valur soċjali. Din fil-fatt timbotta sabiex inxammru l-kmiem ħalli tingħata lura d-dinjità lil miljuni ta’ nies li huma ħutna, imsejħa magħna biex jibnu “belt affidabbli”.[19]

 

19. Ħafna huma s-sinjali konkreti ta’ ħniena li twettqu matul din is-Sena Mqaddsa. Komunitajiet, familji u individwi li jemmnu skoprew mill-ġdid il-ferħ li jaqsmu bejniethom u l-ġmiel tas-solidarjetà. Biss dan mhuwiex biżżejjed. Id-dinja tkompli toħloq forom ġodda ta’ faqar spiritwali u materjali li jheddu d-dinjità tal-bnedmin. Huwa għalhekk li l-Knisja għandha dejjem tgħasses u tkun lesta biex tidentifika opri ġodda ta’ ħniena u twettaqhom b’ġenerożità u entużjażmu.

 

Għaldaqstant, ejjew nagħmlu kull sforz sabiex nagħtu forom konkreti lill-karità u fl-istess ħin intelliġenza lill-opri tal-ħniena. Il-ħniena għandha fiha azzjoni inklusiva, u għalhekk tfittex li tinfirex mingħajr ebda limiti. U f’dan is-sens aħna msejħa nagħtu wiċċ ġdid lill-opri tal-ħniena li ilna nafu minn dejjem. Il-ħniena, fil-fatt, teċċedi; tmur dejjem lil hinn, hija għammiela. Hija bħall-ħmira li tella’ l-għaġna (ara Mt 13:33) u bħal żerriegħa tal-mustarda li ssir siġra (ara Lq 13:19).

 

Naħsbu ftit, ngħidu aħna, fl-opra ta’ ħniena tal-ġisem libbes lil min hu għarwien (ara Mt 25:36,38,43,44). Din teħodna lura lejn il-bidu, fil-ġnien tal-Għeden, meta Adam u Eva skoprew li kienu għarwiena u, meta ħassew lil Mulej riesaq fil-qrib, stħaw u nħbew (ara Ġen 3:7-8). Nafu li l-Mulej ikkastighom; minkejja kollox, huwa “għamel lil Adam u ’l martu ħwejjeġ tal-ġild u libbishomlhom” (Ġen 3:21). Il-mistħija tingħeleb u tintradd lura d-dinjità.

 

Niffissaw il-ħarsa tagħna wkoll fuq Ġesù fuq il-Golgota. L-Iben ta’ Alla fuq is-salib jinsab għarwien; it-tunika tiegħu ġiet imtellgħa bix-xorti u meħuda mis-suldati (ara Ġw 19:23-24); huwa ma fadallu xejn. Fuq is-salib jirrivela ruħu b’mod estrem il-mod kif Ġesù jitwaħħad ma’ dawk li tilfu d-dinjità tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ dak li huwa neċessarju fil-ħajja. Bl-istess mod li l-Knisja hija msejħa tkun “it-tunika ta’ Kristu”[20] sabiex tlibbes mill-ġdid lill-Mulej tagħha, hekk ukoll hija impenjata biex tkun solidali mal-għarwenin tal-art sabiex jerġgħu jiksbu d-dinjità li ġew imneżżgħa minnha. Għalhekk, “(kont) għeri u libbistuni” (Mt 25:36), tobbligana sabiex ma ndawrux wiċċna quddiem il-forom ġodda ta’ faqar u ta’ marġinalizzazzjoni li jipprevienu lill-bnedmin milli jgħixu b’dinjità.

 

Li ma jkollokx xogħol u li ma tirċevix paga ġusta; li ma jkunx jista’ jkollok dar jew art fejn tgħix, li tiġi ddiskriminat minħabba l-fidi, ir-razza, l-istat soċjali…: dawn u ħafna oħra huma kundizzjonijiet li jheddu d-dinjità tal-persuna, li quddiemhom l-azzjoni ħanina tal-Insara tagħti risposta l-ewwel nett bil-viġilanza u s-solidarjetà. Dawn huma s-sitwazzjonijiet tal-lum li fihom nistgħu nagħtu lura dinjità lill-persuni u nippermettu ħajja tassew umana! Naħsbu ftit f’tant tfal li jsofru minn forom diversi ta’ vjolenza; li jinsterqilhom il-ferħ tal-ħajja. L-uċuħ tagħhom ta’ niket u diżorjentament huma stampati f’moħħi; qed jitolbu l-għajnuna tagħna sabiex jiġu meħlusa mill-iskjavitù tad-dinja kontemporanja. Dawn it-tfal huma ż-żgħażagħ ta’ għada; kif qegħdin inħejjuhom biex jgħixu b’dinjità u responsabbiltà? B’liema tama jistgħu jaffrontaw il-preżent tagħhom u l-futur tagħhom?

 

Il-karattru soċjali tal-ħniena jitlob li ma nibqgħux bierda u li nkeċċu minna l-indifferenza u l-ipokrezija, sabiex il-pjanijiet u l-proġetti ma jibqgħux ittra mejta. L-Ispirtu s-Santu jgħinna sabiex inkunu dejjem lesti li noffru b’mod fattiv u diżinteressat id-dispożizzjoni tagħna, sabiex il-ġustizzja u ħajja dinjituża ma jibqgħux biss cliché, iżda jsiru impenn konkret ta’ min irid ikun xhud tal-preżenza tas-Saltna ta’ Alla.

 

20. Aħna msejħa nkabbru kultura tal-ħniena, ibbażata fuq l-iskoperta mill-ġdid tal-laqgħa mal-oħrajn: kultura fejn ħadd ma jħares lejn l-ieħor b’indifferenza u ma jdawwarx wiċċu meta jara t-tbatija tal-aħwa. L-opri tal-ħniena huma “artiġjanali”: l-ebda waħda minnhom ma hi bħall-oħra: idejna jistgħu jintużaw sabiex joħolqu mudelli b’elf mod, u anki jekk wieħed biss huwa Alla li jispira u waħda biss hija l-“materja” li dak li nimmudellaw hu magħmul minnha, jiġifieri l-istess ħniena, kull wieħed minnhom għandu forma differenti.

 

L-opri tal-ħniena, fil-fatt, jaffettwaw il-ħajja kollha kemm hi tal-persuna. Huwa għalhekk li nistgħu nagħtu l-ħajja lil revoluzzjoni kulturali billi nibdew bis-sempliċità tal-ġesti li jafu jilħqu l-ġisem u l-ispirtu, jiġifieri l-ħajja tal-persuni. Dan huwa impenn li l-komunità Nisranija tista’ tagħmlu tagħha, bl-għarfien li l-Kelma tal-Mulej dejjem issejħilha sabiex toħroġ mill-indifferenza u mill-individwaliżmu li fih aħna ttentati li ningħalqu biex ikollna eżistenza komda u mingħajr problemi. “Il-foqra dejjem issibuhom magħkom” (Ġw 12:8), jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu. M’hemm l-ebda skuża li tista’ tiġġustifika nuqqas ta’ involviment mal-foqra meta nafu li huwa identifika lilu nnifsu ma’ kull wieħed minnhom.

 

Il-kultura tal-ħniena tinħoloq fit-talb kostanti, fil-ftuħ doċli għall-ħidma tal-Ispirtu, fil-familjarità mal-ħajja tal-qaddisin u f’li tkun viċin b’mod konkret tal-foqra. Hija stedina urġenti sabiex ma nitħawdux dwar fejn huwa importanti li nimpenjaw ruħna. It-tentazzjoni li nagħmlu “teorija tal-ħniena” tingħeleb jekk din issir il-ħajja ta’ kuljum ta’ parteċipazzjoni u kondiviżjoni. Min-naħa l-oħra, m’għandna ninsew qatt il-kliem li bih l-Appostlu Pawlu, waqt li jirrakkonta l-laqgħa tiegħu ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni, wara l-konverżjoni, ipoġġi fil-wiċċ aspett essenzjali tal-missjoni tiegħu u tal-ħajja Nisranija kollha kemm hi: “Talbuna biss, li min-naħa tagħna nibqgħu niftakru fil-fqar, ħaġa li fittixt nagħmilha minn qalbi” (Gal 2:10). Ma nistgħux ninsew lill-fqar: hija stedina attwali llum aktar minn qatt qabel li timponi ruħha għall-evidenza evanġelika tagħha.

 

21. L-esperjenza tal-Ġublew timmarka fina l-kliem tal-Appostlu Pietru: Intom li darba ma kontux issibu ħniena, issa sibtu l-ħniena tiegħu (1 Pt 2:10). Dak li rċevejna m’għandniex inżommuh għalina biss; iżda għandna naqsmuh ma’ ħutna li qed ibatu sabiex huma jiġu sostnuti bis-saħħa tal-ħniena tal-Missier. Il-komunitajiet tagħna għandhom ikunu miftuħin sabiex jilħqu lil dawk kollha li jgħixu fit-territorju tagħhom, ħalli b’hekk iż-żegħila ta’ Alla tasal għandhom permezz tax-xhieda ta’ dawk li jemmnu.

 

Dan huwa ż-żmien tal-ħniena. Kull jum tal-mixja tagħna huwa mmarkat mill-preżenza ta’ Alla li jmexxi l-passi tagħna bil-qawwa tal-grazzja li l-Ispirtu jferra’ fil-qalb sabiex jiffurmaha u jagħmilha kapaċi tħobb. Dan huwa ż-żmien tal-ħniena għal kulħadd u għal kull wieħed u waħda, sabiex ħadd ma jasal jaħseb li huwa barrani għal Alla li jinsab dejjem qrib u għall-qawwa tat-tenerezza tiegħu. Dan huwa ż-żmien tal-ħniena sabiex dawk li huma dgħajfa u bla difiża, imbiegħda u waħedhom, jistgħu jilqgħu l-preżenza tal-aħwa li jsostnuhom fil-bżonnijiet tagħhom. Dan huwa ż-żmien tal-ħniena sabiex il-foqra jħossu fuqhom infushom il-ħarsa ta’ rispett iżda attenta ta’ dawk li, wara li rebħu l-indifferenza, skoprew dak li huwa essenzjali fil-ħajja. Dan huwa ż-żmien tal-ħniena sabiex kull midneb ma jegħja qatt jitlob maħfra u jħoss l-id tal-Missier li dejjem tilqgħu u tiġbdu lejh.

 

Fid-dawl tal-“Ġublew tal-persuni esklużi soċjalment”, filwaqt li fil-katidrali u fis-santwarji kollha tad-dinja ser jingħalqu l-Bibien tal-Ħniena, jien ħsibt li, bħala sinjal konkret ieħor ta’ din is-Sena Mqaddsa Straordinarja, għandu jiġi ċċelebrat fil-Knisja kollha, fit-XXXIII Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena, il-Jum Dinji tal-Foqra. Din għandha tkun l-aktar preparazzjoni denja biex imbagħad inkunu nistgħu ngħixu s-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Univers, li identifika lilu nnifsu maċ-ċkejknin u mal-foqra u ser jiġġudikana fuq l-opri tal-ħniena (ara Mt 25:31-46). Għandha tkun Ġurnata li tgħin lill-komunità u lil kull min huwa mgħammed sabiex jirrifletti dwar kif il-faqar jinsab fiċ-ċentru tal-Evanġelju u dwar il-fatt li, sakemm Lazzru għadu mixħut ħdejn il-bieb tad-dar tagħna (ara Lq 16:19-21), ma jistax ikun hemm la ġustizzja u lanqas paċi soċjali. Din il-Ġurnata għandha tirrappreżenta wkoll forma ġenwina ta’ evanġelizzazzjoni (ara Mt 11:5), li permezz tagħha jiġġedded il-wiċċ tal-Knisja fl-azzjoni dejjiema tagħha ta’ konverżjoni pastorali biex tkun xhud tal-ħniena.

 

22. Fuqna jibqgħu dejjem iħarsu l-għajnejn ħanina tal-Omm Imqaddsa ta’ Alla. Hija hi l-ewwel li tiftaħ it-triq u li timxi magħna fix-xhieda tal-imħabba. L-Omm tal-Ħniena tiġbor lil kulħadd taħt il-ħarsien tal-mant tagħha, hekk kif ta’ spiss hija ġiet irrappreżentata fl-arti. Aħna nafdaw fl-għajnuna materna tagħha u nosservaw dak li hi dejjem turina sabiex inħarsu lejn Ġesù, il-wiċċ kollu dija tal-ħniena ta’ Alla.

 

Mogħti f’Ruma, fil-Bażilika ta’ San Pietru, fl-20 ta’ Novembru,
Solennità tal-Mulej Tagħna Ġesù Kristu Sultan tal-Univers,
fis-Sena tal-Mulej 2016, ir-raba’ tal-pontifikat.

 

 

Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn John Muscat


 

[1]     In Joh 33,5.

[2]     Il Pastore di Erma, XLII, 1-4.

[3]     Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 27.

[4]     Missal Ruman, III Ħadd tar-Randan.

[5]     Ibid., Prefazju tal-Ħdud taż-Żmien Matul is-Sena VII.

[6]     Ibid., Talba Ewkaristika II.

[7]     Ibid., Riti tat-tqarbin.

[8]     Rit tal-Penitenza, n. 46.

[9]     Sagrament tad-Dilka u kura pastorali tal-morda, n. 76.

[10]    Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 106.

[11]    Id., Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 2.

[12]    Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 142.

[13]    Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini, 86-87.

[14]    Ara Ittra għall-għoti tal-indulġenza fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħniena, 1 ta’ Settembru 2015.

[15]    Ara ibid.

[16]    Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris laetitia, 1.

[17]    Ara ibid., 291-300.

[18]    Missal Ruman, Velja tal-Għid, Talba wara l-Ewwel Qari.

[19]    Ittra enċiklika Lumen fidei, 50.

[20]    Ara Ċiprijanu, L-għaqda tal-Knisja Kattolika, 7.

 

(Verżjoni riveduta)