Laikos

 

Ara l-Messaġġi li l-Papa Franġisku jagħti kull sena fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta' Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien ...

 

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦAT-TWAQQIF TAL-

“JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-ĦARSIEN TAL-ĦOLQIEN”

[1 TA’ SETTEMBRU]

 

KONVERŻJONI EKOLOĠIKA

Lill-Aħwa Meqjuma,

 

Il-Kardinal Peter Kodwo Appiah TURKSON

President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi

 

Il-Kardinal Kurt KOCH

President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda bejn l-Insara

 

Waqt li naqsam ma’ ħija l-maħbub il-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew l-istess tħassib għall-ġejjieni tal-ħolqien (ara Ittra Enċiklika Laudato si’, 7-9), u nilqa’ s-suġġeriment tar-rappreżentant tiegħu, il-Metropolita Ioannis ta’ Pergamo, fl-intervent tiegħu waqt il-preżentazzjoni ta’ l-Enċiklika Laudato si’ dwar l-għożża tad-dar komuni, nixtieq inħabbrilkom li ddeċidejt li nwaqqaf anki fil-Knisja Kattolika l-“Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien”, li, ibda minn din is-sena stess, sa jiġi ċċelebrat fl-1 ta’ Settembru, l-istess kif ilu jseħħ żmien fil-Knisja Ortodossa.

 

Bħala Nsara nixtiequ noffru s-sehem tagħna biex tingħeleb il-kriżi ekoloġika li minnha għaddejja l-familja tal-bnedmin.  Għalhekk jeħtieġ qabel xejn li fil-wirt spiritwali għani tagħna nsibu l-motivazzjonijiet li jħeġġu fina l-passjoni għall-għożża tal-ħolqien, waqt li niftakru dejjem li għal min jemmen f’Ġesù Kristu, il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem għalina, “l-ispiritwalità m’hix mifruda mill-istess ġisem, lanqas min-natura jew mir-realtà ta’ din id-dinja, imma pjuttost tgħix magħhom u fihom, f’xirka ma’ dak kollu li bih aħna mdawra” (ibid., 216).  Il-kriżi ekoloġika għalhekk qed issejħilna għal konverżjoni spiritwali qawwija: l-Insara huma msejħa għal “konverżjoni ekoloġika, li titlob minnhom li jħallu l-konsegwenzi kollha tal-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù jidhru fir-relazzjoni tagħhom mad-dinja ta’ madwarhom” (ibid., 217).  Fil-fatt, “li ngħixu l-vokazzjoni tagħna li nkunu ħarriesa tal-opra ta’ Alla hi parti essenzjali minn ħajja magħġuna bil-virtujiet, mhix għażla u lanqas xi aspett sekondarju tal-esperjenza Nisranija” (ibid).

 

Il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien se joffri ta’ kull sena lil kull min jemmen u lill-komunitajiet l-opportunità prezzjuża li jġeddu t-tweġiba tagħhom għas-sejħa li jkunu ħarriesa tal-ħolqien, u jgħollu quddiem Alla r-radd il-ħajr tagħhom għall-opra ta’ l-għaġeb li Hu fdalna f’idejna biex nieħdu ħsiebha, waqt li jitolbu l-għajnuna tiegħu għall-ħarsien tal-ħolqien u l-ħniena tiegħu għad-dnubiet imwettqa kontra d-dinja li fiha ngħixu.  Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-Jum, fl-istess data mal-Knisja Ortodossa, sa tkun okkażjoni mill-aqwa biex nagħtu xhieda tal-komunjoni dejjem ikbar tagħna ma’ ħutna l-Ortodossi.  Qed ngħixu fi żmien fejn l-Insara kollha qed iħabbtu wiċċhom ma’ l-istess sfidi importanti, fejn, biex niksbu riżultati iżjed kredibbli u effikaċi, jeħtieġ ikollna għalihom tweġibiet komuni.  Għalhekk, nawgura li dan il-Jum jista’ jqanqal, b’xi mod, anki Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali oħra biex jagħtu s-sehem tagħhom, u jiġi ċċelebrat f’sintonija ma’ l-inizjattivi li jippromovi dwar din it-tema l-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes.

 

Lilek, Kardinal Turkson, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, nitolbok tgħarraf lill-Kummissjonijiet għall-Ġustizzja u l-Paċ      i tal-Konferenzi Episkopali, kif ukoll l-Organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali impenjati fil-qasam ekoloġiku, bit-twaqqif tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien, biex, f’armonija mal-ħtiġijiet u l-qagħdiet lokali, iċ-ċelebrazzjoni tiegħu ssir kif jixraq bis-sehem tal-Poplu kollu ta’ Alla: saċerdoti, reliġjużi u fidili lajċi.  Għal dan il-għan, dan id-Dikasteru għandu jħabrek, f’kollaborazzjoni mal-Konferenzi Episkopali, biex iwettaq inizjattivi xierqa ta’ promozzjoni u animazzjoni, biex din iċ-ċelebrazzjoni ta’ kull sena tkun mument qawwi ta’ talb, riflessjoni, konverżjoni u twettiq ta’ stili ta’ ħajja koerenti.

 

Lilek, Kardinal Koch, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda bejn l-Insara, nitolbok tagħmel il-kuntatti meħtieġa mal-Patrijarkat Ekumeniku u mar-realtajiet ekumeniċi l-oħra, biex dan il-Jum Dinji jsir tabilħaqq sinjal ta’ mixja flimkien imterrqa minn dawk kollha li jemmnu fi Kristu.  Dan id-Dikasteru għandu wkoll iħabrek b’riżq il-kordinament ma’ inizjattivi simili mwettqa mill-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes.

 

Waqt li nawgura l-iktar kollaborazzjoni wiesgħa għall-aqwa tnedija u żvilupp tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien, nitlob l-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija Omm Alla u ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li l-Għanja tal-Ħlejjaq tiegħu tnebbaħ tant irġiel u nisa ta’ rieda tajba biex jgħixu fit-tifħir tal-Ħallieq u fir-rispett tal-ħolqien.  Ħa twettaq dawn ix-xewqat tajba l-Barka Appostolika, li minn qalbi nagħti lilkom, Sinjuri Kardinali, u lil dawk kollha li jikkollaboraw fil-ministeru tagħkom.

 

Mill-Vatikan, 6 ta’ Awwissu 2015

Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

 

FRANCISCUS

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard