LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

"Il-Knisja tikseb iċ-ċertezza fuq il-ħwejjeġ kollha rivelati

mhux mill-Iskrittura biss."

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-MEMBRI TAL-KUMMISSJONI PONTIFIĊJA BIBLIKA

 

Sala tal-Papiet, Il-Ġimgħa 12 ta’ April 2013

 

 

Eminenza,

Maħbub Ħija,

Għeżież Membri tal-Kummissjoni Pontifiċja Biblika,

 

Bi pjaċir nilqagħkom hawn fi tmiem l-Assemblea plenarja annwali tagħkom.  Nirringrazzja lill-President tagħkom, l-Arċisqof Gerhard Ludwig Müller, għall-messaġġ ta’ merħba tiegħu u għall-espożizzjoni konċiża tat-tema li kienet l-oġġett ta’ riflessjoni attenta tul il-laqgħat ta’ ħidma tagħkom.  Inġbartu mill-ġdid biex tinżlu fil-fond ta’ argument importanti ħafna: l-ispirazzjoni u l-verità tal-Bibbja.  Din hi tema li mhux biss tirrigwarda lil min jemmen, imma lill-Knisja kollha, għax il-ħajja u l-missjoni tal-Knisja huma mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla, li hi r-ruħ tat-teoloġija u, flimkien magħha, tispira l-eżistenza Nisranija kollha.

 

Kif nafu, l-Iskrittura Mqaddsa hi x-xhieda f’għamla miktuba tal-Kelma divina, it-tifkira kanonika li tixhed li r-Rivelazzjoni seħħet tassew.  Il-Kelma ta’ Alla, mela, tiġi qabel u tmur lil hemm mill-Bibbja nfisha.  Hu għalhekk li l-fidi tagħna m’għandhiex fil-qalba tagħha sempliċement ktieb, imma storja ta’ salvazzjoni u fuq kollox Persuna, Ġesù Kristu, il-Kelma ta’ Alla li saret laħam.  Propju għax l-orizzont tal-Kelma divina jħaddan u jestendi ruħu ’l hemm mill-istess Skrittura, biex aħna nistgħu nifhmuha kif suppost għandna bżonn tal-preżenza kostanti ta’ l-Ispirtu s-Santu li “iwassalkom għall-verità kollha” (Ġw 16:13).  Jeħtieġ li nintasbu fil-kurrent tat-Tradizzjoni kbira li, bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu u taħt it-tmexxija tal-Maġisteru, għarfet fil-kitbiet kanoniċi l-Kelma li Alla lissen lill-poplu tiegħu u ma waqfet qatt timmeditahom u tikxef l-għana bla tarf tagħhom.  Il-Konċilju Vatikan II dan tennieh b’ċarezza kbira fil-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum: “Dak li ntqal s’issa fuq kif għandna ninterpretaw l-Iskrittura fl-aħħar huwa suġġett għall-ġudizzju tal-Knisja li taqdi d-dmir u l-ministeru tagħha ġej minn Alla li tħares u tinterpeta l-kelma ta’ Alla” (n. 12).

 

Kif tkompli tfakkarna l-imsemmija Kostituzzjoni konċiljari, teżisti għaqda inseparabbli bejn l-Iskrittura Mqaddsa u t-Tradizzjoni, għax it-tnejn li huma ġejjin mill-istess għajn: “It-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Iskrittura Mqaddsa huma magħqudin sewwa bejniethom u għandhom x’jaqsmu sfiq ma’ xulxin.  Għaliex it-tnejn ġejjin mill-istess nixxiegħa divina u b’xi mod jagħmlu ħaġa waħda u jimxu lejn l-istess skop.  Fil-fatt l-Iskrittura Mqaddsa hija l-kelma ta’ Alla inkwantu miktuba bl-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu ta’ Alla; it-Tradizzjoni Mqaddsa twassal sħiħa l-kelma ta’ Alla, fdata minn Kristu l-Mulej u mill-Ispirtu Santu lill-Appostli, fis-suċċessuri tagħhom, biex, imdawlin mill-Ispirtu tal-verità, bil-predikazzjoni tagħhom iżommuha bil-fedeltà, ifissruha u jxerrduha.  Hekk jiġri li l-Knisja tikseb iċ-ċertezza fuq il-ħwejjeġ kollha rivelati mhux mill-Iskrittura biss.  Għalhekk il-waħda u l-oħra għandhom jintlaqgħu bl-istess sentiment ta’ tjieba u qima” (Ibid, 9).

 

Minn dan allura joħroġ li l-eseġeta għandu jkun attent biex jifhem il-Kelma ta’ Alla preżenti fit-testi Bibliċi billi jsibilhom posthom fi ħdan l-istess fidi tal-Knisja.  L-interpretazzjoni ta’ l-Iskrittura Mqaddsa ma tistax tkun biss sforz xjentifiku individwali, imma trid tkun dejjem ikkonfrontata, inserita u awtentiċizzata mit-tradizzjoni ħajja tal-Knisja.  Din in-norma hi deċiżiva biex nistgħu nippreċiżaw ir-relazzjoni korretta u reċiproka bejn l-eseġeżi u l-Maġisteru tal-Knisja.  It-testi ispirati minn Alla ġew fdati lill-Komunità ta’ dawk li jemmnu, lill-Knisja ta’ Kristu, biex hi titma’ l-fidi u tiggwida l-ħajja fl-imħabba.  Ir-rispett lejn din in-natura profonda ta’ l-Iskrittura tikkundizzjona l-istess validità u l-effikaċja ta’ l-ermenewtika Biblika.  Minħabba f’hekk, kull interpretazzjoni suġġettiva jew sempliċement limitata għal analiżi m’hix biżżejjed, anzi m’hix kapaċi tilqa’ fiha dak is-sens globali li tul is-sekli sawwar it-Tradizzjoni tal-Poplu sħiħ ta’ Alla, li in credendo falli nequit (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kotituzzjoni dommatika Lumen gentium, 12).

 

Għeżież Ħuti, nixtieq nagħlaq l-intervent tiegħi billi nesprimi magħkom ilkoll ir-radd ta’ ħajr tiegħi u nżid inħeġġiġkom fil-ħidma imprezzabbli tagħkom.  Il-Mulej Ġesù Kristu, Verb ta’ Alla inkarnat u Mgħallem divin li fetaħ il-moħħ u l-qalb tad-dixxipli tiegħu għall-għerf ta’ l-Iskrittura (ara Lq 24:45), imexxi u jwettaq dejjem il-ħidma tagħkom.  Il-Verġni Marija, mudell ta’ doċilità u ubbidjenza għall-Kelma ta’ Alla, tgħallimkom hi kif tilqgħu b’mod sħiħ l-għana bla tarf ta’ l-Iskrittura Mqaddsa mhux biss permezz tar-riċerka intellettwali, imma fil-talb u fil-ħajja kollha tagħkom tal-fidi, speċjalment tul din is-Sena tal-Fidi, biex il-ħidma tagħkom tikkontribwixxi biex fil-qalb tal-fidili jiddi d-dawl ta’ l-Iskrittura Mqaddsa.  Waqt li nawguralkom iżjed frott fit-twettiq ta’ l-attivitajiet tagħkom, nitlob fuqkom id-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu u nagħtikom ilkoll il-Barka tiegħi.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

Ara aktar riżorsi minn jew dwar il-Papa Franġisku.

 

 

Il-Papa Franġisku

dwar

L-Ispirazzjoni u l-Verità tal-Bibbja

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link