LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

Intervista mal-Papa Franġisku minn Antonio Spadaro SJ

© La Civiltà Cattolica, 19 ta’ Settembru 2013 (Nru 3918)

Nirringrazzjaw lir-rivista La Civiltà Cattolica li bil-permess ġentili tagħha qed nippubblikaw it-test sħiħ ta’ l-intervista ta’ l-editur Patri Antonio Spadaro sj lill-Papa Franġisku.   L-Intervista oriġinali bit-Taljan issibha hawn:

http://www.laciviltacattolica.it/it/quaderni/articolo/3216/acquista-il-quaderno-n-3918-che-contiene-lintervento-a-papa-francesco/

Il-ġurnata hi t-Tnejn 19 ta’ Awwissu.  Il-Papa Franġisku tani appuntament għall-10.00am f’Santa Marta.  Imma jiena writt minn għand missieri l-ħtieġa li nasal dejjem kmieni.  Dawk li laqgħuni daħħluni f’saletta.  Domt nistenna ftit, u wara xi minuti ġejt akkumpanjat lejn il-lift.  F’dawk iż-żewġ minuti kelli l-ħin niftakar kif f’Lisbona, f’laqgħa ta’ l-edituri ta’ xi rivisti tal-Kumpanija ta’ Ġesù, kienet ħarġet il-proposta li kollha flimkien nippubblikaw intervista mal-Papa.  Kont iddiskutejt ma’ l-edituri l-oħra, u fassalt xi mistoqsijiet li kienu jesprimu l-interessi ta’ kulħadd.  Malli ħriġt mil-lift u ilmaħt lill-Papa diġà fil-bieb qed jistennieni. Anzi, fir-realtà, kelli l-impressjoni pjaċevoli li ma kontx qed ngħaddi minn ġo bibien.

Dħalt fil-kamra tiegħu u l-Papa stedinni npoġġi fuq pultruna.  Minħabba fil-problema li għandu f’dahru, hu qagħad fuq siġġu ogħla u aktar sod.  L-ambjent hu sempliċi, awster.  L-ispazju għax-xogħol fuq l-iskrivanija hu żgħir. Laqatni l-fatt li mhux biss l-għamara iżda ukoll l-oġġetti fil-kamra kienu biss dawk essenzjali. Ftit kotba, ftit karti, ftit oġġetti. 

Fost dawn, ikona ta’ San Franġisk, statwa tal-Madonna ta’ Luján, Patruna ta’ l-Arġentina, Kurċifiss u statwa ta’ San Ġużepp rieqed, tixbah ħafna lil dik li kont rajt fil-kamra tiegħu ta’ rettur u superjur provinċjali fil-Colegio Máximo di San Miguel.  L-ispiritwalità ta’ Bergoglio m’hix magħmula minn “enerġiji armonizzati”, kif isejħilhom hu, imma minn uċuħ umani: Kristu, San Franġisk, San Ġużepp, Marija.

Il-Papa laqagħni b’dik it-tbissima li sal-lum daret id-dinja iżjed minn darba u li tiftaħ il-qlub.  Bdejna nitkellmu dwar ħafna ħwejjeġ, imma fuq kollox dwar il-vjaġġ tiegħu fil-Brażil.  Il-Papa jqisu bħala grazzja kbira. Staqsejtu jekk irnexxilux jistrieħ.  Hu qalli iva, li jinsab tajjeb, imma fuq kollox li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ kien għalih “misteru”. Qalli li qatt ma kien imdorri jkellem lil tant nies: “Jien jirnexxieli nħares lejn l-individwi, persuna wara l-oħra, u nidħol f’kuntatt b’mod personali ma’ min ikolli quddiemi.  M’iniex imdorri mal-mases”.  Għidtlu li veru, u li jidher li hu hekk, u li dan qed iħalli impressjoni fuq kulħadd.  Jidher ċar li meta hu jkun f’nofs in-nies, fir-realtà għajnejh jistrieħu fuq l-individwi.  Imbagħad il-kameras juru l-immaġni u kulħadd jista’ jarahom, imma b’dan il-mod hu jista’ jħossu ħieles li jibqa’ f’dan il-kuntatt dirett, ta’ l-inqas bl-għajnejn, ma’ min ikollu quddiemu.  Jidhirli li hu kuntent b’dan, jiġifieri li jista’ jibqa’ dak li hu, li m’għandux għalfejn jibdel il-mod ordinarju tiegħu ta’ kif jikkomunika ma’ l-oħrajn, anki meta għandu quddiemu miljuni ta’ nies, kif ġara fuq ix-xatt ta’ Copacabana.

Qabel ma xgħelt ir-recorder, tkellimna wkoll fuq ħwejjeġ oħra. Ikkummentali fuq pubblikazzjoni tiegħi, u qalli li ż-żewġ intellettwali Franċiżi kontemporanji li hu jippreferi huma Henri de Lubac u Michel de Certeau.  Tarraftlu wkoll xi ħaġa iżjed personali.  Ukoll hu kellimni dwaru nnifsu u b’mod partikulari dwar l-elezzjoni tiegħu għall-Pontifikat. Qalli li meta beda jintebaħ li kien hemm ir-riskju li jiġi elett, l-Erbgħa 13 ta’ Marzu waqt il-pranzu, ħass nieżla fuqu paċi profonda u faraġ interjuri li ma setax ifissirhom, flimkien ma’ dalma sħiħa, dell profond fuq il-bqija kollu. U dawn is-sentimenti baqgħu miegħu sa ma ġie elett.

Tabilħaqq, kont lest inkompli nitkellem b’mod hekk familjari għal ħafna iktar ħin, imma qbadt f’idejja l-karti b’xi mistoqsijiet li kont niżżilt fuqhom u xgħelt ir-recorder. Qabel xejn irringrazzjajtu f’isem l-edituri kollha tar-rivisti tal-Ġiżwiti li se jippubblikaw din l-intervista.

Ftit qabel l-udjenza li ta lill-Ġiżwiti taċ-Civiltà Cattolica fl-14 ta’ Ġunju li għadda, il-Papa kien kellimni dwar id-diffikultà li jħoss biex jagħti intervisti.  Kien qalli li jippreferi jaħseb iktar milli jagħti tweġibiet hekk ta’ malajr f’intervisti ta’ dak il-mument. Iħoss li t-tweġibiet tajbin jitfaċċaw wara li jkun ta l-ewwel tweġiba: qalli “Ma stajtx nagħraf lili nnifsi meta fit-titjira lura minn Rio de Janeiro weġibt lill-ġurnalisti li kienu qed jagħmluli dawk il-mistoqsijiet”. Dan hu minnu: f’din l-intervista iżjed minn darba l-Papa ħassu liberu li jieqaf f’nofs dak li kien qed jgħid bi tweġiba għal xi mistoqsija, biex iżid xi ħaġa oħra mat-tweġiba ta’ qabel.  Diskursata mal-Papa Franġisku fil-verità hi bħal gelgul vulkaniku ta’ ideat li jixxebilku flimkien bejniethom. Saħansitra li nieħu n-noti jagħtini s-sensazzjoni spjaċevoli li qed ninterrompi djalogu mexxej. Hu ċar li l-Papa Franġisku hu mdorri iżjed għall-konverżazzjoni milli għal-lezzjoni.

 

Min hu Jorge Mario Bergoglio?

Kelli l-mistoqsija lesta, imma għażilt li ma nimxix ma’ l-iskema li kont ħejjejt, imam li nistaqsih hekk bla ħsieb: “Min hu Jorge Mario Bergoglio?”  Il-Papa ħares lejja sieketStaqsejtu jekk dik kienetx mistoqsija li kelli permess nagħmel…  Hu għamel sinjal li aċċetta l-mistoqsija u qalli:  “Ma nafx liema tista’ tkun l-iżjed definizzjoni tajba…  Jiena midneb.  Din hi l-aħjar definizzjoni.  U dan mhux biex inkun għidt xi ħaġa, xi ġeneru letterarju.  Jiena midneb”.

Il-Papa kompla jirrifletti, miġbur fih innifsu, bħallikieku ma kienx qed jistenna dik il-mistoqsija, kien qisu li xi ħadd kien qed iġiegħlu jirrifletti aktar fil-fond. 

“Iva, forsi nista’ ngħid li jien xi ftit moħħi jilħaqli, naf mnejn għandi ngħaddi, imma hu minnu wkoll li jien bniedem xi ftit jew wisq inġenwu.  Iva, imma l-aħjar sintesi, dik li tiġini l-iżjed naturali u li nħossha l-iżjed vera, hi propju din: ‘Jiena midneb li l-Mulej ħares lejh’”.  U tenna: “Jiena wieħed li l-Mulej ħares lejh.  Il-motto tiegħi Miserando atque eligendo dejjem ħassejt li jgħodd ħafna għalija”.

Il-motto tal-Papa Franġisku hu meħud mill-Omeliji ta’ San Beda l-Venerabbli, li, huwa u jikkummenta l-episodju fil-Vanġelu tas-sejħa ta’ San Mattew, kiteb: “Lemaħ Ġesù wieħed pubblikan u, wara li ħares lejh b’ħarsa ta’ mħabba u għażlu għalih, qallu: ‘Imxi warajja’”. U żied: “Jidhirli li n-nom verbali Latin miserando ma jistax jinqaleb la għat-Taljan u lanqas għall-Ispanjol.  Nieħu gost naqilbu b’nom verbali ieħor li ma jeżistix: misericordiando [ikollok ħniena]”.

Il-Papa Franġisku kompla bir-riflessjoni tiegħu u qalli, waqt li qabeż fuq ħaġa li dak il-ħin ma fhimtx is-sens tagħha: “Ruma ma nafhiex.  Ftit naf minnha.  Fost dawn hemm Santa Maria Maggiore: dejjem kont immur hemm”.  Infqajt nidħak u għidtlu: “Dan ilkoll fhimnieh tajjeb, Santità!”.  “Iva, hekk hu – kompla l-Papa – naf sew Santa Maria Maggiore, San Pietru… imma meta kont niġi Ruma dejjem kont noqgħod f’Via della Scrofa.  Minn hemm spiss kont immur inżur il-knisja ta’ San Luigi dei Francesi, u kont immur hemm biex nikkontempla l-kwadru tas-sejħa ta’ San Mattew ta’ Caravaggio”.  Bdejt naqbad tarf ta’ fejn ried jasal il-Papa.

“Dak is-saba’ ta’ Ġesù hekk… ippuntat lejn Mattew.  U hawn il-Papa, b’mod deċiż, donnu sab ix-xbieha tiegħu nnifsu li kien qed ifittex: “Hu l-ġest ta’ Mattew li jolqotni: isorr taħt idejh il-flus tiegħu, donnu jrid jgħidlu: ‘Le, mhux lili!  Le, dawn il-flus tiegħi!’. Hekk hu, dan hu jien: ‘Midneb li l-Mulej dawwar ħarstu fuquU dan hu dak li għidt meta staqsewni jekk naċċettax l-elezzjoni għall-Pontifikat.” Għalhekk lissen minn taħt l-ilsien: Peccator sum, sed super misericordia et infinita patientia Domini nostri Jesu Christi confisus et in spiritu penitentiæ accepto.

 

Għaliex dħalt Ġiżwita?

Fhimt li dik il-formula ta’ aċċettazzjoni għall-Papa Franġisku kienet wkoll karta ta’ identità.  Ma kienx fadal xi nżid.  Komplejt ma’ dik li kont għażilt bħala l-ewwel mistoqsija: “Santità, x’wasslek biex tagħżel li tidħol fil-Kumpanija ta’ Ġesù?  X’laqtek fl-Ordni tal-Ġiżwiti?”. 

“Jiena ridt xi ħaġa iżjed.  Imma ma kontx naf xiex. Kont dħalt is-seminarju.  Id-Dumnikani kienu jogħġbuni u kelli ħbiebi Dumnikani.  Imma mbagħad għażilt il-Kumpanija, li sirt nafha mill-qrib għax is-seminarju kien fdat f’idejn il-Ġiżwiti. Fil-Kumpanija laqtuni tliet affarijiet: il-missjonarjetà, il-komunità u d-dixxiplina. Din ħaġa kurjuża, għax jien bniedem bla dixxiplina mit-twelid, mit-twelid, mit-twelid.  Imma d-dixxiplina tagħhom, il-mod kif iqassmu l-ħin, laqatni wisq. 

Imbagħad ħaġa li għalija hi tassew fundamentali hi l-komunità.  Dejjem fittixt komunità.  Ma stajtx nara lili nnifsi saċerdot waħdi: għandi bżonn tal-komunità.  U dan tista’ tifhmu mill-fatt li qiegħed hawn f’Santa Marta: qabel ġejt elett, il-kamra li messitni bix-xorti biex noqgħod fiha kienet il-207. Din li qegħdin fiha bħalissa kienet kamra għall-mistednin.  Għażilt li noqgħod hawn, fil-kamra 201, għax meta dħalt fl-appartament pontifiċju, ġo fija ħassejt tidwi b’mod ċar il-kelma ‘le’. L-appartament pontifiċju fil-Palazz Appostoliku ma fihx lussu.  Hu antik, magħmul b’ċertu gost u kbir, imma lussuż m’huwiex. Imma fl-aħħar mill-aħħar hu bħala lembut bil-maqlub.  Kbir u spazjuż, imma l-intrata tiegħu hi dejqa ħafna.  Ftit jistgħu jidħlu nies, u jien le, mingħajr nies ma nistax ngħix.  Għandi bżonn ngħix ħajti flimkien ma’ l-oħrajn”. 

Waqt li l-Papa tkellem dwar missjoni u komunità, ġewni f’moħħi dawk id-dokumenti kollha tal-Kumpanija ta’ Ġesù li fihom tissemma l-“komunità għall-missjoni” u fi kliemu ilmaħthom kollha hemm.

 

Xi jfisser għal Ġiżwita li tkun Papa?

Xtaqt nibqa’ għaddej fuq din il-linja u nagħmel mistoqsija fid-dawl tal-fatt li hu l-ewwel Ġiżwita li ġie elett Isqof ta’ Ruma: “Fid-dawl ta’ l-ispiritwalità Injazjana, kif taqra s-servizz lill-Knisja universali li int ġejt imsejjaħ twettaq?  Għal Ġiżwita xi jfisser tkun elett Papa?  Liema punt ta’ l-ispiritwalità Injazjana jgħinek l-iżjed biex tgħix il-ministeru tiegħek?”.

“Id-dixxerniment”, wieġeb il-Papa Franġisku. “Id-dixxerniment hu waħda mill-affarijiet li l-iżjed ħadem fuqhom fil-qalb tiegħu Sant’Injazju.  Għalih dan hu għodda ta’ ġlieda biex jagħraf aħjar lill-Mulej u jimxi warajh iżjed mill-qrib.  Dejjem laqtitni frażi li biha tiġi mfissra l-viżjoni ta’ Sant’Injazju: Non coerceri a maximo, sed contineri a minimo divinum est.  Irriflettejt ħafna fuq din il-frażi f’rabta mat-tmexxija, ma’ li tkun superjur: tillimitax ruħek għall-ispazju l-iżjed kbir, imma kun kapaċi toqgħod fl-ispazju l-iżjed limitat – din hi ħaġa divina. Din il-virtù tal-kbir u taż-żgħir hi l-ġenerożità [manjanimità], li mill-pożizzjoni li fiha ninsabu ġġagħilna nħarsu dejjem lejn ix-xefaq. Hi li nagħmlu l-ħwejjeġ żgħar ta’ kuljum b’qalb kbira u miftuħa għal Alla u għall-oħrajn.  Hi li nagħtu valur lill-ħwejjeġ iż-żgħar fi ħdan ixfqa kbar, dawk tas-Saltna ta’ Alla. 

Dan il-motto, kompla jgħid il-Papa, joffri l-linji-gwida biex tieħu l-pożizzjoni t-tajba għad-dixxerniment, biex tħoss il-ħwejjeġ ta’ Alla billi titlaq mill-‘perspettiva’ tiegħu. Għal Sant’Injazju l-prinċipji l-kbar iridu jiġu inkarnati fiċ-ċirkustanzi tal-post, taż-żmien u tal-persuni.  Ġwanni XXIII bil-mod tiegħu wkoll qiegħed lilu nnifsu f’din il-pożizzjoni ta’ tmexxija meta tenna l-frażi Omnia videre, multa dissimulare, pauca corrigere (ara kollox, agħlaq għajnejk għal ħafna, ikkorreġi ftit), għax, anki jekk kien qed jara l-omnia, id-dimensjoni massima kienet titlob li jaġixxi fuq il-pauca, fuq id-dimensjoni minima. Jista’ jkollna proġetti kbar f’moħħna, u naslu għalihom billi naġixxu fuq ftit ħwejjeġ żgħar. Jew jistgħu jintużaw mezzi dgħajfa li fl-aħħar mill-aħħar ikunu effikaċi iżjed minn dawk b’saħħithom, kif jgħid ukoll San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin

Dan id-dixxerniment irid iż-żmien. Ħafna, ngħidu aħna, jaħsbu li l-bidliet u r-riformi jistgħu jseħħu fi żmien qasir.  Jien nemmen li dejjem hemm bżonn taż-żmien biex tqiegħed il-bażi għal bidla vera, effikaċi.  U dan hu ż-żmien tad-dixxerniment.  U xi kultant id-dixxerniment min-naħa l-oħra iħeġġek biex twettaq minnufih dak li għall-bidu kont taħseb li tagħmlu iktar tard.  U dan hu li ġara anki lili f’dawn ix-xhur. Id-dixxerniment huwa dejjem magħmul fil-preżenza tal-Mulej, billi taqra s-sinjali, tisma’ dak li qed jiġri, tħoss dak li hemm f’qalb in-nies, speċjalment fil-foqra. L-għażliet tiegħi, ukoll dawk marbuta man-normalità tal-ħajja, bħalma hu l-użu ta’ karozza modesta, huma marbuta mad-dixxerniment spiritwali li jwieġeb għall-esiġenza li titnissel milli tħares lejn l-affarijiet, in-nies, il-qari tas-sinjali taż-żminijiet.  Id-dixxerniment fil-Mulej idawwalni fil-mod kif għandi mmexxi. 

Hekk hu, min-naħa l-oħra, ma nafda xejn fid-deċiżjonijiet li jittieħdu malajr.  Qatt ma noqgħod fuq l-ewwel deċiżjoni, jiġifieri jekk irrid nieħu xi deċiżjoni qatt ma niddiċiedi li naghmel ewwel ħaġa li tiġini f’rasi. Normalment tkun żbaljata.  Irrid nistenna, nivvaluta bejni u bejn ruħi, nieħu ż-żmien meħtieġ.  L-għerf tad-dixxerniment jagħmel tajjeb għall-ambigwità neċessarja tal-ħajja u jfittex il-mezzi l-aktar opportuni, li mhux dejjem jidentifikaw ruħhom ma’ dak li jidher kbir u b’saħħtu”.

 

Il-Kumpanija ta’ Ġesù

Id-dixxerniment allura hu pilastru ta’ l-ispiritwalità tal-Papa. Jesprimi b’mod partikulari l-identità tiegħu bħala Ġiżwita. Għalhekk staqsejtu kif jaħseb li l-Kumpanija ta’ Ġesù tista’ taqdi lill-Knisja l-lum, liema hi l-ispeċifiċità tagħha, imma wkoll liema huma r-riskji li hemm quddiemha. 

“Il-Kumpanija hi istituzzjoni f’tensjoni, dejjem radikalment f’tensjoni.  Il-Ġiżwita hu bniedem li nhuwiex ċentrat fuqu nnifsu: iċ-ċentru tiegħu hu Kristu u l-Knisja tiegħu. Il-Kumpanija tħares wkoll lejn ċentru barra minnha: iċ-ċentru tagħha hu Kristu u l-Knisja. Mela: jekk il-Kumpanija żżomm lil Kristu u lill-Knisja fiċ-ċentru tagħha, għandha żewġ punti fundamentali ta’ riferiment għall-bilanċ tagħha u biex tkun tista’ tgħix fil-periferija, fuq il-fruntjieri.  Imma jekk tħares iżżejjed lejha nfisha, tkun tqiegħed lilna nfisha fiċ-ċentru bħala struttura b’saħħitha u ‘armata’ tajjeb ħafna, iżda mbagħad tkun qed tirriskja li tħossha wisq żgura minnha nfisha u suffiċjenti.  Il-Kumpanija għandu jkollha dejjem quddiemha d-‘Deus semper maior’, li tfittex il-glorja dejjem akbar ta’ Alla, il-Knisja Vera Għarusa ta’ Kristu Sidna, Kristu Sultan li jirbaħna għalih u li lilu noffru l-persuna kollha tagħna u l-ħidma kollha tagħna, wkoll jekk aħna ġarar tal-fuħħar, u m’aħniex kapaċi. Din it-tensjoni tiġbidna dejjem ’il barra minna nfusna.  L-istrument li tabilħaqq jagħmel il-Kumpanija ma tkunx ċentrata fuqha nfisha, u hu strument tabilħaqq qawwi, hu r-‘rendikont tal-kuxjenza’ li hu fl-istess ħin patern u fratern għax jgħin il-Kumpanija taqdi aħjar il-missjoni tagħha.” 

Hawn il-Papa kien qed jirriferi għall-punt speċifiku tal-Kostituzzjonijiet tal-Kumpanija ta’ Ġesù fejn naqraw li l-Ġiżwita għandu “jimmanifesta lis-superjur il-kuxjenza tiegħu”, jiġifieri jurih s-sitwazzjoni interjuri li jkun qed jgħix fiha, b’mod li s-superjur jsir aktar konxju u infurmat tajjeb meta jiġi biex jibgħat lil dak li jkun fuq missjoni. 

“Imma huwa diffiċli titħaddet fuq il-Kumpanija.” kompla jgħid il-Papa, “Meta  tesprimi zzejjed tirriskja li ma tinftihemx. Tista’ tiddiskrivi l-Kumpanija biss b’forma narrattiva. B’forma narrattiva biss tista’ tiddixxerni u mhux b’tifsira filosofika jew teoloġika li aktar tħallik tiddiskuti. L-istil tal-Kumpanija mhux imfassal mid-diskuzzjoni imma mid-dixxerniment li ovvjament jippresupponi d-diskussjoni bħala parti mill-proċess. Id-dimensjoni mistika tad-dixxerniment qatt ma tiddefinixxi it-trufijiet tagħha w anqas ma tikkompleta l-ħsieb. Il-Ġiżwita għandu jkun persuna li l-ħsieb tiegħu huwa inkomplet f’sens li l-ħsieb ikun miftuħ (open-ended). Kien hemm perjodi fil-Kumpanija meta l-Ġiżwiti kienu jgħixu f’dan l-ambjent ta’ hsieb magħluq u riġidu, iżjed axxetiku-struttiv milli mistiku; din id-deformazzjoni fil-ħajja tal-Ġiżwiti nibbtet l-Epitome Istituti.”

Hawn il-Papa kien qed jirriferi għall-compendium ta’ regoli prattiċi tal-Kumpanija li ġie mfassal mill-ġdid fis-seklu għoxrin, u li ħafna rawh bħala sostitut tal-Kostituzzjonijiet. Il-formazzjoni tal-Ġiżwiti fil-Kumpanija kienet għal xi żmien tkun mfassla fuq dan il-compendium, sal-punt li xi wħud qatt ma qraw il-Kostituzzjonijiet li fil-fatt huma t-test fundamentali. Tul dan iż-żmien, skont il-fehma tal-Papa, kien hemm fil-Kumpanija riskju li r-regoli joħonqu l-ispirtu, u l-Kumpanija ċediet għat-tentazzjoni li tfisser u tiddefinixxi il-kariżma tagħha b’mod wisq dejjaq. 

Ikompli l-Papa: “Le, il-Ġiżwita hu dak li jaħseb dejjem, jahseb u jerġa’ jaħseb, iħares lejn ix-xefaq li lejh għandu jimxi u jżomm lil Kristu fiċ-ċentru.  Din hi l-vera qawwa tiegħu.  U dan iħeġġeġ lill-Kumpanija biex tibqa’ dejjem tfittex, tkun kreattiva u ġeneruża.  Għalhekk, il-lum iżjed minn qatt qabel, jeħtieġ li l-Kumpanija ta’ Ġesù tkun kontemplattiva fl-azzjoni; jeħtieġ tgħix qrib ħafna tal-Knisja kollha, mifhuma bħala l-‘poplu ta’ Alla’ u l-‘imqaddsa ommna l- Knisja ġerarkika’.  Dan jitlob ħafna umiltà, sagrifiċċju, kuraġġ, speċjalment meta jkun hemm min ma jifhmekx jew tispiċċa l-mira ta’ nuqqas ta’ komprensjoni u kalunnji, imma dan hu l-atteġġjament li jħalli l-aktar frott. Niftakru fit-tensjonijiet tal-istorja fl-imgħoddi, fis-sekli tal-passat, dwar il-kontroversja tar-riti Ċiniżi, ir-riti Malabariċi, u r-riduzzjonijiet fil-Paragwaj.

Jiena stess nixhed għan-nuqqas ta’ komprensjoni u problemi li l-Kumpanija għaddiet minnhom dan l-aħħar. Fost dawn kien hemm iż-żminijiet diffiċli meta qamet il-kwistjoni jekk għandniex nestendu għall-Ġiżwiti kollha r-raba’ vot tal-ubbidjenza lejn il-Papa.  Dak li hasset itini l-fiduċja f’dak iż-żmien ta’Fr Arrupe (superjur general ital-Ġiżwiti bejn 1965 u 1983) kien-il fatt li Fr Arrupe kien bniedem ta’ talb, bniedem li kien iqatta’ ħafna ħin fit-talb. Niftakru jitlob bil-qiegħda ma’ l-art, kif jagħmlu l-Ġappuniżi.  Minħabba dan hu kellu l-atteġġjament it-tajjeb u ħa d-deċiżjonijiet it-tajbin”.

 

Il-mudell: Pietro Favre, “saċerdot riformat”

Hawn kont qed naħseb nistaqsi lill-Papa jekk fost il-Ġiżwiti, mill-bidu tal-Kumpanija sal-lum, kienx hemm minn laqtu b’mod partikulari. U jekk hemm, min huma u għaliex.  Il-Papa beda billi semmieli lil Injazju (il-fundatur tal-Ġiżwiti) u Franġisku Saverju, imma mbagħad waqaf fuq figura li l-Ġiżwiti jafuha, imma mhijiex magħrufa ħafna mill-publiku in genere: il-Beatu Pietru Favre (1506-1546), mis-Savoja.  Kien wieħed mill-ewwel sieħba ta’ Sant’Injazju, in fatti kien l-ewwel wieħed, li miegħu kien jaqsam il-kamra meta t-tnejn kienu studenti fl-Università ta’ Pariġi.  It-tielet wieħed fl-istess kamra kien Franġisku Saverju. Piju IX iddikjarah lil Faber beatu fil-5 ta’ Settembru 1872, u għadu għaddej il-proċess tal-kanonizzazzjoni. 

Il-Papa semmieli edizzjoni tal-Memoriales tax-xogħolijiet ta’ Faber, u meta hu kien superjur provinċjali fl-Arġentina qabbad żewġ Ġiżwiti speċjalisti, Miguel A. Fiorito u Jaime H. Amadeo, jeditjawha u jippublikawha. L-edizzjoni li lill-Papa togħġbu b’mod partikulari hi dik ta’ Michel de Certeau. Allura staqsietu għaliex jolqtu propju Favre, liema aspetti tal-figura tiegħu jimpressjonawh. 

 “Id-djalogu (tiegħu) ma’ kulħadd, wkoll ma’ aktar imbiegħda u saħansitra ma’ dawk li kienu kontra tiegħu; id-devozzjoni sempliċi, ċerta inġenwità forsi, id-disponibbiltà immedjata, id-dixxerniment interjuri tiegħu hekk attent, il-fatt li kien bniedem ta’ deċiżjonijiet kbar u qawwija u fl-istess kien kapaċi jkun hekk ġentili u juri ħlewwa.”

Waqt li l-Papa Franġisku kien qed jagħmel din il-lista ta’ karatteristiċi personali tal-Ġiżwita preferit tiegħu, fhimt kemm din il-figura kienet għalih tassew mudell ta’ ħajja.  Michel de Certeau jiddefinixxi lil Favre sempliċement bħala s-“saċerdot riformat”, li għalih l-esperjenza interjuri, l-espressjoni dommatika u r-riforma strutturali huma intimament inseparabbli.  Għalhekk donni fhimt li l-Papa Franġisku jħossu ispirat lejn din it-tip ta’ riforma. Il-Papa mbagħad kompla b’riflessjoni fuq il-veru wiċċ tal-fundador tal-Kumpanija

“Injazju hu mistiku, m’hux axxeta”, qal il-Papa.Niddejjaq meta nisma’ lil min jgħid li l-Eżerċizzi Spiritwali huma Injazjani biss għaliex isiru fis-silenzju.  Fir-realtà l-Eżerċizzi jistgħu jkunu perfettament Injazjani wkoll fil-ħajja ta’ kuljum u mingħajr silenzjuL-interpretazzjoni ta’ l-Ezerċizzi Spiritwali li tagħmel emfasi fuq l-axxetiċizmu, is-silenzju u l-penitenza hija deformazzjoni li nxterdet ukoll fil-Kumpanija speċjalment fi Spanja. Jien min-naħa tiegħi nħossni qrib lejn il-kurrent mistiku, dak ta’ Louis Lallemant u ta’ Jean-Joseph Surin.  U Favre kien mistiku”.

L-esperjenza tat-tmexxija

Liema tip ta’ esperjenza fit-tmexxija, l-ewwel bħala superjur Ġiżwita u mbagħad bħala superjur provinċjali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, setgħet timmatura lil Fr Bergoglio?  L-istil ta’ tmexxija tal-Kumpanija jimplika d-deċiżjoni min-naħa tas-superjur, imma wkoll konsultazzjoni estensiva mal-konsulturi uffiċjali tiegħu. U għalhekk staqsejt lill-Papa: “Taħseb li l-esperjenza fit- tmexxija li kellek fl-imgħoddi tista’ tgħinek biex tmexxi tal-Knisja universali?”. Wara pawża qasira ta’ riflessjoni l-Papa Franġisku isserja, imma baqa’ seren ħafna u wieġeb: 

“Fl-esperjenza tiegħi ta’ superjur fil-Kumpanija, biex ngħid is-sew, jien mhux dejjem ġibt ruħi b’dak il-mod, jiġifieri li mhux dejjem għamilt il-konsultazzjonijiet meħtieġa.  U din ma kinitx ħaġa tajba. L-istil ta’ tmexxija tiegħi bħala Ġiżwita għall-bidu kien fih ħafna nuqqasijiet. Dak kien żmien diffiċli għall-Kumpanija: ġenerazzjoni sħiħa ta’ Ġiżwiti kienet sparixxietMinħabba f’hekk jien sibt ruħi Provinċjal meta kont għadni daqshekk żgħir.  Kelli biss 36 sena: kienet ġennata. Kelli naffronta sitwazzjonijiet diffiċli, u ħadt deċiżjonijiet mgħaġġla u waħdi. Iva, imma rrid inżid ngħid: meta jien nafda xi ħaġa f’idejn xi ħadd, lil dik il-persuna nafdaha għal kollox. Dik il-persuna trid tagħmel żball verament kbir biex jien inwiddibha. Imma, minkejja dan, fl-aħħar mill-aħħar in-nies tejja bl-awtoritariżmu.

Il-mod awtoritarju u mgħaġġel li bih ħadt id-deċiżjonijiet wassalni biex kelli problemi serji u biex niġi akkużat li jien ultrakonservattiv. Meta kont Cordova għaddejt minn żmien ta’ kriżi kbira interjuri.  Bla dubju, qatt ma kont bħal Beata Imelda (twajjeb-twajjeb), imma qatt ma kont xellugi.  Kien il-mod awtoritarju tiegħi ta’ kif nieħu d-deċiżjonijiet li ħoloq il-problemi. 

Qed ngħid dawn l-affarijiet mill-esperjenza ta’ ħajti u biex infiehem x’inhuma l-perikli.  Biż-żmien tgħallimt ħafna affarijiet.  Il-Mulej ippermetta din il-pedagoġija ta’ tmexxija anki permezz tad-difetti u d-dnubiet tiegħi.  Hekk bħala Arċisqof ta’ Buenos Aires kull ħmistax kont insejjaħ laqgħa mas-sitt isqfijiet awżiljarji, u kemm-il darba fis-sena mal-Kunsill Presbiterali.  Kienu jsiru mistoqsijiet u jinfetaħ spazju għad-diskussjoni. Dan għenni ħafna biex nieħu l-aħjar deċiżjonijiet.  U issa nisma’ min jgħidli: ‘Tikkonsultax iżżejjed, u abqad u ddeċiedi’.  Imma jien nemmen li l-konsultazzjoni hi importanti ħafna. Il-Konċistorji (tal-Kardinali), is-Sinodi (tal-Isqfijiet), ngħidu aħna, huma postijiet importanti biex din il-konsultazzjoni nagħmluha vera u attiva.  Imma hemm bżonn nagħtuhom forma inqas riġida. Irrid konsultazzjonijiet reali, mhux tad-dieher.  Il-grupp konsultattiv ta’tmien kardinali, dan il-grupp konsultattiv outsider, m’hux biss deċiżjoni tiegħi, imma hu frott tar-rieda tal-kardinali, hekk kif ġiet espressa fil-Kongregazzjonijiet Ġenerali qabel il-Konklavi.  U rrid nara li din tkun Konsulta reali, mhux waħda ċeremonjali”.

 

“Inħossu mal-Knisja”

Nibqa’ fuq it-tema tal-Knisja u nipprova nifhem xi jfisser eżattament għall-Papa Franġisku dak li kiteb Sant’Injazju fl-Eżerċizzi Spitiwali tiegħu dwar li għandna “inħossu mal-Knisja”.  Il-Papa wieġeb bla tnikkir billi jitlaq minn xbieha. 

“Ix-xbieha li togħġobni tal-Knisja hi dik tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Din hi d-definizzjoni li jien nuża spiss, u wara kollox hi dik tal-Lumen gentium fin-numru 12.  L-appartenenza għal poplu għandha valur teoloġiku qawwi: Fl-istorja tas-salvazzjoni Alla salva poplu.  M’hemmx identità sħiħa mingħajr appartenenza għal poplu.  Ħadd ma jsalva waħdu, bħala individwu iżolat, imma Alla jattirana lejh waqt li jqis in-nisġa kumplessa ta’ relazzjonijiet li teżisti fil-komunità umana.  Alla jidħol f’din id-dinamika popolari. 

Il-poplu nnifsu jikkonstitwixxi suġġett.  U l-Knisja hi l-poplu ta’ Alla f’mixja tul l-istorja, bil-ferħ u n-niket tiegħu. ‘Sentire cum Ecclesia’ allura għalija tfisser il-mod kif jien nappartjieni għal dan il-poplu. U l-fidili kollha, meħuda kollha flimkien, huma infallibbli f’materji ttwemmin, u l-poplu juri din l-infallibilitas in credendo , din l-infallibiltà fit-twemmin permezz tas-sens sopranaturali tal-fidi tal-poplu kollu miexi flimkien. Hekk nifhem il-lum l-espressjoni ‘inħossu mal-Knisja’ li juża Sant’Injazju.  Meta d-djalogu bejn in-nies u l-Isqfijiet u l-Papa jimxi f’din it-triq u huwa ġenwin, allura għandu miegħu l-Ispirtu s-Santu.  Hekk li “tħoss mal-Knisja” ma tikkonċernax biss it-teoloġi.   

“Hekk l-istess fil-każ ta’ Marija: jekk trid tkun taf min hi, staqsi lit-teologi; jekk trid tkun taf kif tħobbha, staqsi lill-poplu.  Min-naħa tagħha, Marija ħabbet lil Ġesù bil-qalb ta’ poplu, kif naqraw fil-Magnificat.  Allura lanqas m’għandna naħsbu li l-‘inħossu mal-Knisja’ tfisser biss li nħossu mal-ġerarkika tal-Knisja”. 

Wara pawża qasira, il-Papa enfasizza dan li ġej biex jevita li jinftiehem ħażin: “U, ovvjament, irridu noqogħdu ħafna attenti biex ma naħsubx li din l-infallibilitas tal-fidili kollha li dwarha qed nitkellem fid-dawl tal-Konċilju Vatikan II hija xi forma ta’ populiżmu.  Le: hi l-esperjenza ta’ l-‘imqaddsa omm Knisja ġerarkika’, kif kien iħobb isejħilha Sant’Injazju, il-Knisja bħala poplu ta’ Alla, rgħajja u poplu flimkien.  Il-Knisja hi t-totalità tal-poplu ta’ Alla. 

Jien nara il-qdusija tal-poplu t’Alla, il-qdusija ta’ kuljum,” kompla jgħid il-Papa. “Hemm ‘klassi medja ta’ qdusija’ li lkoll nistgħu nagħmlu parti minnha, dik li dwarha jitkellem Malègue. Il-Papa hawn kien qed qed jirriferi għal Joseph Malègue, kittieb Franċiż għażiż għalih, li twieled fl-1876 u miet fl-1940, u b’mod partikulari għat-triloġija tiegħu li ma laħaqx lesta, Pierres noires. Les Classes moyennes du Salut.  Xi kritiċi Franċiżi sejħulu “il-Proust Kattoliku”.

“Jien nilmaħ il-qdusija – jissokta l-Papa – fil-paċenzja tal-poplu ta’ Alla: il-mara li trabbi l-ulied, ir-raġel li jaħdem biex iġib id-dar il-ħobża ta’ kuljum, il-morda, is-saċerdoti anzjani li għandhom tant ġrieħi imma li jġorru t-tbissima għax servew lill-Mulej, is-sorijiet li jaħdmu tant u li jgħixu qdusija moħbija. Din għalija hi l-qdusija komuni.  Spiss nassocja l-qdusija mal-paċenzja: mhux biss mal-paċenzja bħala hypomoné [kelma griega tat-Testnebt il-Gdid], li tieħu kontroll tal-ġrajjiet u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja, imma dik ta’fermezza li tibqa’ miexja bla ma tieqaf, jum wara l-ieħor.  Din hi l-qdusija ta’ l-Iglesia militante li dwarha jitkellem wkoll Sant’Injazju.  Din kienet il-qdusija tal-ġenituri tiegħi: ta’ missieri, ta’ ommi, ta’ nannti Rosa li għamlet tant ġid miegħi.  Fil-Brevjar jien għandi t-testment tan-nanna tiegħi Rosa, u spiss naqrah: għalija hu bħal talba.  Hi qaddisa li batiet ħafna, anki moralment, u dejjem baqgħet miexja ’l quddiem b’kuraġġ. 

Din il-Knisja li magħha għandna ‘inħossu’ hi d-dar ta’ kulħadd, mhux xi kappella ċkejkna li tista’ tħaddan fiha biss grupp żgħir ta’ persuni magħżula.  Ma rridux nirriduċu l-ġuf tal-Knisja universali għal bejta li tipproteġi l-medjokrità tagħna.  U l-Knisja hi Omm – kompla.  Il-Knisja tagħmel il-frott. Hekk għandu jkun. Ara, meta nsir naf b’xi mġieba negattiva ta’ ministri tal-Knisja jew ta’ persuni rġiel  jew nisa kkonsagrati, l-ewwel ħaġa li tiġini f’moħħi hi: ‘hawn għażeb bla frott’, jew ‘hawn xebba bla frott’.  La huma missirijiet u lanqas ommijiet f’sens li ma kinux kapaċi jagħtu l-ħajja spiritwali. Għall-kuntrarju, per eżempju, meta naqra l-ħajja tal-missjunarji Salesjani li marru fil-Patagonja, naqra storja mimlija ħajja, li tagħti l-frott. 

Eżempju ieħor ta’ żmienna li rajt li ġibed l-attenzjoni tal-ġurnali kienet it-telefonata li għamilt lil wieħed żagħżugħ li kien kitibli ittra.  Ċempiltlu għax dik l-ittra kienet tant sabiħa, tant sempliċi.  Għalija dan kien att ta’ fertilità. Irrealizzajt li dak kien żagħżugħ li qed jikber, li fija ra missier, u l-ittra kienet tgħid xi ħaġa minn ħajtu lil dak il-missier. Il-missier ma jistax jgħid ‘x’jimpurtani’.  Din il-fertilità tagħmilli ħafna ġid”.

 

Knejjes żgħażagħ u Knejjes antiki

Bqajt fuq it-tema tal-Knisja, u staqsejt lill-Papa mistoqsija fid-dawl ta’ l-aħħar Jum Dinji taż-Żgħażagħ: Din il-ġrajja kbira tefgħet il-fokus fuq iż-żgħażagħ, imma wkoll fuq il-‘pulmuni spiritwali’ li huma l-Knejjes Kattoliċi imwaqqfa storikament fi żmien reċenti. “X’inhuma,” staqsejtu, “it-tamiet tiegħek għall Knisja Universali li tara li joħorġu minn dawn il-Knejjes?”. 

Il-Papa wieġeb: “Il-Knejjes Kattoliċi żgħażagħ, huma u jikbru, jiżviluppaw sintesi ta’ fidi, kultura u ħajja, u għalhekk hija sintesi differenti minn dik żviluppata mill-Knejjes antiki.  Għalija, ir-relazzjoni bejn il-Knejjes Kattoliċi antiki u dawk żagħżagħ hi simili għar-relazzjoni bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani f’soċjetà: jibnu l-futur, imma ta’ l-ewwel bis-saħħa tagħhom u l-oħrajn bl-għerf tagħhom.  Dejjem hemm riskji, ovvjament; il-Knejjes iżjed żgħażagħ jirriskjaw li jħossuhom awtosuffiċjenti, dawk l-iżjed qodma jirriskjaw li jkunu jridu jimponu fuq dawk żgħażagħ il-mudelli kulturali tagħhom.  Imma nibnu l-futur flimkien”.

 

Il-Knisja?  Sptar fuq il-kamp tal-battalja…

Meta ħabbar ir-rizenja tiegħu mill-Pontifikat, il-Papa Benedittu XVI, qal li d-dinja tal-lum hi maħkuma minn bidliet mgħaġġla u qed titqabad ma’ kwistjonijiet ta’ importanza kbira għall-ħajja tal-fidi. Biex titqabad ma’ dawn il-kwistjonijiet, kien qal Papa Benedittu, tinħtieg saħħa qawwija fil-ġisem u fir-ruħ. Staqsejt lill-Papa Frangisku, fid-dawl ta’ dak li kien qalli: “X’għandha bżonn il-Knisja f’dan il-mument storiku?  Ninħtieġu riformi?  X’tixtieq int għall-Knisja fis-snin li ġejjin?  X’forma ta’ Knisja ‘toħlom’?”.

Il-Papa Franġisku qabad ma’ l-incipit tal-mistoqsija tiegħi, u beda billi juri mħabba kbira u stima enormi lejn il-predeċessur tiegħu, u qal: “Il-Papa Benedittu wettaq ġest ta’ qdusija, ta’ kobor, ta’ umiltà.  Hu bniedem ta’ Alla”.

“Jien nara b’mod ċar – kompla jgħid – li dak li l-Knisja l-iżjed teħtieġ il-lum hija l-kapaċità li ddewwi l-ġrieħi u tħeġġeġ mill-ġdid il-qalb tal-fidili, li tkun qrib tagħhom, maġenbhom.  Il-Knisja naraha bħal sptar fuq il-kamp wara xi battalja.  Għalxejn tistaqsi lil xi ferut gravi jekk għandux il-kolesterol jew iz-zokkor għoli!  Trid iddewwilu l-ġrieħi.  Imbagħad nistgħu nitkellmu dwar il-bqija kollu.  Iddewwi l-ġrieħi, iddewwi l-ġrieħi…  U trid tibda tiela ’l fuq mill-aktar post baxx.

Il-Knisja xi kultant għalqet lilha nfisha ġo ħwejjeġ żgħar, fi preċetti ċkejknin.  Imma l-iktar ħaġa importanti hi l-ewwel bxara: ‘Ġesù Kristu salvak!’  U l-ministri tal-Knisja għandhom ikunu qabel kollox ministri ta’ ħniena. Il-konfessur, per eżempju, dejjem jirriskja li jkun jew aħrax iżżejjed jew laxk iżżejjed.  L-ebda wieħed minn dawn it-tnejn m’hu qed ikun ħanin, għax l-ebda wieħed minnhom m’hu qed jieħu ir-responsabbiltà tal-persuna. L-aħrax jaħsel idejh u jħalli f’idejn il-kmandament. Il-laxk jaħsel idejh xort’oħra billi sempliċement jgħidlu: ‘Dan m’hux dnub’ jew xi ħaġa hekk. Fil-ministeru pastorali għandna nakkumpanjaw il-persuni, u ndewwulhom il-ġrieħi.

Kif qed nittrattaw lill-poplu ta’ Alla?  Noħlom bi Knisja Omm u Ragħajja.  Il-ministri tal-Knisja għandhom ikunu mimlijin ħniena, jieħdu r-responsabbli għall-persuni, jakkumpanjawhom bħas-Samaritan it-Tajjeb li jaħsel, inaddaf, itaffi t-tbatija tal-proxxmu tiegħu.  Dan hu l-Vanġelu safi minn kollox. Alla hu ikbar mid-dnub.  Ir-riformi organizzattivi u strutturali huma sekondarji, jiġifieri jiġu wara.  L-ewwel riforma trid tkun dik tal-attitudni.  Il-ministri tal-Vanġelu għandhom ikunu persuni kapaċi jħeġġu l-qlub tan-nies, jimxu magħhom fid-dalma tal-lejl, ikunu jafu jiddjalogaw u wkoll jinżlu fil-lejl tagħhom, fid-dalma tagħhom, mingħajr ma jintilfu.  Il-poplu ta’ Alla jeħtieġ rgħajja u mhux funzjonarji jew skrivana ta’ l-Istat.  L-Isqfijiet, b’mod partikulari, iridu jkunu rġiel li  bil-paċenzja jifilħu jżommu ħajjin il-movimenti ta’ Alla fil-poplu tagħhom b’mod li ħadd ma jibqa’ lura. Imma wkoll għandhom ikunu kapaċi jakkumpanjaw il-merħla li tħoss fiha li tfittex toroq ġodda.

Flok ma nkunu biss Knisja li tilqa’ u tirċievi billi żżomm il-bibien tagħha miftuħa, ejjew infittxu li nkunu wkoll Knisja li ssib toroq ġodda, li hi kapaċi toħroġ minnha nfisha u tmur għand dawk li ma jiġux għall-quddies, għand min tbiegħed jew min hu indifferenti.  Xi kull tant dawk li telqu għamlu hekk għal raġunijiet li jekk nifhmuhom u niżnuhom tajjeb, jistgħu jwasslu biex ireġġgħuhom lura.  Imma għal dan jinħtieġu qlubija  u kuraġġ”.

Fhimt dak li kien qed jgħid il-Papa, u semmejtlu l-fatt li għandna nsara li qed jgħixu f’sitwazzjonijiet irregolari għall-Knisja jew qegħdin f’sitwazzjonijiet kumplessi li jfissru ġrieħi miftuħa. Semmejtlu d-divorzjati u lil dawk li reġgħu żżewġu, koppji omosesswali, u sitwazzjonijiet diffiċli oħra. X’forma ta’ pastorali nistgħu nagħmlu ma’ dawn? Liema għodda għandna nużaw?  Il-Papa wrini li fehem xridt ngħid u wiġibni:

“Jeħtieġ inħabbru l-Vanġelu f’kull rokna tat-triq, nippritkaw l-aħbar it-tajba tas-Saltna u ndewwu, wkoll bil-predikazzjoni tagħna, kull tip ta’ mard u ta’ ġrieħi.  Fi Buenos Aires kont nirċievi ittri minn persuni omosesswali, li qaluli li kienu ‘feruti soċjalment’ għax kienu jħossu li l-Knisja dejjem ikkundannathom.  Imma l-Knisja dan ma tridx tagħmlu.  Jien u ġej lura fil-vjaġġ tiegħi minn Rio de Janeiro għidt li jekk persuna omosesswali għandha rieda tajba u qed tfittex lil Alla, jien ma jien ħadd biex niġġudikaha.  Meta għidt dan jien kont qed intenni dak li jgħid il-Katekiżmu. Ir-reliġjon għandha dritt tesprimi l-fehma tagħha b’servizz lin-nies, imma Alla fil-ħolqien għamilna ħielsa: l-indħil spiritwali fil-ħajja personali m’għandux ikun. 

Darba waħda kien hemm persuna li, biex tipprovokani staqsietni iniex favur l-omosesswalità.  Jien dak in-nhar weġibtha b’mistoqsija oħra: ‘Għidli, meta Alla jħares lejn persuna omosesswali, japprova l-eżistenza tagħha billi jħobbha jew jistmerrha u jikkundannaha?’.Għandna dejjem inħarsu lejn il-persuna.  Hawn nidħlu fil-misteru tal-bniedem.  Fil-ħajja, Alla jimxi mal-persuni, u aħna għandna nimxu magħhom billi nitilqu minn fejn jinsabu huma. Jeħtieġ li nimxu magħhom bil-ħniena.  Meta jseħħ dan, l-Ispirtu s-Santu jispira lis-saċerdot biex jgħid il-kelma t-tajba.

Dan hu wkoll il-kobor tal-Qrar bħala sagrament: li fih niżnu każ b’każ, u nistgħu niddixxernu x’inhu l-aħjar li nagħmlu għal persuna li qed tfittex lil Alla u l-grazzja tiegħu.  Il-konfessjonarju m’hux xi kamra tat-tortura, imma l-post tal-ħniena li fih il-Mulej iħeġġiġna biex nagħmlu l-aħjar li nistgħu. Tiġini f’moħħi wkoll is-sitwazzjoni ta’ mara li fil-passat kellha żwieġ li falla u li wkoll kienet għamlet l-abort.  Imbagħad din il-mara reġgħet iżżewġet u issa tinsab kuntenta u għandha ħamest ulied. L-abort sar toqol kbir fuq il-kuxjenza tagħha u nidmet minnu sinċerament.  Tixtieq tibqa’ miexja ’l quddiem fil-ħajja Nisranija tagħha.  X’se jagħmel il-konfessur?

Ma nistgħux noqogħdu ninsistu biss fuq il-kwistjonijiet marbuta ma’ l-abort, maż-żwieġ omosesswali u mal-użu tal-metodi kontraċettivi. Ma jistax ikun.  Jien ma tantx tkellimt fuq dawn il-ħwejjeġ, u ċanfruni minħabba f’hekk. Imma meta nitkellmu fuqhom, għandna nitkelmu fuqhom f’kuntest. Mill-bqija, il-parir li tagħti l-Knisja huwa ċar, u jien bin il-Knisja, imma m’hemmx bżonn noqogħdu nitkellmu fuq dan il-ħin kollu.

It-tagħlim dommatiku u morali tal-Knisja m’għandux kollu l-istess valurIl ministeru pastorali tal-Knisja ma jistax ikun ossessjonat bil-għoti b’mod disordinat ta’ għadd ta’ duttrini u jkunu impost b’insistenza. Il-forma li jużaw il-misjunarji hi dik li jikkonċentraw fuq dak li hu essenzjali, fuq il-ħwejjeġ meħtieġa: dan hu li jsaħħar u li l-iżjed jattira, dan hu li jħeġġeġ il-qalb, kif ġralhom id-dixxipli ta’ Għemmaws.  Mela rridu nsibu bilanċ ġdid, inkella wkoll l-binja morali tal-Knisja  tirriskja li taqa’ bħal ma taqa’ dar tal-karti, titlef il-freskezza u l-fwieħa tal-Vanġelu.  Il-proposta Evanġelika trid tkun iżjed sempliċi, profonda, u tirradja d-dawl.  Umbagħad  minn din il-proposta joħorġu l-konsegwenzi morali.

“Jien u ngħid dan tini f’moħħi wkoll il-predikazzjoni u l-kontenut tal-predikazzjoni tagħna.  Omelija sabiħa, omelija vera, trid tibda bl-ewwel tħabbira, bit-tħabbira tas-salvazzjoni.  M’hemm xejn iżjed solidu, profond u fiż-żgur minn din it-tħabbira.  Imbagħad trid issir katekeżi.  Fl-aħħar nett nistgħu noħorġu wkoll konsegwenza morali.  Imma t-tħabbira ta’ l-imħabba salvifika ta’ Alla tiġi qabel l-obbligazzjoni morali u reliġjuża.  Il-lum xi kultant iktar jidher li qed jirbaħ l-ordni oppost. L-omelija hi l-blata tal-paragun biex inkejlu kemm ir-ragħaj hu qrib tal-poplu tiegħu u kemm hu kapaċi jiltaqa’ miegħu, għax min jippriedka għandu jagħraf il-qalb tal-komunità tiegħu u jara fejn ix-xewqa għal Alla hija ħajja u mħeġġa. Ġhalhekk il-messaġġ tal-Vanġelu mgħandux jirriduċci ruħu għal xi aspetti li, għalkemm rilevanti, ma jurux waħidhom il-qalba tal-messaġġ ta’ Ġesù Kristu.”

 

L-ewwel Papa reliġjuż wara 182 sena…

Il-Papa Franġisku hu l-ewwel Papa li ġej minn Ordni Reliġjuż wara l-Kamaldoliż Girgor XVI, elett fl-1831, mija u tnejn u tmenin sena ilu.  Għalhekk staqsejtu: “Il-lum x’inhu l-post speċifiku tar-reliġjużi rġiel u nisa fil-Knisja?”.

“Ir-reliġjużi huma profeti. Huma dawk li għażlu sequela ta’ Ġesù li fiha jimitaw ħajtu bl-ubbidjenza lejn il-Missier, il-faqar, il-ħajja fil-komunità u l-kastità.  F’dan is-sens, il-voti m’għandhomx jispiċċaw ikunu karikaturi, għax inkella, ngħidu aħna, il-ħajja tal-komunità tispiċċa ssir infern u l-kastità issir mod ta’ ħajja għall-għożieba. Il-vot tal-kastità għandu jkun vot ta’ ħajja għammiela.  Fil-Knisja, r-reliġjużi huma msejħa biex ikunu profeti b’mod partikulari billi juru kif Kristu għix fuq din l-art, u biex iħabbru kif is-Saltna ta’ Alla għad tkun fil-perfezzjoni tagħha. Min hu reliġjuż qatt ma jista’ jiċħad il-profezija. Dan ma jfissirx li jmur kontra l-parti ġerarkika tal-Knisja, għalkemm il-funzjoni profetika u l-istruttura ġerarkika ma jmorrux ma’ xulxin.  Qed nitkellem dwar proposta li hija dejjem pożittiva, imma li m’għandhiex iġġib nuqqas ta’ kuraġġ.  Niftakru f’dak li għamlu tant qaddisin, irħieb, reliġjużi rġiel u nisa, sa minn Sant’Anton Abbati ’l quddiem.  Li nkunu profeti jista’ kultant jimplika li tqanqal mewġ. Ma nafx kif impoġġiha …  Il-profezija tagħmel ħoss, storbju, xi wħud jgħidutaħwida’.  Imma fir-realtà, il-kariżma tar-reliġjużi hi bħal ħmira: il-profezija tħabbar l-ispirtu tal-Vanġelu”.

 

Dikasteri Rumani, sinodalità, ekumeniżmu

F’rabta mar-riferenza għall-ġerarkija, staqsejt lill-Papa x’jaħseb dwar id-dikasteri tal-Kurja Rumana, id-dikasteri varji li jgħinu lill-Papa fil-missjoni tiegħu.

Wiġibni “Id-dikasteri Rumani qegħdin hemm għas-servizz tal-Papa u ta’ l-Isqfijiet: għandhom jgħinu kemm lill-Knejjes partikulari kif ukoll lill-Konferenzi Episkopali. Huma mekkaniżmi ta’ għajnuna. Imma f’xi każi, meta ma jkunux qed jaħdmu tajjeb, jirriskjaw li jsiru organiżmi ta’ ċensura.  Impressjonanti l-għadd ta’ rapporti li jaslu Ruma dwar nuqqas ta’ ortodossija.  Naħseb li dawn il-każi għandhom jiġu trattati mill-Konferenzi Episkopali lokali, li jsibu l-għajnuna siwja minn Ruma. Fil-fatt, dawn il-każi jistgħu jiġu ttrattati aħjar lokalment. Id-dikasteri Rumani huma medjaturi, mhux sensala jew maniġers”.

Fakkart lill-Papa li fid-29 ta’ Ġunju li għadda, waqt iċ-ċerimonja tal-barka u l-għoti tal-pallju lil 34 arċisqof metropolita, kien semma “it-triq tal-sinodalità” bħala t-triq li twassal lill-Knisja magħquda biex “tikber f’armonija mas-servizz tal-primat”. Allura staqsejtu “Kif nistgħu inżommu f’armonija waħda l-primat Petrin u s-sinodalità? Liema huma t-toroq li għandna naqbdu, anki f’perspettiva ekumenika?”.

Il-Papa wieġeb, “Iva, jeħtieġ nimxu flimkien: in-nies, l-Isqfijiet u l-Papa.  Is-sinodalità rridu ngħixuha fuq bosta livelli. Forsi wasal iż-żmien li nbiddlu l-metodoloġija tas-Sinodu tal-Isqfijiet, għax jidhirli li dik attwali mhix dinamika.  Dan jista’ jkollu wkoll valur ekumeniku, speċjalment ma’ ħutna l-Ortodossi. Minnhom nistgħu nitgħallmu iżjed dwar is-sens tal-kolleġġjalità episkopali u dwar it-tradizzjoni sinodali.  L-isforz tar-riflessjoni flimkien, waqt li nħarsu lejn kif kienet titmexxa l-Knisja fl-ewwel sekli, qabel ix-xiżma bejn Lvant u Punent, għad jagħti l-frott fi żmienu. Fir-relazzjonijiet ekumeniċi hu importanti mhux biss li nsiru nafu aħjar lil xulxin, imma wkoll li nagħrfu dak li l-Ispirtu żera’ fl-oħrajn bħala don għalina. Irrid inkompli din id-diskussjoni, li kienet bdiet fl-2007 mill-Kummissjoni Magħquda [Kattolika-Ortodossa] dwar kif għandu jkun eżerċitat l-primat Petrin, u li wasslet biex ikun iffirmat id-Dokument ta’ Ravenna.  Jeħtieġ inkomplu fuq din it-triq”. 

Staqsejt kif il-Papa kif jaħseb li għad tkun l-għaqda futura tal-Knisja fid-dawl ta’ din it-tweġiba. Wieġeb: “Jeħtieġ nimxu magħquda fid-differenzi tagħna: m’hemmx triq oħra biex ningħaqdu ħlief din.  Din hi t-triq ta’ Ġesù”.

 

In-Nisa fil-Ħajja tal-Knisja

U r-rwol tal-mara fil-Knisja? Il-Papa kemm-il darba rrefera għal din it-tema f’diversi okkażjonijiet. F’waħda mill-intervisti kien qal li l-preżenza femminli fil-Knisja ma tantx ħarġet għax it-tentazzjoni tal-maskiliżmu ma ħallietx spazju biex jidher kif jixraq ir-rwol tan-nisa fil-komunità. Reġa’ qabad fuq din it-tema waqt il-vjaġġ lura minn Rio de Janeiro fejn insista li għadha ma saritx teoloġija profonda tal-mara. Allura staqsejtu: “Liema għandu jkun ir-rwol tal-mara fil-Knisja?  Kif nistgħu nagħmlu ir-rwol tagħhom iżjed viżibbli l-lum?”.

Wieġeb: “Jeħtieġ inżidu l-ispazji ta’ preżenza femminili u li tkun iżjed qawwija fil-Knisja.  Nibża’ mis-soluzzjoni tal-‘machismo bid-dublett’, għax fil-verità l-mara għandha struttura differenti minn dik ta’  raġel.  U min-naħa l-oħra d-diskors li qed nisma’ dwar ir-rwol tal-mara qed ikun spiss ispirat propju minn ideoloġija ta’ machismo. In-nisa qed jagħmlulna mistoqsijiet profondi li jeħtieġ inwieġbuhom.  Il-Knisja ma tistax tkun dak li hi mingħajr il-mara u r-rwol tagħha.  Il-mara hi essenzjali għall-Knisja.  Marija, mara, hi iżjed importanti mill-Isqfijiet. Qed ngħid dan għax m’għandniex inħaltu funzjoni madinjità.  Għalhekk irridu napprofondixxu aħjar ir-rwol tal-mara fil-Knisja. Jeħtieġ naħdmu iżjed biex ikollna teoloġija profonda dwar il-mara. Biss jekk nagħmlu din il-qabża nkunu nistgħu nirriflettu aħjar fuq il-funzjoni tal-mara fil-Knisja.  Neħtieġu l-ġenju femminili meta nieħdu deċiżjonijiet importanti. L-isfida tal-lum hi propju din: li nirriflettu fuq il-post speċifiku tal-mara wkoll fejn qed tiġi mħaddma l-awtorità fid-diversi oqsma tal-Knisja”.

 

Il-Konċilju Vatikan II

Staqsejt lill-Papa, “X’kiseb il-Konċilju Vatikan II?  X’fisser?”. Staqsejtu dan fid-dawl ta’ l-istqarrijiet li kien għadu kemm għamel, u immaġinajt li se tiġi tweġiba twila u artikulata.  Minflok, kelli l-impressjoni li l-Papa sempliċement kien iqis il-Konċilju bħala fatt tant indiskutibbli li ma kienx hemm għalfejn jitkellem fuqu fit-tul biex bħal kieku jfakkar fl-importanza tiegħu.

“Il-Vatikan II kien il-qari mill-ġdid tal-Vanġelu fid-dawl tal-kultura kontemporanja”, qalli l-Papa.  “Il-Vatikan II ġab moviment ta’ tiġdid li sempliċement ġej mill-istess Vanġelu.  Il-frott hu bil-kotra.  Biżżejjed nħarsu lejn il-liturġija.  Il-ħidma tar-riforma liturġika kienet servizz lill-poplu bħala qari mill-ġdid tal-Vanġelu li telaq minn sitwazzjoni storika konkreta.  Iva, hemm linji ta’ ermenewtika ta’ kontinwità u ta’ diskontinwità, imma ħaġa waħda hi ċara: id-dinamika tal-qari tal-Vanġelu li tattwalizza il-messaġġ tiegħu illum – din kienet tipika ta’ Vatikan II – u li hija assolutament irriversibbli. Imbagħad hemm kwistjonijiet partikulari bħalma hi l-liturġija skond il-Vetus Ordo.  Naħseb li d-deċizjoni tal-Papa Benedittu [dik tas-7 ta’ Lulju 2007 li ippermetta aktar uzu  tal-quddiesa Tridentina) kienet prudenti u motivata mix-xewqa li kellu li jgħin lil dawk li kellhom din is-sensibilità. Min-naħa l-oħra jħassibni r-riskju li l-Vetus Ordo jkun ideolizzat, li jkun explojtizzat.

 

Infittxu u nsibu lil Alla f’kollox

Id-diskors tal-Papa Franġisku dwar l-isfidi tal-lum hu bilanċjat ħafna. Snin ilu kien kiteb li biex naraw ir-realtà jinħtieġ li nagħtu ħarsa ta’ fidi, inkella nkunu qed inħarsu lejn realtà tal-biċċiet, ifframmentata.  Din hi wkoll waħda mit-temi ta’ l-enċiklika Lumen fidei.  Għandi f’moħħi wkoll xi partijiet mid-diskorsi tal-Papa Franġisku fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Rio de Janiero.  Ikkwotajtlu: “Alla hu reali u juri ruħu l-lum”; “Alla jinsab kullimkien”.  Dawn il frażijiet huma bħal eku ta’ l-espressjoni Injazjana “infittxu u nsibu lil Alla f’kollox”. Għalhekk staqsejt lill-Papa: “Santità, kif tagħmel biex tfittex u ssib lil Alla f’kollox?”.

“Dak li għidt f’Rio għandu valur temporali. Fil-fatt teżisti t-tentazzjoni li nfittxu lil Alla fil-passat jew fil-futur.  Alla jinsab tabilħaqq fil-passat, għax jinsab fil-marki tal-passi li ħallielna warajh.  U jinsab ukoll fil-futur bħala wegħda. Imma l-Alla ‘konkret’, biex ngħidu hekk, hu l-lum. Għalhekk it-tgemgim qatt u qatt ma jgħinna nsibu lil Alla. It-tgemgim tal-lum fuq kif miexja din id-dinja ‘barbarika’ – dan it-tgergir jispiċca biex inissel ġewwa l-Knisja xewqat li jkun hemm ordni fis-sens ta’ konsevazzjoni pura bħala difiza. Le: lil Alla niltaqgħu miegħu fid-dinja tal-lum.

Alla jimmanifesta ruħu f’rivelazzjoni storika, fiż-żmien. Iż-żmien jibda l-proċessi, u l-ispazju jikkristallizzahom.  Lil Alla nsibuh fiż-żmien, fil-proċessi.   

 

Ma rridux nikkonċentraw li nokkupaw l-ispazji fejn hemm il-poter, imma li nagħtu bidu għall-proċessi twal fl-istorja. Nagħtu bidu għall-proċessi aktar milli nokkupaw spazji.  Alla juri ruħu fiż-żmien u hu preżenti fil-proċessi ta’ l-istorja.  Dan jagħti prijorità lill-azzjonijiet li jnisslu dinamika storika ġdida. U din titlob paċenzja, li wieħed jistenna”.

 

Li niltaqgħu ma’ Alla f’kollox m’hux xi eureka empiriku.  Fil-fond ta’ qalbna, meta nixtiequ niltaqgħu ma’ Alla, inkunu nixtiequ nivverifikawh minnufih b’metodu empiriku. Ma tiltaqax hekk ma’ Alla. Tiltaqa’ miegħu fil-fewġa ħafifa li ħass Elija.  Is-sensi li jsibu lil Alla huma dawk li Sant’Injazju jsejjaħ is-‘sensi spiritwali’.  Injazju jitlobna niftħu s-sensibbiltà spiritwali biex niltaqgħu ma’ Alla lil hemm minn mod purament empiriku ta’ kif nersqu lejh. Jinħtieġ  atteġġjament kontemplattiv: u li nħossu li għandna nimxu fit-triq it-tajba tal-komprensjoni u ta’ l-imħabba fil-konfront ta’ l-affarijiet u tas-sitwazzjonijiet.  Is-sinjal li jurina li qegħdin f’din il-mixja hu dak tal-paċi profonda, tal-faraġ spiritwali, ta’ l-imħabba ta’ Alla, u li nħarsu lejn il-ħwejjeġ kollha f’Alla”.

 

Ċertezza u żbalji

“Jekk li tiltaqa’ ma’ Alla f’kollox m’hux xi ‘eureka empiriku’ – għidt   lill-Papa – u jekk allura qed nitkellmu dwar mixja li taqra l-istorja, nistgħu anki nagħmlu xi żbalji…”.

“Iva, f’dan il-proċess li fih infittxu u nsibu lil Alla f’kollox tibqa’ dejjem zona ta’ inċertezza.  Għandu jkun hekk!  Jekk persuna tgħid b’ċertezza totali li ltaqgħet ma’ Alla u li mgħandha anqas l-iċken dubbju, allura hemm xi ħaġa m’hix sew.  Għalija, minn dan insolvu d-diffikultà. Jekk wieħed għandu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha, din hi l-prova li Alla m’hux qiegħed miegħu.  Ifisser li hu profeta falz, li juża r-reliġjon għall interess personali.  Il-mexxejja kbar tal-poplu ta’ Alla, bħal Mosè, dejjem ħallew spazju għad-dubju.  Irridu nħallu spazju għall-Mulej, mhux għaċ-ċertezzi tagħna; jeħtieġ inkunu umli.  L-inċertezza tiġi f’kull dixxerniment veru li hu miftuħ għall-konferma tal-faraġ spiritwali.

Għalhekk ir-riskju li nfittxu u nsibu lil Alla f’kollox hu li nkunu rridu nfissru żżejjed, li ngħidu b’ċertezza umana u b’arroganza: ‘Alla qiegħed hawn’.  Nispiċċaw insibu biss alla għall-qies tagħna.  L-atteġġjament it-tajjeb hu dak Agostinjan: infittxu lil Alla biex insibuh, u nsibuh biex infittxuh dejjem iżjed.  U spiss infittxu daqs kieku konna għomja, kif naqraw fil-Bibbja.  Din hi l-esperjenza tal-Missirijietna l-Kbar tal-fidi tagħna, li huma l-mudelli tagħna. Hemm bżonn naqraw mill-ġdid il-kapitlu 11 ta’ l-Ittra lil-Lhud.  Abraham bil-fidi telaq lil daru bla ma kien jaf fejn sejjer. L-antenati kollha tal-fidi tagħna mietu jaraw il-ġid imwiegħed lilhom, imma mill-bogħod…  Ħajjitna mhijiex mgħotija lilna bħal librett ta’ l-opra li fuqu hemm miktub kollox, imma tfisser li nitilqu, nimxu, naħdmu, infittxu, naraw…  Irridu nidħlu fl-avventura tat-tiftixa tal-laqgħa tagħna m’Alla, għandna inħallu lil Alla jfittixna u jiltaqa’ magħna.

Għax Alla jiġi qabel, Alla dejjem jiġi qabilna, Alla primerea.  Alla xi ftit jew wisq hu bħall-fjura tal-lewża ta’ Sqallija tiegħek, Antonio, li dejjem hi l-ewwel waħda li twarrad.  Dan naqrawh fil-Profeti.  Mela, lil Alla niltaqgħu miegħu waqt li nimxu fit-triq.  U hawnhekk jaf jiġi xi ħadd u jgħidli li dan hu relattiviżmu.  Hu relattiviżmu?  Iva, jekk jinftihem ħażin, bħal speċi ta’ panteiżmu vag.  Le, jekk nifhmuh f’sens Bibliku, fejn Alla hu dejjem sorpriża, allura qatt ma taf fejn u kif ħa nsibuh; mhux int li tiffissa l-ħin u l-post fejn tiltaqa’ miegħu. Mela għandek  tiddixxerni din il-laqgħa.  Id-dixxerniment hu essenzjali.

Jekk in-Nisrani hu restorazzjonista, legalista, jekk irid kollox ċar u fiż-żgur, allura jispiċċa biex ma jsib xejn.  It-tradizzjoni u l-memorja tal-passat għandhom jgħinuna biex ikollna l-kuraġġ li niftħu spazji ġodda lil Alla.  Min illum qed ifittex dejjem soluzzjonijiet dixxiplinari, min jorbot b’mod esaġerat fuq iċ-‘ċertezza’ duttrinali, min b’ras iebsa jfittex passat li m’għadux jezisti, għandu viżjoni statika u qed iħares biss lejh innifsu.  U b’dan il-mod il-fidi ssir ideoloġija fost il-ħafna ideoloġiji oħra. Jien għandi ċertezza dommatika: Alla jinsab fil-ħajja ta’ kull persuna, Alla jinsab fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Ukoll jekk il-ħajja ta’ persuna kienet diżastru, jekk hi mkissra bil-vizzji, bid-droga u b’kull ħaġa oħra, Alla jinsab f’ħajjitha.  Nistgħu u għandna nfittxu ’Alla f’kull ħajja umana.  Ukoll jekk il-ħajja ta’ pesuna hi art mimlija bix-xewk u l-ħaxix ħażin, dejjem hemm spazju fejn iż-żerriegħa t-tajba tista’ tikber.  Jeħtieġ nafdaw f’Alla”.

 

Għandna nkunu ottimisti?

Dawn il-kelmiet tal-Papa jfakkruni f’xi riflessjonijiet tiegħu tal-imgħoddi, li fihom bħala Kardinal kien kiteb li Alla diġà jgħix fil-belt, f’nofs kulħadd u magħqud ma’ kull wieħed u waħda minna.  Hu mod ieħor, skond jien, li tgħid kif kiteb Sant’Injazju fl-Eżerċizzi Spiritwali, jiġifieri li Alla “jaħdem u jopra” fid-dinja tagħna.  Għalhekk staqsejt lill-Papa: “Għandna nkunu ottimisti?  Liema huma s-sinjali ta’ tama fid-dinja tallum?  Kif inkunu ottimisti f’dinja li tinsab fi kriżi?”.

Wieġeb: “Lili ma tantx togħġobni l-kelma ‘ottimiżmu’, għax din tfisser atteġġjament psikoloġiku.  Iktar nippreferi nuża l-kelma ‘tama’ skond dak li naqraw fil-kapitlu 11 ta’ l-Ittra lil-Lhud li kkwotajt qabel.  Il-Patrijarki komplew mexjin, qalb diffikultajiet kbar.  U t-tama ma tqarraqx bina, kif naqraw fl-Ittra lir-Rumani.  Min-naħa l-oħra, issuġġerixxa l-Papa, aħseb ftit fl-ewwel enigma tat-Turandot ta’ Puccini”. 

Dak il-ħin qallibt ftit fil-memorja biex niftakar il-versi ta’ dik l-enigma tal-prinċipessa li bħala tweġiba għaliha għandha t-tama: Nella cupa notte vola un fantasma iridescente. / Sale e spiega l’ale / sulla nera infinita umanità. / Tutto il mondo l’invoca / e tutto il mondo l’implora. / Ma il fantasma sparisce con l’aurora / per rinascere nel cuore. / Ed ogni notte nasce / ed ogni giorno muore! (“Fil-lejl mudlam ittir fantażma tibdel l-ilwien. / Togħla u tiftaħ ġwenħajha / fuq id-dlam infinit ta’ l-umanità. / L-art kollha ssejħilha / u l-art kollha tridha. / Imma l-fantażma tgħib maż-żerniq / biex titwieled mill-ġdid fil-qalb. / U kull lejl titwieled / u kull jum hi tmut!”).  Versi li jikxfu x-xewqa għal tama li hawn, imma, hi fantażma li tibdel ilwienha u li tgħib ma’ tlugħ ix-xemx.

Ara – kompla l-Papa Franġisku – it-tama Nisranija m’hix fantażma u ma tqarraqx. Hi virtù teologali u għalhekk, b’mod definittiv, hi don ta’ Alla li ma tistax tillimitah għal sempliċi ottimiżmu, li hu biss uman.  Alla ma jqarraqx bit-tama, ma jistax jiċħad lilu nnifsu.  Alla hu kollu kemm hu wegħda”.

 

L-arti u l-kreattività

Bqajt milqut mill-kwotazzjoni mit-Turandot f’rabta mal-misteru tat-tama.  Xtaqt nifhem aħjar liema huma r-riferimenti artistiċi u letterarji tal-Papa Franġisku.  Fakkartu li fl-2006 kien qal li l-artisti jafu jippreżentaw ir-realtajiet traġiċi u ta’ niket fil-ħajja b’mod sabiħ. Għalhekk staqsejtu liema huma l-artisti u l-kittieba li jippreferi; jekk hemmx xi ħaġa komuni bejniethom… 

“Ħabbejt ħafna awturi differenti minn xulxin. Jogħġbuni ħafna Dostoevski u Hölderlin. Minn Hölderlin nixtieq infakkar dik il-lirika li kiteb għal jum għeluq snin ta’nanntu li hi ta’ ġmiel liema bħalu, u li lili għamlitli tant ġid anki spiritwalment. Hi dik li tagħlaq bil-vers Che l’uomo mantenga quel che il fanciullo ha promesso(‘Jalla r-raġel iżomm dak li t-tifel kien wiegħed’).  Laqatni wkoll għax jien ħabbejt ħafna lil nannti Rosa, u f’dik il-poeżija Hölderlin jikkompara lil nanntu ma’ Marija li nisslet lil Ġesù, il-ħabib tad-dinja u ma qies lil ħadd bħala barrani. 

Qrajt tliet darbiet il-ktieb I Promessi Sposi u issa ukoll qiegħed fuq il-mejda biex nerġa’ naqrah.  Manzoni għamilli tant ġid. In-nanna tiegħi, meta kont għadni tfajjel, għallmitni bl-amment il-ftuħ ta’ dan il-ktieb: Quel ramo del lago di Como, che volge a mezzogiorno, tra due catene non interrotte di monti….  Ukoll Gerard Manley Hopkins jogħġobni ħafna.

“Fost il-pitturi kbar nammira lil Caravaggio: il-kwadri tiegħu jkellmuni.  Imma anki Chagall bil-Kruċifissjoni bajda tiegħu…

Fost il-mużiċisti nħobb lil Mozart, ovvjament.  Dak l-Et Incarnatus est tal-Missa mill-quddiesa in C minor ma jgħaddiha ħadd: twasslek għand Alla!  Inħobb lil Mozart kif esegwit minn Clara Haskil.  Mozart inħossu jimlieni: ma nistax naħseb fuqu, irrid nisimgħu.  Inħobb nisma’ lil Beethoven, imma b’mod Prometjan [oriġinali u kreattiv]. U l-interpretu l-iżjed prometjan għalija hu Furtwängler.  U mbagħad il-Passjonijiet ta’ Bach.  Is-silta minn Bach li l-iżjed inħobb hi l-Erbarme Dich, il-bikja ta’ Pietru mill-Passjoni skond Mattew.  Sublimi.  Imbagħad, fuq livell differenti, mhux intimu bl-istess mod, inħobb lil Wagner.  Nieħu gost nisimgħu, imma mhux dejjem. It-Tetralogia taċ-Ċurkett esegwita minn Furtwängler f’La Scala fl-1950 għalija hi l-aqwa.  Imma wkoll l-Parsifal esegwita fl-1962 minn Knappertsbusch.

Irridu nitkellmu wkoll dwar iċ-ċinema. La strada ta’ Fellini hu l-film li forsi l-iżjed ħabbejt.  Nidentifika ruħi ma’ dak il-film, li fih hemm riferiment impliċitu għal San Franġisk. Imbagħad naħseb li rajt il-films kollha ta’ Anna Magnani u Aldo Fabrizi meta kelli bejn l-għaxar snin u t-tnax-il sena.  Film ieħor li ħabbejt ħafna hu Roma città aperta.  Il-kultura ċinematografika tiegħi nafha fuq kollox lill-ġenituri tiegħi li spiss kienu jeħduna ċ-ċinema.

Imma b’mod ġenerali jiena nħobb l-artisti traġiċi, speċjalment l-iżjed klassiċi. Hemm definizzjoni sabiħa li Cervantes iqiegħed fuq fomm l-għażeb Carrasco biex ifaħħar l-istorja  ta’   Don Quixote: ‘It-tfal għandhom lilu f’idejhom, iż-żgħażagħ jaqrawh, l-adulti jifhmuh, ix-xjuħ iweġġħuh.  Għalija din tista’ tkun definizzjoni tajba tal-klassiċi”.

Intbaħt li kont qed inħossni mixrub minn dawn ir-riferimenti tiegħu, u li xtaqt nidħol f’ħajtu mill-bieb ta’ l-għażliet artistiċi tiegħu. Immaġinajt li kienet mixja twila biex interraqha kollha.  U tinkludi wkoll iċ-ċinema, min-Neorealiżmu Taljan għal Il pranzo di Babette. Ġewni f’moħħi awturi oħra u opri oħra li hu semma f’okkażjonijiet oħrajn, anki żgħar jew inqas magħrufa inkella lokali: minn Martín Fierro ta’ José Hernández għall-poeżija ta’ Nino Costa, għal Il grande esodo ta’ Luigi Orsenigo.  Imma ġewni f’moħħi wkoll Joseph Malègue u José María Pemán. U ovvjament Dante u Borges, imma wkoll Leopoldo Marechal, l-awtur ta’ Adán Buenosayres, El Banquete de Severo Arcángelo u Megafón o la guerra. 

B’mod partikulari ġieni f’moħħi Borges, għax tiegħu Bergoglio kellu konoxxenza diretta, meta, bħala professur ta’ tmienja u għoxrin sena, kien jgħallem il-Letteratura f’Santa Fé fil-Colegio de la Inmaculada Concepción.  Bergoglio kien jgħallem l-aħħar sentejn tal-Liċew u introduċa lill-istudenti tiegħu għall-kitba kreattiva. Kelli esperjenza simili għal tiegħu, meta kelli l-istess età tiegħu, fl-Istituto Massimo di Roma, meta waqqaft BombaCarta, u rrakkuntahielu.  Fl-aħħar tlabt lill-Papa biex jirrakkonta l-esperjenza tiegħu fit-tagħlin tal-litteratura lill-istudenti tal-iskola sekondarja..

“Kien ftit tar-riskju – iweġibni –.  Ridt nagħmel mod li l-istudenti tiegħi jistudjaw El Cid.  Imma lilhom ma kienx jogħġobhom. Huma riedu jaqraw lil García Lorca. Allura ddeċidejt li d-dar  jistudjaw El Cid, u waqt fil-lezzjonijiet jien nittratta l-awturi li kienu jogħġbu l-iżjed lill-istudenti tiegħi. Ovvjament iż-żgħażagħ riedu jaqraw l-opri letterarji li l-iżjed ‘jaħarqu’, uħud ta’ żmienhom bħal La casada infiel, jew klassiċi bħal La Celestina di Fernando de Rojas.  Imma x’ħin jaqraw dawn l-affarijiet li kienu jiġbduhom dak il-ħin, imbagħad kienu jakkwistaw il-gost ġenerali tal-letteratura, tal-poeżija, u jgħaddu għal awturi oħrajn.  U għalija din kienet esperjenza kbira. Komplejt bil-programm, imma b’mod de-strutturat, jiġifieri mhux skond l-ordni previst, imma skond ordni li kien jiġi naturali fil-qari ta’ l-awturi.  U dan il-mod ta’ kif nimxi kien jaqbel ħafna miegħi: ma kontx inħobb nagħmel programmazzjoni riġida, imma sempliċement li nkun naf bejn wieħed u ieħor fejn ridt nasal. Allura bdejt ukoll inħajjarhom jiktbu.  Fl-aħħar iddeċidejt li nibgħat lil Borges żewġ rakkonti miktuba mill-istudenti tiegħi.  Kont naf lis-segretarja tiegħu, li kienet il-professur tiegħi tal-pjanu.  Lil Borges dawk l-istejjer għoġbuh ħafna. U allura hu beda jikteb l-introduzzjoni  għall-kollezzjoni ta’ dawk il-kitbiet.” 

“Allura, Santità, il-kreattività hi importanti fil-ħajja ta’ persuna?”, staqsejtu. Hu daħak u weġibni: “Għal Ġiżwita hi estremament importanti!  Il-Ġiżwita għandu jkun kreattiv”.

 

Fruntieri u laboratorji

Mela, kreattività: għal Ġiżwita hi importanti.  Il-Papa Franġisku, meta laqa’ għandu l-patrijiet u l-kollaboraturi taċ-Civiltà Cattolica, kien elenka sett ta’ tliet karatteristiċi oħra importanti għall-ħidma kulturali tal-Ġiżwiti. Rġajt lura bil-memorja tiegħi għal dak il-jum, l-14 ta’ Ġunju li għadda. Niftakar li dak in-nhar, fil-kollokju ta’ qabel il-laqgħa mal-grupp kollu tagħna, kien ħabbarli liema kellhom ikunu dawn it-tlieta: djalogu, dixxerniment, fruntiera. Kien insista partikularment fuq l-aħħar punt, u kkowtali lil Pawlu VI, li f’diskors famuż lill-Ġiżwiti kien qal hekk: “Kullimkien fil-Knisja – wkoll fl-oqsma l-iżjed diffiċli u mbegħeda, f’salib it-toroq ta’ l-ideoloġiji, fit-trunċieri soċjali – fejn kien hemm u għadu hemm l-konversazzjoni bejn l-esiġenzi l-iżjed profondi tal-bniedem u l-messaġġ dejjiemi tal-Vanġelu, l-Ġiżwiti kienu hemm u għadhom hemm.

Tlabt lill-Papa Franġisku xi kjarifika u staqsejtu: “Tlabtna biex noqogħdu attenti li ma naqgħux fit-‘tentazzjoni li nimmansaw il-fruntieri: irridu mmorru fuq il-fruntieri u mhux inġibu l-fruntieri d-dar biex ngħattuhom b’xi ftit verniċ u nimmansawhom’.  Għal xiex kont qed tirreferi?  X’ridt tgħidilna eżattament?  Din l-intervista ġiet ippjanata minn grupp ta’ rivisti mmexxija mill-Kumpanija ta’ Ġesù: liema hi l-istedina li tixtieq tagħmlilhom?  Liema għandhom ikunu l-prijoritajiet tagħhom?”.

“It-tliet kelmiet-muftieħ li jien irrikmandajt liċ-Civiltà Cattolica nista’ nestendihom għar-rivisti kollha tal-Kumpanija, forsi b’emfasi differenti skond in-natura u l-għanijiet ta’ kull waħda.  Meta  ninsisti fuq il-fruntiera, inkun qed nirreferi b’mod partikulari għall-ħtieġa ta’ dawk li jaħdmu fid-dinja tal-kultura, li jkunu imdaħhlin fil-kuntest fejn jaħdmu u li fuqu jirriflettu. Dejjem hemm moħbi l-periklu li ngħixu f’laboratorju. Din tagħna m’hix fidi ta’ laboratorju, imma fidi ta’ mixja, fidi storika. Alla irrevela lilu nnifsu bħala storja, mhux bħala kompendju ta’ veritajiet astratti. Nibża’ minn laboratorji, għax fil-laboratorju taqbad il-problemi u umbagħad toħduhom id-dar biex timmanshom, biex tisbogħhom, ’il barra mill-kuntest tagħhom.  Ma tistax tieħu l-fruntiera d-dar, imma għandek tgħix fuq il-fruntiera u tkunu kuraġġjuż”.

Staqsejt lill-Papa jekk setax jagħti xi eżempju mill-esperjenza personali tiegħu. 

 

“Meta nitkellmu dwar problemi soċjali, mod wieħed hu li nagħmlu laqgħa biex nistudjaw il-problema tad-droga li teżisti fil-kwartieri foqra, u mod kompletament differenti li mmorru fil-post, ngħixu hemm u nifhmu l-problema minn ġewwa u nistudjawha. Pade Arrupe kien kitdeb ittra famiża liċ-Centros de Investigación y Acción Social (CIAS) dwar il-faqar, li fiha qalilhom ċar li ħadd ma jista’ jitkellem fuq il-faqar jekk ma jġarrbux b’inseriment dirett fil-postijiet fejn jgħixu l-fqar. Din il-kelma ‘inseriment’ hi perikuluża għax xi reliġjużi ħaduha bħala moda, u hekk seħħu d-diżastri minħabba nuqqas ta’ dixxerniment.  Imma dan hu verament importanti.

U l-fruntieri huma ħafna. Naħsbu fis-sorijiet li jgħixu fl-isptarijiet: huma jgħixu fil-fruntieri.  Jiena għadni ħaj grazzi għal waħda minnhom. Meta kont l-isptar b’ marda fil-pulmun, it-tabib tani ċerti dożi ta’ penisilin u l-istreptomiċina. Is-soru li kien hemm fis-sala żidithom bi tliet darbiet għax kellha l-intuwizzjoni, kienet taf tagħmel ix-xogħol tagħha sewwa, għax kienet dejjem mal-morda l-jum kollu.  It-tabib, li kien veru bravu, kien jgħix fil-laboratorju tiegħu, is-soru kienet tgħix fil-fruntiera, tiddjaloga mal-fruntiera kuljum.  Niddomestikaw il-fruntieri jfisser  nillimtaw ruħna għall-paroli minn xi pożizzjoni mbiegħda, ningħalqu fil-laboratorji.  Huma ħwejjeġ utli, imma r-riflessjoni għalina trid titlaq dejjem mill-esperjenza”.

 

Kif il-bniedem jifhem lilu nnifsu

Allura staqsejt lill-Papa jekk dan kienx jgħodd ukoll għall-fruntiera kulturali importanti li hi dik ta’ l-isfida antropoloġika. L-antropoloġija li fuqha tradizzjonalment mxiet il-Knisja u l-lingwaġġ li bih esprimietha baqgħu riferiment b’saħħtu, frott ta’ l-għerf u l-esperjenza ta’ sekli sħaħ. Imma l-bniedem li lejh il-Knisja qed iddur il-lum ma tantx jidher li għadu jifhimhom jew iħoss li huma biżżejjed.  Bdejt nirraġuna fuq il-fatt li l-bniedem qed jaqra lilu nnifsu b’mod differenti minn dak ta’ dari, b’kategoriji differenti. U dan ukoll minħabba il-bidliet kbar li seħħu fis-soċjetà u minħabba l-istudju iktar vast tal-bniedem fuqu nnifsu…

Il-Papa hawn qam u mar iġib il-Brevjar minn fuq l-iskrivanija tiegħu. Kien Brevjar bil-Latin,  mikul minħabba l-użu. Fetħu fuq l-Uffiċċju tal-Qari tal-Feria sexta, jiġifieri l-Ġimgħa, fis-sebgħa u għoxrin ġimgħa. Qara silta mill-Commonitórium Primum ta’ San Vinċenz ta’ Lerins: “Ita étiam christiánae religiónis dogma sequátur has decet proféctuum leges, ut annis scílicet consolidétur, dilatétur témpore, sublimétur aetáte (“Il-veritajiet tal-fidi fl-iżvilupp tagħhom jimxu wkoll fuq din il-liġi, u għalhekk matul is-snin jissaħħu, jikbru u nifhmuhom aħjar”).

U l-Papa kkummenta: “San Vinċenz ta’ Lerins jagħmel paragun bejn l-iżvilupp bijoloġiku tal-bniedem u t-trasmissjoni tad-depositum fidei minn epoka għall-oħra. Dan jikber u jissaħħaħ mal-medda tas-snin. Ara, il-fehma li għandu l-bniedem fuqu nnifsu tinbidel maż-żmien, u hekk l-bniedem isir konxju tieghu innifsu b’mod aktar profound. Ejja naħsbu f’meta l-iskjavitù kien permess jew il-piena tal-mewt kienet aċċettata mingħajr diffikultà ta’ xejn.  Hekk aħna nikbru fl-għarfien tal-verità. L-eseġeti u t-teologi jgħinu lill-Knisja timmatura fil-ġudizzju tagħha. Ukoll ix-xjenzi l-oħra u l-iżvilupp tagħhom jgħinu lill-Knisja biex tikber fil-fehma. Hemm regoli u preċetti ekklesjastiċi li fl-imghoddi kienu effikaċi, imma issa tilfu l-valur jew is-sinifikat tagħhom.  Hi żbaljata l-viżjoni tad-duttrina tal-Knisja bħala ħaġa monolitika li għandna niddefenduha bla nuance jew fehmiet differenti.

“Wara kollox, f’kull epoka tal-istorja, il-bniedem fittex li jifhem u jesprimi ruħu aħjar. Hekk  il-bniedem maż-żmien jibdel il-mod ta’ kif jifhem lilu nnifsu: Hemm mod kif il-bniedem jesprimi ruħu billi jnaqqax in-Nike di Samotracia, u mod ieħor għal Caravaggio, Chagall u terġa’ ieħor għal Dalí.  Ukoll il-forom ta’ espressjoni tal-verità jistgħu jkunu ta’ ħafna għamliet, u dan hu tabilħaqq  meħtieġ għat-trasmissjoni tal-messaġġ tal-Vanġelu fit-tifsira tiegħu bla żmien.

Il-bniedem qed ifittex lilu nnifsu, u ovvjament f’din it-tfitxija jista’ wkoll jiżbalja. Il-Knisja għexet żminijiet brillanti, bħal dak tat-Tomiżmu. Imma il-Knisja għexet ukoll żminijiet ta’ dekadenza fil-kapaċità li taħseb. Per eżempju, m’għandniex inħawdu l-ġenju ta’ Tumas Aquinas ma’ l-epoka tal-kommentarji Tomisti dekadenti. B’xorti ħażina, jien studjajt il-filosofija b’manwali ta’ Tomiżmu dekadenti jew fil-biċċa l-kbira fallut. Meta taħseb fuq il-bniedem, allura, il-Knisja għandha tfittex il-ġenju, u mhux id-dekadenza.

Meta formulazzjoni tal-ħsieb ma tibqax valida?  Meta l-ħsieb jitlef il-viżjoni ta’ l-uman jew meta saħansitra jibża’ mill-uman jew jitqarraq bih innifsu. Il-ħsieb imqarraq li jista’ jiġi rrappreżentat bħal Ulisse quddiem il-kant tas-sireni, jew bħal Tannhäuser, imdawwar b’orġja ta’ satiri u bakkanti, jew bħal Parsifal, fit-tieni att ta’ l-opra ta’ Wagner, fil-palazz ta’ Klingsor.  Il-ħsieb tal-Knisja għandu jerġa’ jikseb il-ġenju u jifhem aħjar kif il-bnedmin jifhmu lilhom infushom illum, biex tiżviluppa u tapprofondixxi t-tagħlim tagħha”.

 

It-Talb

Għamilt lill-Papa l-mistoqsija ta’ l-aħħar fuq kif jippreferi jitlob. 

“Nitlob l-Uffiċċju kull fil-għodu. Nieħu gost nitlob bis-Salmi. Imbagħad, wara, niċċelebra l-Quddiesa. Nitlob ir-Rużarju.  Dak li nippreferi tassew hija l-Adorazzjoni ta’ fil-għaxija, wkoll meta jkolli d-distrazzjonijiet u nibda naħseb fuq ħwejjeġ oħra jew saħansitra norqod jien u nitlob.  Fil-għaxija, allura, bejn is-sebgħa u t-tmienja, nintefa’ quddiem is-Santissmu Sagrament għal siegħa ta’ adorazzjoni. Imma nitlob ukoll mentalment meta nkun qed nistenna għand id-dentista jew f’mumenti oħrajn tal-ġurnata.

“It-talb għalija hu dejjem talba mimlija memorji, tifkiriet, wkoll memorja ta’ l-istorja tiegħi jew ta’ dak li l-Mulej għamel fil-Knisja tiegħu jew f’xi parroċċa partikulari.  Għalija hi l-memorja li dwarha Sant’Injazju jitkellem fl-Ewwel Ġimgħa ta’ l-Eżerċizzi fil-laqgħa mal-ħanin Kristu msallab. U nistaqsi lili nnifsi: ‘X’għamilt jien għal Kristu? X’qed nagħmel għal Kristu?  X’għandi nagħmel għal Kristu?’. Hi l-memorja li dwarha Injazju jitkellem ukoll fil-Contemplatio ad amorem, meta jitlobna niftakru bil-memorja tagħna l-ġid li rċivejna. Imma fuq kollox jiena naf ukoll li l-Mulej jiftakar fija. Jien nista’ ninsieH, imma jiena naf li Hu qatt, qatt ma jinsieni.  Il-memorja għandha rwol fundamentali  fil-qalb tal Ġiżwita: il-memorja tal-grazzja, il-memorja li dwarha jitkellem id-Dewteronomju, il-memorja ta’ l-għeġubijiet ta’ Alla li huma s-sisien tal-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu. Hi din il-memorja li tagħmel minni iben u li tagħmilni wkoll missier”.

* * *

Intbaħt u xtaqt nibqa’ għaddej b’dan id-djalogu, imma naf li, kif qal darba l-Papa, ma rridux “napprofittaw mil-limiti”.  Kollox ma’ kollox, għaddejna iktar minn sitt sigħat f’dan id-djalogu, fuq medda ta’ tliet appuntamenti fid-19, it-23 u d-29 ta’ Awwissu.  Hawn deherli li aħjar nipproduċi d-diskors mingħajr ma nimmarka l-waqfiet, biex ma tintilifx il-kontinwità. Din tagħna fil-verità kienet konverżazzjoni iktar milli intervista: il-mistoqsijiet servew bħala sfond, mingħajr ma llimitawha f’parametri mfassla minn qabel jew riġidi żżejjed. Ukoll  lingwistikament qsamna b’mod fluwidu mit-Taljan għall-Ispanjol, mingħajr ma ntbaħna kull darba b’dawn il-qabżiet. Ma kien hemm xejn mekkaniku, u t-tweġibiet ħarġu mid-djalogu u fil-qalba ta’ raġunament li hawn ippruvajt nirriproduċi, b’mod sintetiku, hekk kif stajt.

 

 

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Ħajr ukoll lil Fr Anton Azzopardi SJ tal-għajnuna tiegħu.

 

Ara aktar riżorsi minn jew dwar il-Papa Franġisku.

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link